EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2229

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2229 tad-9 ta' Diċembru 2016 li ġġib fi tmiemu r-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-glukonat tas-sodju li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, limitat għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, Shandong Kaison

C/2016/8096

ĠU L 336, 10.12.2016, p. 40–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2229/oj

10.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/40


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2229

tad-9 ta' Diċembru 2016

li ġġib fi tmiemu r-rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-glukonat tas-sodju li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, limitat għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, Shandong Kaison

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Permezz tal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 965/2010 (2), il-Kunsill impona dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-glukonat tas-sodju niexef bin-numru tal-Unjoni Doganali u l-Istatistika (CUS) 0023277-9 u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-Chemical Abstracts Service (CAS) 527-07-1, li attwalment jaqa' taħt il-kodiċi NM ex 2918 16 00 (kodiċi TARIC 2918160010), u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

1.2   Talba għal rieżami

(2)

Il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (3) mressqa minn Jungbunzlauer SA u Roquette Italia SpA (“l-applikanti”). It-talba kienet limitata fil-kamp ta' applikazzjoni għall-eżaminazzjoni ta' dumping f'dak li jirrigwarda produttur esportatur wieħed mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”), jiġifieri Shandong Kaison.

1.3   Bidu ta' rieżami

(3)

Il-Kummissjoni, billi ddeterminat, wara li għarrfet lill-Istati Membri, li t-talba kienet tinkludi biżżejjed evidenza prima facie biex tiġġustifika l-bidu ta' rieżami interim parzjali, ħabbret, permezz ta' notifika ta' bidu (4) ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fid-19 ta' Frar 2016, il-bidu ta' rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea limitat għall-eżaminazzjoni ta' dumping f'dak li jirrigwarda Shandong Kaison.

2.   IRTIRAR TAT-TALBA U TERMINAZZJONI TAL-PROĊEDIMENT

(4)

Permezz ta' ittra datata t-22 ta' Settembru 2016 indirizzata lill-Kummissjoni, l-applikanti rtiraw it-talba tagħhom għal rieżami.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, proċediment jista' jiġi terminat meta t-talba tiġi rtirata, sakemm tali terminazzjoni ma tkunx kontra l-interess tal-Unjoni.

(6)

L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kunsiderazzjoni li turi li din it-terminazzjoni tkun tmur kontra l-interess tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkunsidra li jenħtieġ li l-investigazzjoni preżenti tintemm. Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b'dan u ngħataw ċans jikkummentaw. Madankollu, ma ġie riċevut l-ebda kumment.

(7)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li jenħtieġ li r-rieżami interim parzjali dwar l-importazzjonijiet tal-glukonat tas-sodju li joriġina fir-RPĊ ikun itterminat.

(8)

Din id-Deċiżjoni hija f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-glukonat tas-sodju li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina huwa b'dan itterminat mingħajr ma ġie emendat il-livell tal-miżura antidumping fis-seħħ.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 965/2010 tal-25 ta' Ottubru 2010 li jimponi dazju definittiv tal-antidumping u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' glukonat tas-sodju li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 282, 28.10.2010, p. 24).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51). Dan ir-Regolament ġie kkodifikat mir-Regolament bażiku.

(4)  Notifika ta' bidu ta' rieżami interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-Glukonat tas-Sodju li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, limitat għal produttur esportatur Ċiniż wieħed, Shandong Kaison (ĠU C 64, 19.2.2016, p. 4).


Top