Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2177

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2177 tal-20 ta' Novembru 2015 li teżenta l-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass fil-Portugall mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (notifikata bid-dokument C(2015) 8043) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 307, 25.11.2015, p. 27–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2177/oj

    25.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 307/27


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2177

    tal-20 ta' Novembru 2015

    li teżenta l-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass fil-Portugall mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali

    (notifikata bid-dokument C(2015) 8043)

    (It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta' akkwisti ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 30(4),

    Wara li kkunsidrat it-talba mressqa fit-28 ta' Lulju 2015 min-naħa ta' ENI PORTUGAL B.V. permezz tal-posta elettronika,

    Billi:

    I.   IL-FATTI

    (1)

    Fit-28 ta' Lulju 2015, ENI PORTUGAL B.V. (minn hawn 'il quddiem “l-applikant”) ressqet talba formali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 35(1) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li ntbgħatet lill-Kummissjoni permezz tal-posta elettronika. It-talba kienet akkumpanjata minn pożizzjoni raġunata u sostanzjata tas-16 ta' Lulju 2015 adottata mill-Awtorità Portugiża tal-Kompetizzjoni. Skont it-talba, il-Kummissjoni ġiet mistoqsija tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/17/KE, u l-proċeduri ta' akkwist previsti f'dik id-Direttiva, ma kinux japplikaw għall-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass fil-Portugall.

    II.   IL-QAFAS ĠURIDIKU

    (2)

    Sakemm titħassar, id-Direttiva 2004/17/KE tapplika għall-għoti ta' kuntratti għall-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass, sakemm din l-attività ma tkunx eżentata skont l-Artikolu 30 ta' dik id-Direttiva. Madankollu, mil-lat proċedurali d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/25/UE japplikaw għat-talbiet ta' eżenzjoni, billi l-kundizzjonijiet materjali għall-għoti ta' eżenzjoni jibqgħu l-istess fis-sustanza.

    (3)

    Skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE, il-kuntratti maħsuba sabiex jippermettu waħda mill-attivitajiet imsemmija fl-Artikoli 3 sa 7 ta' dik id-Direttiva mhumiex suġġetti għal dik id-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li fih titwettaq, l-attività hija direttament esposta għall-kompetizzjoni fis-swieq li għalihom l-aċċess mhuwiex ristrett. L-esponiment dirett għall-kompetizzjoni huwa vvalutat abbażi ta' kriterji oġġettivi, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur ikkonċernat. L-aċċess għal suq partikolari jitqies li mhuwiex ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-ftuħ tas-suq rilevanti kif stabbilit fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE. Skont il-punt G ta' dak l-Anness XI, id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tikkostitwixxi leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-ftuħ tas-suq għall-esplorazzjoni u għaż-żejt jew għall-gass u għall-estrazzjoni tagħhom.

    (4)

    Il-Portugall ittraspona (4) u applika d-Direttiva 94/22/KE. Għalhekk, l-aċċess għas-suq għall-esplorazzjoni għaż-żejt jew għall-gass u għall-estrazzjoni tagħhom jitqies li mhuwiex ristrett skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3) tad-Direttiva 2004/17/KE.

    (5)

    Għall-finijiet li jiġi vvalutat jekk l-attività rilevanti hijiex suġġetta għall-kompetizzjoni diretta fis-swieq ikkonċernati minn din id-Deċiżjoni, iridu jitqiesu s-sehem tas-suq tal-atturi ewlenin u l-livell ta' konċentrazzjoni ta' dawk is-swieq.

    (6)

    Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

    III.   IL-VALUTAZZJONI

    (7)

    L-applikant huwa entità kontraenti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2004/17/KE. L-applikant ma jistax jiġi kkwalifikat bħala awtorità kontraenti jew impriża pubblika. Huwa jwettaq attività ta' esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass kif imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/17/KE. Barra minn hekk, huwa jopera abbażi ta' drittijiet speċjali akkwistati fit-18 ta' Diċembru 2014. Dawn id-drittijiet speċjali jikkonsistu f'kuntratti ta' konċessjoni għall-blokkok “Santola”, “Lavagante” u “Gamba” akkwistati mill-applikant. Il-kuntratti inizjali ta' konċessjoni ġew iffirmati fl-1 ta' Frar 2007 bejn l-Istat Portugiż min-naħa, u Harman Resources Ltd. (80 %) Petróleos de Portugal — Petrogal, S.A. (Galp) (10 %) u Partex Oil and Gas (Holdings) Corporation (10 %) min-naħa l-oħra. Fil-25 ta' Marzu 2010, il-kuntratti ta' konċessjoni ġew assenjati lil Petrobras International Baspetro B.V. (50 %) u Petróleos de Portugal — Petrogal S.A. (Galp) (50 %). Fl-aħħar nett, permezz ta' emenda li tressqet fit-18 ta' Diċembru 2014, l-imsemmija pożizzjonijiet kuntrattwali ġew assenjati lil Eni Portugal B.V. (70 %) u Petróleos de Portugal — Petrogal, S.A. (Galp) (30 %).

    (8)

    It-talba hija limitata għall-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass. Eni Portugal B.V. u Petróleos de Portugal — Petrogal, S.A. (Galp). flimkien jiffurmaw impriża konġunta li fiha l-applikant huwa l-operatur tal-proġett u huwa responsabbli mill-esplorazzjoni, mill-evalwazzjoni, mill-iżvilupp, mill-produzzjoni u mill-operazzjonijiet ta' dekummissjonar. L-applikant huwa responsabbli għal kull akkwist meħtieġ għall-iżvilupp ta' attivitajiet ta' esplorazzjoni u ta' produzzjoni.

    (9)

    Skont il-prattika stabbilita tal-Kummissjoni, (5) l-esplorazzjoni għaż-żejt u l-esplorazzjoni għall-gass naturali għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu suq wieħed rilevanti tal-prodotti, ladarba mhuwiex possibbli li jkun deċiż minn qabel jekk l-esplorazzjoni hijiex se twassal biex jinstab iż-żejt jew il-gass naturali. Barra minn hekk, skont din il-prattika, l-ambitu ġeografiku ta' dak is-suq għandu jitqies li hu dinji. Minħabba li ma hemm l-ebda indikazzjoni li d-definizzjoni tal-ambitu ġeografiku tas-suq se tkun differenti f'dan il-każ, għall-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni għandha tinżamm l-istess waħda.

    (10)

    L-ishma tas-suq ta' operaturi attivi fl-esplorazzjoni jistgħu jitkejlu b'referenza għal tliet fatturi: in-nefqa kapitali, ir-riżervi aċċertati u l-produzzjoni mistennija.

    (11)

    Madankollu, l-użu tan-nefqa kapitali biex jitkejlu l-ishma tas-suq ta' operaturi fis-suq tal-esplorazzjoni tqies li mhux adatt minħabba d-daqs tad-differenzi bejn il-livelli meħtieġa ta' investiment li jaf ikunu neċessarji fiż-żoni ġeografiċi differenti. Iż-żewġ parametri l-oħra, jiġifieri r-riżervi aċċertati u l-produzzjoni mistennija, tipikament ġew applikati sabiex jiġu vvalutati l-ishma tas-suq ta' operaturi ekonomiċi f'dan is-settur (6).

    (12)

    Fl-2014, ir-riżervi dinjin aċċertati u probabbli taż-żejt u tal-gass kienu jammontaw għal 209 934 817 170 metru kubu standard ekwivalenti ta' żejt (7). Fil-Portugall, in-numru totali ta' konċessjonijiet għall-esplorazzjoni kien jammonta għal 12 (8) u l-għadd ta' bjar tal-esplorazzjoni li ġew imħaffra fil-Portugall kien ta' 0 fl-2014. Bħalissa ma hemm l-ebda riżerva aċċertata taż-żejt u tal-gass fil-Portugall.

    (13)

    L-applikant ma pproduċa l-ebda żejt jew gass naturali fil-Portugall jew f'xi pajjiż ieħor f'dawn l-aħħar tliet snin finanzjarji. madankollu l-istima hija tali li l-esplorazzjoni tista' twassal għal skoperta possibbli ta' idrokarburi ta' madwar [… metri kubi standard] fiż-żoni ta' esplorazzjoni tal-baħar fond tal-Portugall li għalihom ġew assenjati l-permessi (9). Fl-2014, il-kumpanija prinċipali Eni S.p.A. kellha sehem ta' 0.9 % fis-suq dinji tar-riżervi aċċertati u probabbli għall-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass (10).

    (14)

    Is-suq tal-esplorazzjoni mhuwiex ikkonċentrat ħafna. Minbarra l-kumpaniji li huma proprjetà tal-istat, fis-suq hemm kumpaniji kbar, bħalma huma ExxonMobil, Chevron, Shell, BP u Total. Fl-2014, fis-suq dinji tal-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass naturali, il-kumpaniji l-kbar għandhom ishma rispettivi ta' 2,8 % (ExxonMobil), 2,1 % (Chevron), 1,9 % (Shell), 1,4 % (BP), 1,4 % (Total). Fir-rigward tal-kumpaniji tal-istat, l-ishma rispettivi fis-suq dinji tal-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass naturali huma ta' 13,6 % (Saudi Aramco), 7,4 % (Gazprom), 4,8 % (Qatar Petroleum), 4,7 % (National Iranian Oil Company) (11). Eni S.p.A. għandha sehem fis-suq ta' 0,9 % tar-riżervi dinjija aċċertati u probabbli taż-żejt u tal-gass naturali. Fir-rigward tat-territorju tal-UE, Eni S.p.A. għandha sehem fis-suq ta'4 % tar-riżervi aċċertati u probabbli taż-żejt u tal-gass naturali (12). Dawn il-fatturi huma indikazzjoni tal-esponiment dirett għall-kompetizzjoni.

    IV.   IL-KONKLUŻJONI

    (15)

    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 1 sa 14, il-kundizzjoni ta' esponiment dirett għall-kompetizzjoni stabbilita fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE għandha titqies li ġiet ssodisfatta fil-Portugall.

    (16)

    Ladarba jitqies li ġiet issodisfata l-kundizzjoni ta' aċċess għas-suq mingħajr restrizzjonijiet, id-Direttiva 2004/17/KE ma għandhiex tapplika meta l-entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti maħsuba biex jippermettu li titwettaq l-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass naturali fil-Portugall, u lanqas meta jiġu organizzati kompetizzjonijiet tad-disinn għat-twettiq ta' attività bħal din f'dik iż-żona ġeografika.

    (17)

    Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq is-sitwazzjoni ġuridika u fattwali mid-29 ta' Lulju 2015 sal-11 ta' Settembru 2015 skont l-informazzjoni li tressqet mill-applikant. Din tista' tiġi rreveduta jekk ikun hemm xi tibdil sinifikanti fis-sitwazzjoni ġuridika jew fattwali li jwassal biex il-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE ma jibqgħux issodisfati aktar.

    (18)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2004/17/KE ma tapplikax għall-kuntratti li ngħataw mill-entitajiet kontraenti u maħsuba biex jippermettu li titwettaq l-esplorazzjoni għaż-żejt u għall-gass naturali fil-Portugall.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Elżbieta BIEŃKOWSKA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

    (2)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist ta' entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

    (3)  Id-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 1994 dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, esplorazzjoni u produzzjoni ta' idrokarburi (ĠU L 164, 30.6.1994, p. 3)

    (4)  Id-Digriet Liġi Nru 109/94, tas-26 ta' April (Decreto-Lei n.o 109/94 de 26 de Abril); L-Ordni Ministerjali Nru 790/94, tal-5 ta' Settembru (Portaria n.o 790/94 de 5 de Septembro).

    (5)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/284/KE tad-29 ta' Settembru 1999 li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim ŻEE (il-Kawża Nru IV/M/1383 — Exxon/Mobil), (ĠU L 103, 7.4.2004, p. 1); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/45/KE tad-29 ta' Settembru 1999 li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni u l-Ftehim ŻEE (il-Kawża Nru IV M.1532 — BP Amoco/Arco), (ĠU L 18, 19.1.2001, p. 1); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Marzu 2002 li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni (il-Kawża Nru COMP/M.2681 CONOCO/PHILIPS PETROLEUM) (ĠU C 79, 3.4.2002, p. 12); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2003 li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni (il-Kawża Nru COMP/M.3294 EXXONMOBIL/BEB) (ĠU C 8, 13.1.2004, p. 7); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Mejju 2007 li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni (il-Kawża Nru COMP/M.4545 STATOIL/HYDRO) (ĠU C 130, 12.6.2007, p. 8); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2007 li tiddikjara konċentrazzjoni bħala kompatibbli mas-suq komuni (il-Kawża Nru COMP/M/4934 — KAZMUNAIGAZ/ROMPETROL), (ĠU C 31, 5.2.2008, p. 2).

    (6)  Ara b'mod partikolari l-punti 25 u 27 tad-Deċiżjoni 2004/284/KE u d-Deċiżjonijiet sussegwenti, fosthom il-Kawża Nru COMP/M.4545 — STATOIL/HYDRO.

    (7)  Skont is-sentenza Wood Mackenzie kkwotata mill-applikant.

    (8)  Dawn jinkludu blokkok fil-baħar fond 'il hinn mill-kosta, il-konċessjoni Barreiro u, barra minn hekk, il-blokkok “Caranguejo” u “Sapateira” fil-Baċir tal-Algarve, li diġà ngħataw iżda l-kuntratti ta' konċessjoni għadhom ma ġewx iffirmati.

    (9)  [… informazzjoni kunfidenzjali].

    (10)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 7.

    (11)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 7.

    (12)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 7.


    Top