Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2252

    Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/2252 tat-30 ta' Settembru 2015 li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) 2015/288 fejn jidħol il-perjodu tal-inammissabbiltà tal-applikazzjonijiet għal appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

    ĠU L 321, 5.12.2015, p. 2–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2252/oj

    5.12.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 321/2


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2252

    tat-30 ta' Settembru 2015

    li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) 2015/288 fejn jidħol il-perjodu tal-inammissabbiltà tal-applikazzjonijiet għal appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Politika Komuni tas-Sajd (il-PKS) u biex jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha li jħallsu t-taxxa, dawk l-operaturi li f'xi żmien partikolari qabel ma jressqu applikazzjoni għall-għajnuna finanzjarja, ikunu wettqu ksur serju, reat jew frodi kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, ma għandhomx igawdu l-għajnuna finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (il-FEMS).

    (2)

    Skont l-Artikolu 10(1) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, ċerti applikazzjonijiet li jressqu l-operaturi għall-appoġġ mill-FEMS għandhom ikunu inammissibbli għal xi żmien speċifiku. Fost l-oħrajn, dawn l-applikazzjonijiet ma jkunux ammissibbli meta jitressqu għall-appoġġ skont il-Kapitolu II tat-Titolu V ta' dak ir-Regolament fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli tal-akkwakultura, u l-awtoritajiet kompetenti jkunu għarfu li l-operatur konċernat ikun wettaq xi reat ambjentali kif stipulat fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Skont l-Artikolu 10(4)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, il-perjodu meta l-applikazzjonijiet ma jkunux ammissibbli u d-dati tal-bidu u tat-tmiem ta' dan il-perjodu trid tidentifikahom il-Kummissjoni f'att delegat.

    (3)

    Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/288 (3) jidentifika l-perjodu ta' inammissibbiltà u d-dati rilevanti tal-bidu u tat-tmiem ta' dak il-perjodu għal applikazzjonijiet tal-operaturi li jkunu wettqu xi azzjoni waħda jew aktar milli jissemmew fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) u (3) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

    F'konformità mal-Artikolu 10(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, hemm bżonn ukoll li jiġu stabbiliti r-regoli għall-kalkolu tal-perjodu tal-inammissibbiltà u d-dati rilevanti tal-bidu u tat-tmiem għall-applikazzjonijiet tal-appoġġ skont il-Kapitolu II tat-Titolu V ta' dak ir-Regolament. L-inammissibbiltà ta' dawk l-applikazzjonijiet għandha tgħin biex tkun żgurata aktar konformità mal-liġijiet eżistenti li jħarsu l-ambjent.

    (4)

    Id-Direttiva 2008/99/KE tistabbilixxi miżuri relatati mal-liġi kriminali sabiex l-ambjent jitħares b'mod aktar effettiv. L-Artikolu 3 ta' din id-Direttiva jelenka l-imġiba li għandha tkun punibbli bħala reat kriminali, meta dik id-Direttiva tkun tqisha illegali u meta ssir b'intenzjoni jew tal-anqas b'negliġenza serja. Skont l-Artikolu 4 ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-inċitament, l-għajnuna u l-kompliċità fl-imġiba b'intenzjoni tar-reati msemmija fl-Artikolu 3 jkunu punibbli bħala reat kriminali.

    (5)

    Għaldaqstant, sabiex tkun żgurata l-proporzjonalità, meta operatur iwettaq ksur b'negliġenza serja u meta operatur iwettaq ksur b'intenzjoni, dawn ma għandhomx jingħataw perjodi tal-inammissibbiltà tal-istess tul. Għall-istess raġuni, jixraq ukoll li jiġu stabbiliti regoli li jqisu l-fatturi aggravanti u mitiganti meta jkun se jiġi kkalkulat il-perjodu tal-inammissibbiltà.

    (6)

    Sabiex tkun żgurata l-proporzjonalità, ir-reati li jitwettqu għal aktar minn sena għandhom iwasslu għal perjodi itwal tal-inammissibbiltà.

    (7)

    F'konformità mal-Artikolu 10(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014, meta awtorità kompetenti tagħraf li operatur ikun wettaq xi reat stabbilit fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/99/KE, l-applikazzjoni ta' dan l-operatur għall-appoġġ tal-FEMS skont il-Kapitolu II tat-Titolu V ta' dan ir-Regolament ma għandhiex tkun ammissibbli għal mill-inqas sena. Billi r-Regolament (UE) Nru 508/2014 japplika mill-1 ta' Jannar 2014, għall-kalkolu tal-perjodu ta' inammissibbiltà għandhom jitqiesu biss dawk ir-reati li jkunu saru mill-1 ta' Jannar 2013.

    (8)

    Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effettiva tal-ambjent, meta applikazzjoni ta' operatur ma tkunx ammissibbli minħabba r-reati ambjentali stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/99/KE, lanqas l-applikazzjonijiet l-oħra ta' dak l-operatur skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 ma għandhom ikunu ammissibbli. Sabiex tkun żgurata l-proporzjonalità, jixraq ukoll li jiġu stabbiliti regoli għar-reviżjoni tal-perjodu tal-inammissibbiltà meta l-operatur iwettaq xi ksur serju matul dan il-perjodu. Għall-istess raġuni jixraq ukoll li, jekk ikun reġa' twettaq l-istess reat, dan itawwal il-perjodu tal-inammissibbiltà.

    (9)

    Għalhekk ir-Regolament Delegat (UE) 2015/288 għandu jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Sabiex ikun żgurat li l-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jitwettqu fil-pront, u billi hu importanti li l-operaturi jkunu żgurati trattament armonizzat u ugwali fl-Istati Membri kollha mill-bidu tal-perjodu tal-programmazzjoni, dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ meta jiġi ppubblikat, iżda jibda japplika meta jibda l-perjodu ta' eliġibbiltà tal-FEMS, jiġifieri mill-1 ta' Jannar 2014,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/288 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

    Dan ir-Regolament japplika għall-applikazzjonijiet tal-appoġġ mill-FEMS u jidentifika ‘il-perjodu tal-inammissibbiltà’, jiġifieri l-perjodu meta l-applikazzjonijiet mingħand operaturi li jkunu wettqu xi azzjoni imsemmija fl-Artikolu 10(1)(a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 jew fl-Artikolu 10(3) ta' dak ir-Regolament, ma għandhomx ikunu ammissibbli.”

    (2)

    Għandu jiddaħħal dan l-Artikolu 4a:

    “Artikolu 4a

    L-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet mingħand operaturi li jkunu wettqu reati ambjentali

    1.   Meta fl-ewwel deċiżjoni uffiċjali, awtorità kompetenti tagħraf li operatur ikun wettaq xi reat imsemmi fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*), l-applikazzonijiet għall-appoġġ mill-FEMS li jressaq dak l-operatur skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 ma għandhomx ikunu ammissibbli:

    (a)

    għal 12-il xahar, meta r-reat ikun sar b'negliġenza serja; jew

    (b)

    għal 24 xahar, meta r-reat ikun sar b'intenzjoni.

    2.   Meta fl-ewwel deċiżjoni uffiċjali, awtorità kompetenti tagħraf li operatur ikun wettaq xi reat imsemmi fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/99/KE, l-applikazzonijiet għall-appoġġ mill-FEMS li jressaq dak l-operatur skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 ma għandhomx ikunu ammissibbli għal 24 xahar.

    3.   Il-perjodu tal-inammissibbiltà jiżdied b'sitt (6) xhur meta fid-deċiżjoni msemmija fil-paragrafi 1 jew 2, l-awtorità kompetenti tkun:

    (a)

    irreferiet espliċitament għall-preżenza ta' ċirkostanzi aggravanti; jew

    (b)

    għarfet li l-operatur ikun wettaq ir-reat għal aktar minn sena.

    4.   Jekk il-perjodu tal-inammissibbiltà ikun dam tal-inqas 12-il xahar b'kollox, dan għandu jitnaqqas b'sitt (6) xhur meta l-awtorità kompetenti, fid-deċiżjoni tagħha msemmija fil-paragrafi 1 jew 2, tkun irreferiet espliċitament għall-preżenza ta' ċirkostanzi mitiganti.

    5.   Id-data tal-bidu tal-perjodu tal-inammissibbiltà hija d-data tal-ewwel deċiżjoni uffiċjali tal-awtorità kompetenti li tagħraf li jkun sar xi reat previst fl-Artikoli 3 u 4 tad-Direttiva 2008/99/KE.

    6.   Sabiex jiġi kkalkulat il-perjodu tal-inammissibbiltà, għandhom jitqiesu biss id-deċiżjonijiet li jirreferu għal reat li jkun sar mill-1 ta' Jannar 2013 u li għalih minn dik id-data tkun ittieħdet deċiżjoni fis-sens tas-subparagrafu ta' hawn fuq.

    7.   Meta l-applikazzjoni ta' operatur ma tkunx ammissibbli skont il-paragrafi 1 u 2, lanqas l-applikazzjonijiet l-oħra ta' dak l-operatur skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 ma għandhom ikunu ammissibbli.

    (*)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).”"

    (3)

    L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Jiżdiedu dawn il-punti (d) u (e):

    “(d)

    għandu jiżdied b'dawn il-perjodi għal kull reat addizzjonali previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/99/KE li jkun għamel l-operatur tul il-perjodu tal-inammissibbiltà:

    (i)

    12-il xahar addizzjonali, meta r-reat isir b'negliġenza serja;

    (ii)

    24 xahar addizzjonali, meta r-reat isir b'intenzjoni;

    (e)

    għandu jiżdied b'24 xahar għal kull reat addizzjonali previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/99/KE li jkun għamel l-operatur tul il-perjodu tal-inammissibbiltà.”

    (b)

    Jiżdied dan il-paragrafu:

    “Jekk xi reat addizzjonali msemmi fil-punti (d) jew (e) tal-ewwel paragrafu jkun tal-istess tip ta' reat ambjentali bħal dak li kkawża l-perjodu tal-inammissibbiltà jew ikun diġà wassal għar-reviżjoni tiegħu, minħabba dan ir-reat kif previst fil-punti (d) u (e), il-perjodu tal-inammissibbiltà għandu jiżdied b'sitt (6) xhur oħra.”

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Japplika mill-1 ta' Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Settembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 28).

    (3)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/288 tas-17 ta' Diċembru 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd fir-rigward tal-perjodu ta' żmien u d-dati għall-inammissibbiltà tal-applikazzjonijiet (ĠU L 51, 24.2.2015, p. 1).


    Top