This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32016O0038
Guideline (EU) 2016/1994 of the European Central Bank of 4 November 2016 on the approach for the recognition of institutional protection schemes for prudential purposes by national competent authorities pursuant to Regulation (EU) No 575/2013 of the European Parliament and of the Council (ECB/2016/38)
Linja Gwida (UE) 2016/1994 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Novembru 2016 dwar l-approċċ għar-rikonoxximent ta' skemi ta' protezzjoni istituzzjonali għal skopijiet prudenzjali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (BĊE/2016/38)
Linja Gwida (UE) 2016/1994 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Novembru 2016 dwar l-approċċ għar-rikonoxximent ta' skemi ta' protezzjoni istituzzjonali għal skopijiet prudenzjali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (BĊE/2016/38)
ĠU L 306, 15.11.2016, p. 37–42
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
15.11.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 306/37 |
LINJA GWIDA (UE) 2016/1994 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-4 ta' Novembru 2016
dwar l-approċċ għar-rikonoxximent ta' skemi ta' protezzjoni istituzzjonali għal skopijiet prudenzjali mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti bis-saħħa tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (BĊE/2016/38)
Il-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 6(5)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 113(7) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skema ta' protezzjoni istituzzjonali (IPS) hija msemmija fl-Artikolu 113(7) fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 bħala arranġament kuntrattwali jew statutorju li jipproteġi l-istituzzjonijiet membri tagħha u tiżgura li għandhom il-likwidità u s-solvenza meħtieġa biex jevitaw il-falliment meta meħtieġ. Skont dik id-dispożizzjoni,l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, ineħħu ċerti rekwiżiti prudenzjali jew jippermettu ċerti eżenzjonijiet għal membri IPS. |
(2) |
Il- Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bħala l-awtorità kompetenti għas-superviżjoni prudenzjali fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) ta' istituzzjonijiet ta' kreditu li huma kklassifikati bħala sinifikanti, huwa responsabbli għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet sottomessi minn dawk l-istituzzjonijiet. |
(3) |
Il-kundizzjonijiet għall-valutazzjoni tal-IPSs għall-finijiet prudenzjali huma stipulati fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Dan ir-Regolament jagħti ftit diskrezzjoni lill-awtoritajiet kompetenti meta jiżviluppaw il-valutazzjoni superviżorja meħtieġa għad-determinazzjoni jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza, l-effettività u t-trasparenza, il-BĊE żied kapitolu ġdid fil-“Gwida tal-BĊE dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni” dwar l-approċċ għar-rikonoxximent ta' skemi ta' protezzjoni istituzzjonali (IPS) għall-finijiet prudenzjali (3) li tispeċifika kif il-BĊE se jivvaluta l-konformità tal-IPSs u l-membri tagħhom mal-kundizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq. |
(4) |
Il-BĊE huwa responsabbli għall-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU u, bħala parti mill-kompiti tas-sorveljanza tiegħu, għandu jiżgura l-konsistenza tal-eżiti superviżorji. F'dan il-kuntest, il-BĊE jista' joħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali (NCAs), li f'konformità magħhom għandhom jitwettqu kompiti superviżorji adottati fir-rigward ta' istituzzjonijiet inqas sinifikanti. |
(5) |
Billi l-IPS tista' tikkonsisti minn istituzzjonijiet sinifikanti u inqas sinifikanti, huwa importanti li jiġi żgurat it-trattament konsistenti tal-membri tagħhom fi ħdan l-MSU, biex titrawwem il-konsistenza fid-deċiżjonijiet adottati mill-BĊE u l-NCAs. Għal IPS li l-membri tagħha jinkludu istituzzjonijiet ta' kreditu kemm sinifikanti kif ukoll inqas sinifikanti, huwa partikolarment importanti li kemm l-BĊE, li huwa responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet sinifikanti, u l-NCAs, li huma responsabbli għas-superviżjoni ta' istituzzjonijiet inqas sinifikanti, jużaw l-istess speċifikazzjonijiet għall-valutazzjoni tal-eliġibbiltà. L-użu tal-istess speċifikazzjonijiet mill-NCAs huwa meħtieġ wkoll fil-valutazzjoni tal-IPSs li jikkonsistu biss minn istituzzjonijiet inqas sinifikanti, billi l-kompożizzjoni tal-IPSs, kif ukoll il-klassifikazzjoni tal-membri tagħhom bħala sinifikanti jew inqas sinifikanti, tista' tinbidel maż-żmien. |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Kamp ta' applikazzjoni
Din il- Linja Gwida tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-valutazzjoni tal-konformità tal-IPSs u l-membri tagħhom mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 sabiex jiġi ddeterminat jekk il-permess fit-tifsira ta' dak l-Artikolu jistax jingħata lil istituzzjonijiet individwali. L-NCAs għandhom japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet fir-rigward ta' istituzzjonijiet inqas sinifikanti.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din il-Linja Gwida, id-definizzjonijiet previsti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013, id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (5) għandhom japplikaw.
KAPITOLU II
SPEĊIFIKAZZJONIJIET GĦALL-VALUTAZZJONI BIS-SAĦĦA TAL-ARTIKOLU 113(7) TAR-REGOLAMENT (UE) Nru 575/2013
Artikolu 3
L-Artikolu 113(7)(a) flimkien mal-Artikolu 113(6)(a) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: valutazzjoni tal-istatus prudenzjali u d-domiċilju legali
Skont l-Artikolu 113(7)(a) flimkien mal-Artikolu 113(6)(a) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, meta jiġi vvalutat l-istatus prudenzjali u d-domiċilju legali tal-kontroparti l-NCAs għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni jekk:
(a) |
il-kontroparti hijiex istituzzjoni, istituzzjoni finanzjarja jew impriża ta' servizzi ancillari suġġetta għal rekwiżit prudenzjali xierqa. |
(b) |
il-kontroparti li titlob il-permess hijiex stabbilita fl-istess Stat Membru. |
Artikolu 4
L- Artikolu 113(7) (a) meħud flimkien mal-Artikolu 113(6)(e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: trasferiment fil-pront ta' fondi proprji jew ħlas mill-ġdid ta' obbligazzjonijiet mill-kontroparti lill-membri
Meta jivvalutaw jekk hemmx impediment materjali, prattiku jew legali kurrenti jew prevedibbli għat-trasferiment fil-pront ta' fondi proprji jew ħlas lura ta' obbligazzjonijiet mill-kontroparti lill-membri skont l-Artikolu 113(7)(a) flimkien mal-Artikolu 113(6)(e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-NCAs għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni jekk:
(a) |
l-azzjonijiet jew l-istruttura ġuridika tal-membri jistgħux jostakolaw it-trasferibbiltà ta' fondi proprji jew il-ħlas lura ta' obbligazzjonijiet; |
(b) |
il-proċess formali ta' teħid ta' deċiżjonijiet dwar it-trasferiment ta' fondi proprji bejn membri jiżgurax trasferimenti fil-pront; |
(c) |
ir-regolamenti (by-laws) tal-membri, kull ftehim tal-azzjonist, jew kull ftehim magħruf ieħor fihomx xi dispożizzjonijiet li jistgħu jostakolaw it-trasferiment ta' fondi proprji jew il-ħlas lura ta' obbligazzjonijiet mill-kontroparti; |
(d) |
kienx hemm diffikultajiet serji ta' ġestjoni jew kwistjonijiet ta' governanza korporattiva dwar il-membri, li jistgħu jkollhom impatt negattiv fuq it-trasferiment fil-pront ta' fondi proprji jew il-ħlas lura ta' obbligazzjonijiet; |
(e) |
kwalunkwe terza parti (6) tistax teżerċita kontroll fuq jew tipprevjeni t-trasferiment fil-pront ta' fondi proprji jew il-ħlas lura ta' obbligazzjonijiet; |
(f) |
hemmx ebda indikazzjoni mill-passat dwar flussi ta' fondi bejn membri li juru l-kapaċità li fondi jiġu ttrasferiti fil-pront jew li jsir ħlas lura tal-obbligazzjonijiet. |
Ir-rwol u r-responsabbiltà ta' intermedjazzjoni tal-ġestjoni tal-kriżi tal-IPS biex tipprovdi fondi għall-appoġġ ta' membri fil-perikolu huwiex ikkunsidrat bħala fundamentali.
Artikolu 5
L-Artikolu 113(7)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: kapaċità ta' IPS li tagħti l-appoġġ neċessarju fl-impenn tagħha
Meta jivvalutaw jekk hemmx arranġamenti fis-seħħ li jiżguraw li IPS tkun tista' tagħti l-appoġġ li impenjat ruħha li tagħti minn fondi li għandha faċilment disponibbli taħt l-Artikolu 113(7)(b) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-NCAs għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni jekk:
(a) |
l-arranġamenti jinkludux firxa wiesgħa ta' miżuri, proċessi u mekkaniżmi, li jikkostitwixxu l-qafas li fih topera IPS; Dan il-qafas għandu jinkludi serje ta' azzjonijiet possibbli, minn dawk inqas intrużivi għal miżuri iktar sostanzjali li huma proporzjonati ma' kemm hemm riskju fl-istituzzjoni benefiċjarja u kemm huma severi r-restrizzjonijiet finanzjarji, inkluż kapital dirett u appoġġ ta' likwidità. L-appoġġ jista' jkun kundizzjonali, pereżempju dwar l-implimentazzjoni ta' ċerti miżuri ta' rkupru u ristrutturar mill-istituzzjoni; |
(b) |
l-istruttura ta' governanza tal-IPS u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq miżuri ta' appoġġ jippermettu li jingħata appoġġ fil-ħin; |
(c) |
jeżisti impenn ċar li jiġi pprovdut appoġġ meta, minkejja monitoraġġ preċedenti tar-riskji u miżuri ta' intervent kmieni, membru huwa, jew x'aktarx se jkun insolventi jew illikwidu u biex jiġi żgurat li l-membri tagħha jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji ta' fondi proprji u likwidità rilevanti; |
(d) |
l-IPS tagħmel testijiet ta' stress f'intervalli regolari għall-kwantifikazzjoni ta' kapital potenzjali u miżuri ta' appoġġ ta' likwidità; |
(e) |
il-kapaċità ta' assorbiment tar-riskju tal-IPS (li tikkonsisti minn fondi mħallsin, kontribuzzjonijiet potenzjali ex post u impenji paragunabbli) hija biżżejjed biex tkopri miżuri ta' appoġġ potenzjali meħuda fir-rigward tal-membri tagħha; |
(f) |
inħoloq fond ex ante sabiex jiġi żgurat li l-IPS għandha fondi għal miżuri ta' appoġġ faċilment disponibbli, u
|
L-IPSs jistgħu jiġu rrikonoxxuti bħala skemi ta' garanzija tad-depożiti bis-saħħa tad-Direttiva 2014/49/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u jistgħu jiġu permessi taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali biex jużaw l-mezzi finanzjarji disponibbli għal miżuri alternattivi sabiex jipprevjenu l-falliment ta' istituzzjoni ta' kreditu. F'dan il-każ l-NCAs għandhom jikkunsidraw il-mezzi finanzjarji disponibbli meta jivvalutaw id-disponibbiltà ta' fondi biex jagħtu appoġġ, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iskopijiet differenti tal-IPSs, li għandhom l-għan li jipproteġu l-membri tagħhom, u l-iskemi ta' garanzija tad-depożiti, li l-kompitu ewlieni tagħhom huwa l-protezzjoni tad-depożituri kontra l-konsegwenzi tal-insolvenza ta' istituzzjoni ta' kreditu.
Artikolu 6
Artikolu 113(7)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: Sistemi IPS għall-monitoraġġ u l-klassifikazzjoni tar-riskju
L-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jipprovdi li IPS għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha sistemi adegwati u stipulati b'mod uniformi għall-monitoraġġ u l-klassifikazzjoni tar-riskju, li jagħtu stampa sħiħa tas-sitwazzjonijiet ta' riskju tal-membri individwali kollha u tal-IPS inġenerali, b'possibbiltajiet korrispondenti ta' intervent; u dawk is-sistemi għandhom jimmonitorjaw b'mod adegwat l-iskoperturi inadempjenti skont l-Artikolu 178(1) tal-istess Regolament. Fil-valutazzjoni tal-konformità ma' din il-kundizzjoni, l-NCAs għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni jekk:
(a) |
il-membri IPS humiex obbligati li jipprovdu l-korp ta' ġestjoni prinċipali tal-IPS b'dejta aġġornata dwar is-sitwazzjonijiet ta' riskju tagħhom f'intervalli regolari, inkluża informazzjoni fuq il-fondi proprji tagħhom u r-rekwiżiti tal-fondi proprji; |
(b) |
humiex fis-seħħ flussi ta' dejta xierqa korrispondenti u sistemi IT; |
(c) |
il-korp ta' ġestjoni prinċipali IPS jistabbilixxix standards uniformi u metodoloġiji għall-qafas tal-ġestjoni tar-riskju li għandu jiġi applikat mill-membri; |
(d) |
għall-finijiet tal-monitoraġġ u l-klassifikazzjoni ta' riskju mill-IPS hemmx definizzjoni komuni tar-riskji, humiex immoniterjati l-istess kategoriji tar-riskju għall-membri kollha, u l-istess livell ta' konfidenza u perjodu ta' żmien jintużax għall-kwantifikazzjoni tar-riskji; |
(e) |
is-sistemi IPS għall-monitoraġġ u l-klassifikazzjoni ta' riskji jikklassifikawx il-membri skont is-sitwazzjoni ta' riskju tagħhom, jiġifieri l-IPS ddefinixxiet kategoriji differenti fejn tpoġġi l-membri tagħha biex tippermetti intervent bikri; |
(f) |
l-IPS tistax tinfluwenza s-sitwazzjoni tar-riskju tal-membri tagħha billi toħroġilhom struzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet, eċċ, pereżempju sabiex jiġu ristretti ċerti attivitajiet jew biex jenħtieġ tnaqqis ta' ċerti riskji. |
Artikolu 7
Artikolu 113(7)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: Reviżjoni tar-riskju proprju tal-IPS
Meta tivvaluta jekk IPS tagħmilx il-valutazzjoni ta' riskju tagħha stess, li jiġi kkomunikat lill-membri individwali skont l-Artikolu 113(7) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-NCAs għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni jekk:
(a) |
l-IPS vvalutatx f'intervalli regolari r-riskji u l-vulnerabbiltajiet tas-settur li jappartjenu għalih il-membri tiegħu; |
(b) |
ir-riżultati tar-reviżjoni tar-riskju humiex miġbura fil-qasir f'rapport jew dokument ieħor u huma ddistribwiti lill-korpi deċiżjonali rilevanti tal-IPS u/jew il-membri ftit wara li jkunu ġew iffinalizzati; |
(c) |
il-membri humiex informati bir-riskju ta' klassifikazzjoni tagħhom mill-IPS kif meħtieġ mill-Artikolu 113(7)(c). |
Artikolu 8
Artikolu 113(7)(e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: Rapport konsolidat jew aggregat IPS
L-Artikolu 113(7)(e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jipprovdi li IPS għandha tfassal u tippubblika fuq bażi annwali, rapport konsolidat li jinkludi l-karta tal-bilanċ, il-kont tal-qligħ u t-telf, ir-rapport tas-sitwazzjoni u r-rapport tar-riskju, li jirrigwarda l-iskema ta' protezzjoni istituzzjonali inġenerali, jew rapport li jinkludi l-karta tal-bilanċ aggregata, il-kont tal-qligħ u t-telf aggregat, ir-rapport tas-sitwazzjoni u r-rapport tar-riskju, fir-rigward tal-iskema ta' protezzjoni istituzzjonali inġenerali. Fil-valutazzjoni tal-konformità ma' din il-kundizzjoni, l-NCAs għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni jekk:
(a) |
ir-rapport konsolidat jew aggregat huwiex ivverifikat minn awditur estern indipendenti fuq il-bażi ta' qafas ta' kontabbiltà rilevanti jew, jekk ikun applikabbli, il-metodu ta' aggregazzjoni; |
(b) |
l-awditur estern huwiex meħtieġ li jipprovdi opinjoni ta' verifika; |
(c) |
il-membri IPS kollha u kull sussidjarja, kull struttura intermedjarja bħal kumpanniji holding u l-entità li tiġġestixxi l-IPS innifisha (jekk hija entità ġuridika) humiex inklużi fl-ambitu tal- konsolidazzjoni/aggregazzjoni; |
(d) |
fil-każijiet fejn IPS tirrediġi rapport li jinkludi karta tal-bilanċ aggregata u kont tal-qligħ u t-telf aggregat, il-metodu ta' aggregazzjoni jistax jiżgura li l-iskoperturi intragrupp kollha humiex eliminati. |
Artikolu 9
Artikolu 113(7)(f) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: avviż bil-quddiem tat-terminazzjoni ta' membru
L-NCAs għandhom jivverifikaw jekk il-kuntratt jew arranġamenti statutorji jinkludux dispożizzjoni li tobbliga lil membri tal-IPS li jagħtu avviż bil-quddiem tal-inqas ta' 24 xahar jekk jixtiequ jtemmu l-iskema.
Artikolu 10
Artikolu 113(7)(f) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: eliminazzjoni ta' użu multiplu ta' elementi eliġibbli għall-kalkolu ta' fondi proprji
L-Artikolu 113(7)(e) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jipprovdi li l-użu multiplu ta' elementi eliġibbli għall-kalkolu ta' fondi proprji (“multiple gearing”) u kull ħolqien mhux xieraq ta' fondi proprji bejn membri IPS għandhom jiġu eliminati. Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-konformità ma' dan ir-rekwiżit, l-NCAs għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni jekk:
(a) |
awditur estern li huwa responsabbli għall-verifika tar-rapport finanzjarju konsolidat jew aggregat jistax jikkonferma li dawn il-prattiki ġewx eliminati; |
(b) |
kull tranżazzjoni mill-membri waslitx għall-ħolqien mhux xieraq ta' fondi proprji fil-livell individwali, subkonsolidat jew kkonsolidat. |
Artikolu 11
Artikolu 113(7)(h) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013: sħubija wiesgħa
Meta tiġi vvalutata l-konformità mal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 113(7)(h) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jiġifieri li l-IPS għandha tkun ibbażata fuq sħubija wiesgħa tal-istituzzjonijiet ta' kreditu bi profil tan-negozju omogenju predominanti, l-NCAs għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni:
(a) |
jekk l-IPS għandhiex biżżejjed membri (fost l-istituzzjonijiet li huma potenzjalment eliġibbli għas-sħunija) biex ikopru kull miżura ta' appoġġ li jkollha timplimenta; |
(b) |
il-mudelli tan-negozju, l-istrateġiji tan-negozju, id-daqsijiet, il-klijenti, l-enfasi reġjonali, il-prodotti, l-istrutturi ta' finanzjament, il-kategoriji ta' riskju materjali, il-kooperazzjoni tal-bejgħ u l-ftehim ta' servizz tal-membri ma' membri IPS oħra eċċ; |
(c) |
jekk id-diversi profili ta' negozju tal-membri jippermettux il-monitoraġġ u l-klassifikazzjoni tas-sitwazzjonijiet ta' riskju tagħhom bl-użu ta' sistemi stipulati li l-IPS għandha fis-seħħ bis-saħħa tal-Artikolu 113(7)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(d) |
is-setturi IPS huma ta' spiss ibbażati fuq kollaborazzjoni, li jfisser li istituzzjonijiet ċentrali u istituzzjonijiet speċjalizzati oħra fin-netwerk IPS joffru prodotti u servizzi lill-membri IPS oħra. Meta tiġi vvalutata l-omoġenjetà tal-profili tan-negozju l-NCA għandha tikkunsidra sa fejn l-attivitajiet tan-negozju tal-Membri huma relatati man-netwerk (prodotti u servizzi pprovduti lil banek lokali, servizzi lil klijenti kondiviżi, attivitajiet tas-suq kapitali, eċċ.). |
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-NCAs.
2. L-NCAs għandhom jikkonformaw ma' din il-Linja Gwida mit-2 ta' Diċembru 2016..
Artikolu 13
Destinatarji
Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-NCAs.
Magħmula fi Frankfurt am Main, l-4 ta' Novembru 2016.
Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(2) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
(3) Dan il-kapitolu tal-Gwida ġie adottat f'Lulju 2016. Il-verżjoni kkonsolidata tal-“Gwida tal-BĊE dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni” hija disponibbli fis- sit elettroniku tal-BĊE dwar is-superviżjoni bankarjafi www.bankingsupervision.europa.eu
(4) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(5) Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).
(6) Parti terza hijiex kwalunkwe parti li ma hijiex parent, sussidjarja, membru ta' korp li jieħu deċiżjonijiet jew azzjonist ta' membru.
(7) Id-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija għal depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149).