This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017G0615(01)
Council Resolution on the Structured Dialogue and the future development of the dialogue with young people in the context of policies for European cooperation in the youth field, post 2018
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar id-Djalogu Strutturat u l-iżvilupp futur tad-djalogu maż-żgħażagħ fil-kuntest tal-politiki għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, wara l-2018
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar id-Djalogu Strutturat u l-iżvilupp futur tad-djalogu maż-żgħażagħ fil-kuntest tal-politiki għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, wara l-2018
ĠU C 189, 15.6.2017, p. 1–4
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.6.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 189/1 |
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar id-Djalogu Strutturat u l-iżvilupp futur tad-djalogu maż-żgħażagħ fil-kuntest tal-politiki għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ, wara l-2018
(2017/C 189/01)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
FILWAQT LI JFAKKAR LI:
1. |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar “L-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni politika taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika fl-Ewropa” (1) stqarret li l-prijorità tematika ġenerali għall-kooperazzjoni Ewropea għad-Djalogu Strutturat fil-qasam taż-żgħażagħ għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sat-30 ta’ Ġunju 2017 kienet ser tkun “Il-possibbiltà għaż-żgħażagħ kollha li jinvolvu ruħhom f’Ewropa diversa, konnessa u inklużiva” u li din it-tema kienet ser tkun l-element komuni li jiżgura l-kontinwità u l-konsistenza fil-ħidma tat-triju ta’ Presidenzi - in-Netherlands, is-Slovakkja u Malta, f’konformità mal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ 2016-2018. |
FILWAQT LI JIRRIKONOXXI LI:
2. |
Id-Djalogu Strutturat huwa proċess parteċipattiv u l-eżiti tal-ħames ċiklu ta’ ħidma huma bbażati fuq ir-riżultati miksuba mill-konsultazzjonijiet nazzjonali matul il-Presidenza Netherlandiża, dik Slovakka u dik Maltija, kif ukoll mill-Konferenzi tal-UE dwar iż-Żgħażagħ f’Amsterdam f’April 2016, f’Kosice f’Ottubru 2016 u f’Malta f’Marzu 2017. |
3. |
Il-Presidenza Netherlandiża ffukat fuq l-esplorazzjoni tal-isfidi u l-problemi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ fl-Ewropa tal-lum. Matul il-Konferenza taż-Żgħażagħ f’Amsterdam (April 2016), tħejjew mistoqsijiet ta’ gwida għal konsultazzjoni maż-żgħażagħ, u l-Gruppi ta’ Ħidma Nazzjonali fil-livell tal-Istati Membri ġew mistiedna jwettqu l-konsultazzjoni u jipprovdu feedback. |
4. |
Il-Konferenza dwar iż-Żgħażagħ f’Kosice (Ottubru 2016) ikkunsidrat u ddiskutiet ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ u r-rappreżentanti taż-żgħażagħ, u flimkien ma’ rappreżentanti mill-Istati Membri, żviluppat Rakkomandazzjonijiet Konġunti tad-Djalogu Strutturat dwar iż-Żgħażagħ, li ġew diskussi fil-Kunsill EYCS f’Novembru 2016, flimkien mas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ fl-Ewropa. Ir-riżultati ta’ din id-diskussjoni ntbagħtu lill-President tal-Kunsill Ewropew. |
5. |
Matul il-Konferenza taż-Żgħażagħ f’Malta (Marzu 2017), ir-Rakkomandazzjonijiet Konġunti komplew jiġu diskussi, ngħataw prijorità u ġew żviluppati azzjonijiet għall-implimentazzjoni tagħhom. |
JIEĦU NOTA:
6. |
tar-Rakkomandazzjonijiet Konġunti u l-azzjonijiet proposti tad-Djalogu Strutturat dwar iż-Żgħażagħ — “Il-possibbiltà għaż-żgħażagħ kollha li jinvolvu ruħhom f’Ewropa diversa, konnessa u inklużiva” — li jiffukaw fuq is-suġġetti li ġejjin: Aċċess għal informazzjoni kritika u ta’ kwalità; Bini tar-reżiljenza u l-kunfidenza fihom infushom; Lil hinn mill-biża’ u l-intolleranza; Lejn sistema edukattiva li tattwa l-potenzjal taż-żgħażagħ; Trawwim tal-involviment taż-żgħażagħ fis-soċjetà; Bini mill-ġdid tal-fiduċja taż-żgħażagħ fil-proġett Ewropew; Programmi ta’ mobilità għal kulħadd; u l-Impatt tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għal kulħadd kif stipulat fl-Anness. |
JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI, FL-ISFERI TA’ KOMPETENZA RISPETTIVI TAGĦHOM U BIR-RISPETT DOVUT GĦALL-PRINĊIPJU TAS-SUSSIDJARJETÀ:
7. |
sabiex jikkunsidraw ir-Rakkomandazzjonijiet Konġunti u l-azzjonijiet proposti tad-Djalogu Strutturat dwar iż-Żgħażagħ fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ politiki futuri għaż-żgħażagħ fejn xieraq. |
8. |
sabiex iwettqu rieżami tal-proċess ta’ Djalogu Strutturat u l-għanijiet tiegħu għall-Kooperazzjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ Wara l-2018 u jikkunsidraw modi innovattivi u effettivi li jippromwovu djalogu u involviment sinifikanti u kostruttiv ma’ żgħażagħ minn ambjenti differenti, ma’ organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, riċerkaturi żgħażagħ u ma’ dawk li jfasslu l-politika inkluż partijiet ikkonċernati minn setturi rilevanti oħra. |
JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI:
9. |
Fuq il-bażi tal-evidenza, l-evalwazzjoni u l-konsultazzjonijiet, tipproponi proċess imġedded ta’ Djalogu Strutturat bħala parti mill-Kooperazzjoni Ewropea fil-Qasam taż-Żgħażagħ - Wara l-2018. |
JAQBEL UKOLL LI:
10. |
Minħabba li l-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018) ser jitlesta fl-2018, il-prijorità ġenerali għad-djalogu strutturat maż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għaċ-ċiklu ta’ ħidma li jmiss (mill-1 ta’ Lulju 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2018) għandha tkun iffukata fuq il-qafas li jmiss għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ. It-titlu għas-sitt ċiklu tad-Djalogu Strutturat ser ikun “Iż-Żgħażagħ fl-Ewropa: xi jmiss?”. |
11. |
Il-fokus tat-Triju ta’ Presidenzi li jmiss - l-Estonja, il-Bulgarija u l-Awstrija - għas-sitt ċiklu ta’ ħidma tad-Djalogu Strutturat ser ikun li jevalwaw, jirrieżaminaw u jġeddu d-Djalogu Strutturat biex ikomplu jtejbuh u jippromwovuh. |
(1) ĠU C 417, 15.12.2015, p. 10.
ANNESS
Rakkomandazzjonijiet konġunti tad-Djalogu Strutturat dwar iż-Żgħażagħ
Il-possibbiltà għaż-żgħażagħ kollha li jinvolvu ruħhom f’Ewropa diversa, konnessa u inklużiva
Aċċess għal Informazzjoni Kritika u ta’ Kwalità
1. |
L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw jew ikomplu jimplimentaw politika u prattika bbażati fuq l-evidenza li jimmiraw li kontinwament itejbu l-ħiliet taż-żgħażagħ biex jevalwaw b’mod kritiku u jipproċessaw l-informazzjoni permezz tal-edukazzjoni kemm formali kif ukoll mhux formali. |
2. |
L-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, għandhom jappoġġaw media mmexxija miż-żgħażagħ li tkun trasparenti, indipendenti u diversa, peress li din tikkontribwixxi biex jissaħħaħ il-litteriżmu fil-media, u l-ħsieb kritiku u analitiku fost iż-żgħażagħ. Il-Kumitat CULT tal-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea huma mistiedna jieħdu kont ta’ dan l-aspett waqt ir-reviżjoni ta’ “Erasmus +”, “Ewropa għaċ-ċittadini”, “Ewropa Kreattiva” u l-programmi l-oħra rilevanti kollha. |
Żgħażagħ taħt pressjoni: Il-Bini tar-Reżiljenza u l-kunfidenza fihom infushom
1. |
Fid-dawl tal-fatt li l-aspettattivi għal prestazzjoni kompetittiva qed jiżdiedu fix-xenarji edukattivi, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jridu jiżguraw li ż-żgħażagħ ikollhom biżżejjed ħin u spazju għal attivitajiet li jgħinuhom jibnu r-reżiljenza, l-għarfien tagħhom infushom u l-kunfidenza fihom infushom. |
2. |
L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jimplimentaw edukazzjoni dwar il-benessri mentali u s-saħħa mentali, kemm permezz tas-sistema tal-edukazzjoni formali u kif ukoll fl-ambjent mhux formali. L-għan huwa li titkisser l-istigma permezz tas-sensibilizzazzjoni u wkoll li ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitgħallmu kif jieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħhom u kif jikkomunikaw ma’ sħabhom dwar din il-kwistjoni. |
Lil hinn mill-biża’ u l-intolleranza - L-esperjenza tad-diversità
1. |
L-Awtoritajiet Ewropej u Nazzjonali għandhom iżidu l-finanzjament u l-appoġġ istituzzjonali fl-istabbiliment ta’ Programmi Lokali u Skambji fil-Livell Nazzjonali biex jippermettu liż-żgħażagħ kollha jkollhom rabta diretta ma’ żgħażagħ oħrajn minn ambjenti u realtajiet differenti, sabiex isaħħu l-kompetenzi interkulturali, jittrattaw id-diskriminazzjoni, jippromwovu l-empatija u s-solidarjetà, u jesperjenzaw il-benefiċċji tad-diversità. |
2. |
Biex iż-żgħażagħ kollha jgħixu f’Ewropa ta’ diversità, l-UE u l-Awtoritajiet Kompetenti Nazzjonali jridu jiżviluppaw jew jappoġġaw taħriġ u programmi ta’ żvilupp għall-għalliema u l-komunitajiet tal-iskejjel sabiex jinħoloq ambjent sigur u inklussiv fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jiżviluppaw kompetenzi biex jegħlbu l-biża’ u d-diskriminazzjoni. |
Lejn sistema edukattiva li tattwa l-potenzjal taż-żgħażagħ
1. |
Aħna nitolbu l-impenn tal-istati membri kollha biex jiżguraw servizzi ta’ gwida u konsulenza li jagħtu s-setgħa liż-żgħażagħ kollha biex jiżviluppaw lilhom infushom u jsibu triqthom fil-ħajja tul l-istadji kollha tal-edukazzjoni. |
2. |
L-edukazzjoni tonqos milli tipprovdi liż-żgħażagħ bil-ħiliet prattiċi meħtieġa li huma rilevanti għas-soċjetà moderna. Aħna nħeġġu lill-Istati Membri kollha biex jinkoraġġixxu l-inklużjoni ta’ ħiliet prattiċi għall-ħajja fl-edukazzjoni sabiex iż-żgħażagħ jkunu jistgħu jkunu parteċipanti attivi f’soċjetajiet diversi u fil-post tax-xogħol. |
It-trawwim tal-involviment taż-żgħażagħ fis-soċjetà b’mod partikolari għal gruppi vulnerabbli.
1. |
L-istituzzjonijiet edukattivi u l-partijiet ikkonċernati lokali, b’kooperazzjoni maż-żgħażagħ, għandhom jipprovdu appoġġ imfassal apposta, servizz aċċessibbli, u kif ukoll joħolqu spazji għal interazzjoni sinifikanti, sabiex iż-żgħażagħ kollha jkunu jistgħu jiskopru u jħaddnu l-identità u l-valur individwali tagħhom. Din hija l-bażi li fuqha tissawwar fiduċja reċiproka bejn żgħażagħ minn ambjenti differenti. |
2. |
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull żagħżugħ u żagħżugħa, tkun xi tkun is-sitwazzjoni personali u soċjali tagħhom, ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom liberament f’attivitajiet ta’ volontarjat billi dawn isiru aċċessibbli. L-involviment għandu jiġi żgurat, pereżempju f’organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, biex jinħoloq sens ta’ appartenenza u biex iż-żgħażagħ jingħataw is-setgħa bħala ċittadini. |
Il-kisba mill-ġdid tal-fiduċja taż-żgħażagħ fil-proġett Ewropew
1. |
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ għandhom jaħdmu flimkien biex janalizzaw u jifhmu kif iż-żgħażagħ jaċċessaw il-komunikazzjoni mill-UE u dwarha u biex jiżviluppaw strateġija ta’ komunikazzjoni sabiex jinfurmaw liż-żgħażagħ Ewropej dwar l-UE u kif jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-proġett tal-UE. |
2. |
Biex titnaqqas id-distanza bejn iż-żgħażagħ u l-UE u l-politiki tagħha, għandhom jiġu organizzati Festivals taż-Żgħażagħ tal-UE fil-livell Nazzjonali u/jew Reġjonali fl-Istati Membri kollha b’rabta ma’ inizjattivi Ewropej. Dawn il-festivals, li jikkombinaw attivitajiet soċjali, politiċi u kulturali, għandhom ilaqqgħu flimkien żgħażagħ minn ambjenti differenti. Dawn l-avvenimenti ser irawmu t-tagħlim u d-dibattitu dwar l-UE u l-opportunitajiet li toffri u ser jiffurmaw il-politiki tagħha f’ambjent ta’ divertiment flimkien. |
Programm ta’ mobilità: impjiegi u edukazzjoni għal kulħadd
1. |
L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jegħlbu l-ostakli eżistenti li ż-żgħażagħ għandhom fl-aċċess għall-mobilità. L-aċċess għal programmi ta’ mobilità għandu jiġi ssimplifikat u adattat aħjar għall-ħtiġijiet diversi taż-żgħażagħ. Għandhom jiġu pprovduti informazzjoni u gwida biex titqajjem aktar kuxjenza dwar l-opportunitajiet ta’ mobilità. |
2. |
L-Istati Membri tal-UE għandhom joħolqu qafas legali għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba permezz ta’ programmi ta’ mobilità fil-livell nazzjonali u Ewropew. Dan mhux talli ser jipprovdi aċċess ugwali għal opportunitajiet ta’ tagħlim diversi iżda ser jivvalida wkoll il-ħiliet miksuba u jikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ. |
L-impatt tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ għal kulħadd
1. |
L-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jippromwovu u jappoġġaw firxa ta’ spazji virtwali u fiżiċi ddedikati għall-ħidma kwalifikata fost iż-żgħażagħ bħala rispons għall-ħtiġijiet u l-interessi taż-żgħażagħ kollha. |
2. |
Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jallokaw biżżejjed fondi operazzjonali sabiex il-ħidma fil-qasam taż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ ikunu kapaċi jwettqu ħidma sostenibbli fost iż-żgħażagħ li tkun aċċessibbli, rilevanti u sinifikanti għaż-żgħażagħ kollha. |