This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017D2288
Commission Implementing Decision (EU) 2017/2288 of 11 December 2017 on the identification of ICT Technical Specifications for referencing in public procurement (Text with EEA relevance. )
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2288 tal-11 ta' Diċembru 2017 dwar l-identifikazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-ICT għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2288 tal-11 ta' Diċembru 2017 dwar l-identifikazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-ICT għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2017/8268
ĠU L 328, 12.12.2017, p. 123–125
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
12.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 328/123 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2288
tal-11 ta' Diċembru 2017
dwar l-identifikazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-ICT għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,
Wara li kkonsultat mal-Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT u ma' esperti fis-settur,
Billi:
(1) |
L-istandardizzazzjoni taqdi rwol importanti ta' appoġġ lill-istrateġija Ewropa 2020 (2). Diversi inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 saħqu fuq l-importanza tal-istandardizzazzjoni volontarja fis-swieq tal-prodotti jew tas-servizzi sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà bejn il-prodotti u s-servizzi, sabiex jitrawwem l-iżvilupp teknoloġiku, u sabiex jingħata appoġġ lill-innovazzjoni. |
(2) |
L-istandards huma essenzjali għall-kompetittività Ewropea u kruċjali għall-innovazzjoni u għall-progress. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar is-Suq Uniku (3) u dwar is-Suq Uniku Diġitali (4) jikkonfermaw l-importanza tal-istandards komuni biex jiżguraw l-interoperabbiltà meħtieġa tan-netwerks u tas-sistemi fl-Ekonomija Diġitali Ewropea. Dan issaħħaħ bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni dwar il-Prijoritajiet tal-Istandardizzazzjoni tal-ICT (5), li fiha l-Kummissjoni tidentifika t-teknoloġiji tal-ICT ta' prijorità fejn l-istandardizzazzjoni titqies kruċjali għat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali. |
(3) |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titlu “Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020” (6) tirrikonoxxi l-ispeċifiċità tal-istandardizzazjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (“ICT”), fejn is-soluzzjonijiet, l-applikazzjonijiet u s-servizzi ħafna drabi jiġu żviluppati minn Fora u Konsorzji globali tal-ICT, li llum huma organizzazzjonijiet ewlenin għall-iżvilupp tal-istandards tal-ICT. |
(4) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea stabbilixxa sistema li permezz tagħha l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tidentifika l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT l-iktar rilevanti u l-iktar aċċettati, maħruġa minn organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni li mhumiex Ewropej, internazzjonali jew nazzjonali, li mbagħad jistgħu jiġu referenzjati, fuq kollox biex jippermettu l-interoperabbiltà fl-akkwist pubbliku. Il-possibbiltà li tintuża l-medda sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT fl-akkwist ta' ħardwer, softwer u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni se tippermetti l-interoperabbiltà bejn l-apparati, is-servizzi u l-applikazzjonijiet, se tgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jevitaw is-saturazzjoni li ssir meta x-xerrej pubbliku ma jkunx jista' jibdel il-fornitur wara l-iskadenza tal-kuntratt tal-akkwist minħabba l-użu ta' soluzzjonijiet proprjetarji tal-ICT, u se tħeġġeġ il-kompetizzjoni fil-provvista ta' soluzzjonijiet interoperabbli tal-ICT. |
(5) |
Sabiex l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT ikunu eleġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku, iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Il-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti tiggarantixxi lill-awtoritajiet pubbliċi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT ikunu stabbiliti skont il-prinċipji tal-aċċess miftuħ, tat-trasparenza, tal-imparzjalità u tal-kunsens li huma rrikonoxxuti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-qasam tal-istandardizzazzjoni. |
(6) |
Id-deċiżjoni li tiġi identifikata l-ispeċifikazzjoni tal-ICT għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT, stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 349/04 (7), ikkumplimentata minn forom oħra ta' konsultazzjoni ta' esperti fis-settur. |
(7) |
Il-Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT ivvalutat u tat parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li ġejjin għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku: “SPF-Sender Policy Framework for Authorizing Use of Domains in Email” (“SPF”), “STARTTLS-SMTP Service Extension for Secure SMTP over Transport Layer Security” (“STARTTLS-SMTP”) u “DANE-SMTP Security via Opportunistic DNS-Based Authentication of Named Entities Transport Layer Security” (“DANE-SMTP”) żviluppati mill-Internet Engineering Task Force (IETF); “Structured Threat Information Expression” (“STIX 1.2”) u “Trusted Automated Exchange of Indicator Information” (“TAXII 1.1”) żviluppati mill-Organization for the Advancement of Structured Information Standards (OASIS). Wara dan, il-valutazzjoni u l-parir tal-Pjattaforma ġew sottomessi għall-konsultazzjoni tal-esperti settorjali, li min-naħa tagħhom ikkonfermaw il-parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni msemmija. |
(8) |
L-ispeċifikazzjoni teknika “SPF” żviluppata mill-IETF hija standard miftuħ li jispeċifika metodu tekniku biex jidentifika falsifikazzjoni tal-indirizz tal-mittent. L-SPF toffri l-għażla li jiġi vverifikat jekk messaġġ ikunx qed jintbagħat minn server li huwa awtorizzat li jagħmel dan. Hija sistema sempliċi ta' validazzjoni tal-posta elettronika, iddisinjata biex tidentifika l-ispoofing billi tipprovdi mekkaniżmu li jippermetti lill-iskambjaturi tal-posta elettronika jivverifikaw li l-posta li tidħol mingħand dominju tkunx ġejja minn host awtorizzat mill-amministraturi ta' dak id-dominju. L-għan tal-SPF huwa li twaqqaf lill-ispammers milli jibagħtu messaġġi bi “From-addresses” falsifikati f'dominju partikulari. Ir-riċevituri jistgħu jirreferu għal rekord SPF biex jiddeterminaw jekk messaġġ li taparsi jkun ġej minn dak id-dominju jiġix minn server awtorizzat tal-posta elettronika. |
(9) |
“STARTTLS-SMTP”, żviluppata mill-IETF, hija mod ta' kif taġġorna konnessjoni eżistenti mhux sigura f'konnessjoni sigura. STARTTLS hija estensjoni għas-servizz tal-Protokoll Sempliċi għat-Trasferiment tal-Posta Elettronika (“SMTP”), li tippermetti lil server u klijent tal-SMTP jużaw it-Transport Layer Security (“TLS”) biex jipprovdi komunikazzjoni privata u awtentikata bl-internet. Il-komunikazzjoni b'posta elettronika partikularment mhux sigura toffri vettur ta' attakk sinifikanti għad-dħul mhux awtorizzat fin-netwerks tal-gvernijiet. Jekk utent jibgħat e-mail, is-server tal-fornitur tal-posta elettronika tal-utent jibgħat din l-e-mail lis-server tal-posta elettronika tar-riċevitur. Il-konnessjoni bejn dawn is-servers tal-posta elettronika tista' ssir sigura bil-quddiem permezz tat-TLS. STARTTLS toffri mod biex jaġġorna konnessjoni mhux kriptata (f'format ta' test sempliċi) għal konnessjoni TLS kriptata. |
(10) |
“DANE-SMTP”, żviluppata mill-IETF, hija sett ta' protokolli li jsaħħu s-sigurtà tal-internet billi jippermettu li jiddaħħlu kjavi fis-sistema tal-ismijiet tad-dominji (“DNS”), u li jsiru siguri permezz tad-DNSSEC (“DNS Security”). Meta tiġi stabbilita konnessjoni sigura ma' parti mhux magħrufa, tkun xierqa verifika onlajn tal-awtentiċità tal-parti mittenti u tad-destinazzjoni. Dan jista' jsir permezz ta' ċertifikati maħruġa minn awtoritajiet taċ-ċertifikazzjoni (“Cas”) fi ħdan is-sistema tal-PKI (infrastruttura tal-kjavi pubblika), jew permezz ta' ċertifikati awtoffirmati. DANE tippermetti lid-detentur ta' dominju (“reġistrant”) jipprovdi informazzjoni addizzjonali li tiżdied maċ-ċertifikati onlajn permezz ta' rekord tad-DNS assigurat bid-DNSSEC. Għaldaqstant, DANE hija partikularment importanti fil-ġlieda kontra attakkanti attivi. |
(11) |
“STIX 1.2”, żviluppata mill-OASIS, hija lingwa għad-deskrizzjoni tal-informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku b'mod standardizzat u strutturat. Tkopri kwistjonijiet ewlenin marbutin mad-dejta tat-theddid ċibernetiku, u tiffaċilita l-analiżi u l-iskambju dwar l-attakki. Tikkaratterizza sett estensiv ta' informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku, inkluż indikaturi ta' attività avversarja bħal indirizzi tal-IP u hashes tal-fajls, kif ukoll informazzjoni kuntestwali dwar it-theddid bħal Tattiċi, Tekniki u Proċeduri (“TTPs”) avversarji; miri tal-esplotazzjoni; kampanji u linji ta' azzjoni (“COA”, Campaigns and Courses of Action). Meħuda flimkien, din l-informazzjoni tikkaratterizza bis-sħiħ il-motivazzjonijiet, il-kapaċitajiet u l-attivitajiet tal-avversarju ċibernetiku, u b'hekk tgħin fid-difiża kontra l-attakki. |
(12) |
L-ispeċifikazzjoni teknika “TAXII v1.1”, żviluppata wkoll mill-OASIS, tistandardizza l-iskambju fdat u awtomatizzat tal-informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku. TAXII tiddefinixxi servizzi u skambji ta' messaġġi għat-tixrid ta' informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku li tista' ssir azzjoni dwarha, lil hinn mil-limiti ta' organizzazzjonijiet, prodotti jew servizzi, fid-dawl tad-detezzjoni, tal-prevenzjoni u tat-taffija tat-theddid ċibernetiku. TAXII tagħti lill-organizzazzjonijiet is-setgħa biex jiksbu kuxjenza mtejba tas-sitwazzjoni rigward theddid emerġenti, u tippermetti lill-organizzazzjonijiet jxerrdu l-informazzjoni faċilment mas-sħab tagħhom, filwaqt li tirfed relazzjonijiet u sistemi eżistenti, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi elenkati fl-Anness huma eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
(2) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv”. COM(2010) 2020 finali, it-3 ta' Marzu 2010.
(3) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji”. COM(2015) 550 finali tat-28 ta' Ottubru 2015.
(4) Il-Komunikazzjoni dwar Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa. COM(2015) 192 finali tas-6 ta' Mejju 2015.
(5) COM(2016) 176 finali tad-19 ta' April 2016.
(6) KUMM(2011) 311 finali tal-1 ta' Ġunju 2011.
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/C 349/04 tat-28 ta' Novembru 2011 li twaqqaf Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT (ĠU C 349, 30.11.2011, p. 4).
ANNESS
Internet Engineering Task Force (IETF)
Nru |
Titlu tal-ispeċifikazzjoni teknika tal-ICT |
1 |
SPF-Sender Policy Framework |
2 |
STARTTLS-SMTP Service Extension for Secure SMTP over Transport Layer Security |
3 |
DANE-SMTP Security via Opportunistic DNS-Based Authentication of Named Entities Transport Layer Security (TLS) |
Organization for the Advancement of Structured Information Standards (OASIS)
Nru |
Titlu tal-ispeċifikazzjoni teknika tal-ICT |
1 |
STIX 1.2 Structured Threat Information Expression |
2 |
TAXII 1.1 Trusted Automated Exchange of Indicator Information |