Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2334

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2334 tal-14 ta' Diċembru 2017 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-krijożot għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 8 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2017/8353

ĠU L 333, 15.12.2017, p. 64–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/2334/oj

15.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/64


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2334

tal-14 ta' Diċembru 2017

li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-krijożot għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 8

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

Billi:

(1)

Is-sustanza attiva krijożot iddaħħlet fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) biex tintuża fi prodotti bijoċidali tat-tip 8, u b'hekk skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 hija meqjusa li hi approvata skont dak ir-Regolament soġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I ta' dik id-Direttiva.

(2)

L-approvazzjoni tal-krijożot se tiskadi fit-30 ta' April 2018. Fis-27 ta' Ottubru 2016 tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta' din is-sustanza attiva, bi qbil mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(3)

L-awtorità kompetenti li tevalwa, li hija r-Renju Unit, fl-14 ta' Lulju 2017 infurmat lis-servizzi tal-Kummissjoni li se jkollha ssir evalwazzjoni sħiħa. Biex issir evalwazzjoni sħiħa jingħata perjodu ta' 365 jum skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Skont l-Artikolu 8(2) ta' dak ir-Regolament, waqt din l-evalwazzjoni, l-awtorità kompetenti li tevalwa tista', jekk ikun hemm il-bżonn, titlob li l-applikant jipprovdi biżżejjed dejta għat-twettiq tal-evalwazzjoni. F'dak il-każ, il-perjodu ta' 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li b'kollox ma jistax jaqbeż il-180 jum sakemm dan ma jkunx iġġustifikat minħabba t-tip ta' dejta li tintalab jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

(4)

Skont l-Artikolu 14(3) ta' dak ir-Regolament, fi' żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tippreżentaha lill-Kummissjoni.

(5)

Barra minn hekk, billi l-krijożot huwa kklassifikat fil-kategorija tal-karċinoġeniċi 1B u jissodisfa l-kriterji ta' sustanza tossika persistenti u bijoakkumulattiva (sustanza PBT), jew ta' sustanza persistenti ħafna u bijoakkumulattiva ħafna (sustanzi vPvB) (PBT jew vPvB) skont l-Anness XIII tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jissodisfa l-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti fil-punti (a) u (e) tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għalhekk se jkun meħtieġ aktar studju biex jiġi ddefinit jekk tintlaħaqx mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet li hemm fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament, u jekk għaldaqstant tistax tiġġedded l-approvazzjoni tal-krijożot.

(6)

Għaldaqstant, għal raġunijiet li mhumiex fil-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni tal-krijożot x'aktarx li se tiskadi qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li tiġi posposta d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-krijożot għal perjodu ta' żmien twil biżżejjed biex ikun jista' jsir l-istudju tal-applikazzjoni. Billi l-perjodi ta' żmien li jingħataw għall-evalwazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, u għat-tħejjija u l-preżentazzjoni tal-opinjoni tal-Aġenzija, u l-perjodu ta' żmien meħtieġ biex jiġi ddeterminat jekk hijiex sodisfata mill-inqas waħda mill-kundizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament, u għaldaqstant jekk tistax tiġġedded l-approvazzjoni tal-krijożot, jixraq li tiġi posposta d-data ta' skadenza tal-approvazzjoni tal-krijożot sal-31 ta' Ottubru 2020.

(7)

Minbarra d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, jenħtieġ li l-krijożot jibqa' approvat suġġett għall-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-krijożot għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip 8 hija posposta għall-31 ta' Ottubru 2020.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2017.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).


Top