Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1097

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1097/2014 tas- 17 ta' Ottubru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 479/2010 fir-rigward tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

ĠU L 300, 18.10.2014, pp. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/1097/oj

18.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/39


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1097/2014

tas-17 ta' Ottubru 2014

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 479/2010 fir-rigward tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 151 u l-Artikolu 223(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 151 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi l-obbligu li l-ewwel xerrejja tal-ħalib mhux ipproċessat jiddikjaraw lill-awtorità nazzjonali kompetenti, mill-1 ta' April 2015, il-kwantità totali ta' ħalib mhux ipproċessat li tkun waslitilhom kull xahar, u li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar din il-kwantità. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l-iskeda ta' dikjarazzjonijiet u notifiki ta' dan it-tip fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 479/2010 (2).

(2)

In-notifiki msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 479/2010 għandhom x'jaqsmu ma' skemi ta' għajnuna li ma għadhomx applikabbli u għalhekk għandhom jitħassru.

(3)

F'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (3), l-obbligu biex jintużaw is-sistemi ta' informazzjoni skont dak ir-Regolament ġew introdotti fir-Regolament (UE) Nru 479/2010 bir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1333/2013 (4), ħlief għan-notifiki msemmija fl-Artikoli 2, 4 u 6 tar-Regolament (UE) Nru 479/2010. L-adattamenti fis-sistema ta' informazzjoni neċessarji għat-trattament ta' dawn in-notifiki se jitlestew sal-aħħar tal-2014. Għaldaqstant, ir-Regolament (UE) Nru 479/2010 għandu jiġi emendat skont dan.

(4)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 479/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-Kapitolu I jitħassar.

(2)

Jiddaħħal il-Kapitolu Ia li ġej:

“KAPITOLU Ia

KUNSINNI TA' ĦALIB NEJ LILL-EWWEL XERREJJA

Artikolu 1a

1.   Mill-1 ta' Mejju 2015, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mill-25 jum ta' kull xahar, il-kwantità totali ta' ħalib tal-baqra mhux ipproċessat li fix-xahar ta' qabel tkun waslet lill-ewwel xerrejja stabbiliti fit-territorju tagħhom, skont l-Artikolu 151 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Il-kwantità totali ta' ħalib tal-baqra mhux ipproċessat mogħtija għandha tiġi espressa f'kilogrammi u tirreferi għal ħalib b'kontenut reali ta' xaħam.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-ewwel xerrejja kollha stabbiliti fit-territorju tagħhom jiddikjaraw lill-awtorità nazzjonali kompetenti, il-kwantità ta' ħalib tal-baqra mhux ipproċessat li jkun waslilhom kull xahar b'mod f'waqtu u preċiż, sabiex jikkonformaw mal-iskadenza stabbilita fil-paragrafu 1.”

(3)

Fil-punt (b) tal-Artikolu 2(3), il-kliem “jekk ikun disponibbli” huma mħassra.

(4)

Fl-Artikolu 4, ir-referenza għall-parti K tinbidel b'referenza għall-parti J.

(5)

L-Artikolu 8 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 8

1.   In-notifiki msemmija f'dan ir-Regolament għandhom isiru skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 (*1).

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, sal-31 ta' Diċembru 2014, in-notifiki msemmija fl-Artikoli 2, 4 u 6 għandhom isiru mill-Istati Membri b'mezzi elettroniċi permezz tal-metodi li l-Kummissjoni għamlet għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-forma u l-kontenut tan-notifiki għandhom jiġu ddefiniti skont mudelli jew metodi li l-Kummissjoni għamlet għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Dawn il-mudelli u l-metodi għandhom jiġu adattati u aġġornati wara li jkunu ġew notifikati kif xieraq il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

(*1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).” "

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Jibda japplika mill-1 ta' Novembru 2014.

Madankollu, l-Artikolu 1(2) jibda japplika mill-1 ta' Mejju 2015.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 479/2010 tal-1 ta' Ġunju 2010 li jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib (ĠU L 135, 2.6.2010, p. 26).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 792/2009 tal-31 ta' Awwissu 2009 li jistipula regoli dettaljati għan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni dwar informazzjoni u dokumenti fl-implimentazzjoni tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, l-iskema tal-pagamenti diretti, il-promozzjoni tal-prodotti agrikoli u s-sistemi applikabbli għar-reġjuni l-aktar imbiegħda u l-gżejjer iż-żgħar tal-Eġew (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 3).

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1333/2013 tat-13 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1709/2003, (KE) Nru 1345/2005, (KE) Nru 972/2006, (KE) Nru 341/2007, (KE) Nru 1454/2007, (KE) Nru 826/2008, (KE) Nru 1296/2008, (KE) Nru 1130/2009, (UE) Nru 1272/2009 u (UE) Nru 479/2010 fir-rigward tal-obbligi ta' notifika fi ħdan l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (ĠU L 335, 14.12.2013, p. 8).


Top