Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0727

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 727/2014 tat- 30 ta' Ġunju 2014 li jniedi reviżjoni ta' “esportatur ġdid” tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jħassar id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f'dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

    ĠU L 192, 1.7.2014, p. 42–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/727/oj

    1.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 192/42


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 727/2014

    tat-30 ta' Ġunju 2014

    li jniedi reviżjoni ta' “esportatur ġdid” tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jħassar id-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f'dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”) u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

    Wara li infurmat lill-Istati Membri,

    Billi:

    1.   TALBA

    (1)

    Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal reviżjoni ta' “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

    (2)

    It-talba tressqet fl-4 ta' Jannar 2014 minn Juancheng Kangtai Chemical Co. Ltd. (“l-applikant”), produttur esportatur ta' aċidu triklorojsoċjanuriku fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”).

    2.   IL-PRODOTT

    (3)

    Il-prodott suġġett għar-reviżjoni preżenti huwa l-aċidu triklorojsoċjanuriku u preparazzjonijiet magħmula minnu (TCCA), magħruf ukoll bħala “simklosene” skont l-isem internazzjonali mhux tad-ditta (INN), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċjiet NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (kodiċi TARIC 2933698070 u 3808942020) u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-prodott li qed jiġi rivedut”).

    3.   IL-MIŻURI EŻISTENTI

    (4)

    Il-miżuri attwalment fis-seħħ huma dazju definittiv antidumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1389/2011 (2), li skontu l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott eżaminat li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, inkluż il-prodott li hu prodott mill-applikant, huma suġġetti għal dazju definittiv antidumping ta' 42,6 % bl-eċċezzjoni ta' bosta kumpaniji msemmija b'mod speċjali fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament li huma suġġetti għal rati ta' dazju individwali.

    4.   BAŻI

    (5)

    L-applikant jilmenta li hu ma esportax il-prodott li qed jiġi rivedut lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta' investigazzjoni li fuqu ġew ibbażati l-miżuri anti-dumping, jiġifieri l-perjodu mill-1 ta' April 2003 sat-31 ta' Marzu 2004 (“il-perjodu oriġinali tal-investigazzjoni”).

    (6)

    Barra minn hekk, l-applikant isostni li ma huwa relatat mal-ebda produttur esportatur tal-prodott li qed jiġi eżaminat li huwa suġġett għall-miżuri antidumping imsemmija hawn fuq.

    (7)

    L-applikant ikompli jsostni li beda jesporta l-prodott li qed jiġi eżaminat lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

    5.   PROĊEDURA

    (8)

    Il-produtturi tal-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati ġew mgħarrfa bit-talba għal rieżami u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw.

    (9)

    Wara li eżaminat l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-inizjazzjoni ta' reviżjoni tal-“esporatur il-ġdid”, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, bl-għan li tiddetermina l-marġni individwali ta' dumping tal-applikant u, jekk jinstab li jkun hemm dumping, il-livell ta' dazju li japplika għal dawk l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi rivedut lejn l-Unjoni.

    (10)

    Jekk jiġi determinat li l-applikant jissodisfa r-rekwiżiti biex jiġi stabbilit dazju individwali, jista' jkun hemm bżonn li ssir emenda fir-rata ta' dazju applikabbli bħalissa għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-kumpaniji mhux imsemmija individwalment fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011.

    (a)   Il-Kwestjonarji

    (11)

    Sabiex tkun tista' tikseb it-tagħrif li hija tqis meħtieġ għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarju lill-applikant.

    (b)   Il-ġbir ta' tagħrif u s-seduti ta' smigħ

    (12)

    Il-partijiet kollha interessati huma b'dan mistiedna jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jagħtu evidenza ta' sostenn.

    (13)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista' tisma' lill-partijiet interessati, sakemm dawn jagħmlu talba bil-miktub li turi li hemm raġunijiet partikolari għalfejn għandhom jinstemgħu.

    (c)   Għażla tal-pajjiż b'ekonomija tas-suq

    (14)

    Billi l-applikant irrinunzja espressament id-dritt li jitlob li l-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq jgħoddu għalih, il-valur normali jkun determinat fuq il-bażi tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, se jintuża pajjiż b'ekonomija tas-suq kif xieraq bl-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-RPĊ. Il-Kummissjoni beħsiebha terġa' tuża lill-Ġappun għal dan il-għan kif kien sar fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni ta' miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Il-partijiet interessati huma b'dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm din l-għażla hija xierqa, fil-limitu taż-żmien speċifiku stabbilit fl-Artikolu 4(3) ta' dan ir-Regolament. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, fornituri oħrajn tal-Unjoni b'ekonomija tas-suq jistgħu jinsabu fost l-oħrajn fl-Iżvizzera, il-Malasja u l-Indoneżja. Il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott investigat f'dawk il-pajjiżi terzi b'ekonomija tas-suq li hemm indikazzjonijiet dwarhom li l-produzzjoni tal-prodott investigat qed isseħħ.

    6.   REVOKA TAD-DAZJU FIS-SEĦĦ U REĠISTRAZZJONI TA' IMPORTAZZJONIJIET

    (15)

    Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju antidumping fis-seħħ għandu jitħassar fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-prodott rieżaminat li huma prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni mill-applikant. Fl-istess ħin, dawn l-importazzjonijiet għandhom ikunu suġġetti għar-reġistrazzjoni b'konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, sabiex jiġi żgurat li jekk fir-riżultat tal-eżami jinstab dumping fir-rigward tal-applikant, id-dazji antidumping jistgħu jiġu imposti retroattivament mid-data tal-bidu tal-eżami. L-ammont ta' obbligazzjonijiet futuri tal-applikant ma jistax jiġi stmat f'dan l-istadju tal-proċediment.

    7.   LIMITI TA' ŻMIEN

    (16)

    Fl-interess ta' amministrazzjoni soda, għandhom jiġu ddikjarati limiti taż-żmien li matulhom:

    il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu lilhom infushom magħrufa lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw kwalunkwe tagħrif li għandu jiġi kkunsidrat matul l-investigazzjoni,

    il-partijiet interessati jistgħu jagħmlu talba bil-miktub biex jinstemgħu mill-Kummissjoni,

    il-partijiet interessati jistgħu jikkummentaw dwar kemm hija xierqa l-għażla tal-Ġappun li huwa previst bħala pajjiż b'ekonomija tas-suq bl-għan li jiġi stabbilit il-valur normali,

    Ta' min jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-eżerċizzju tal-biċċa l-kbira tad-drittijiet proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku jiddependi mill-fatt li l-parti tippreżenta ruħha fil-limiti taż-żmien indikati fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament.

    8.   KOMUNIKAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI

    (17)

    Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti ta' prokuri u ta' ċertifikazzjoni skannjati, bl-eċċezzjoni ta' tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta' ittra rreġistrata. L-użu minnhom tal-e-Mail se jikkostitwixxi ftehim għall-komunikazzjoni bl-e-Mail u l-aċċettazzjoni tar-regoli speċifikat fl-istruzzjonijiet tal-komunikazzjoni mal-partijiet interessati li huma ppubblikati fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati għandhom jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut huwa indirizz elettroniku (e-Mail) tax-xogħol uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba d-dettalji ta' kuntatt huma stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu permezz ta' mezz ieħor ta' komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta' posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta' komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

    (18)

    Kull sottomissjoni bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f'dan ir-Regolament, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u l-korrispondenza mogħtija mill-partijiet interessati fuq bażi kunfidenzjali trid tkun immarkata bħala “Ristretta” u, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, għandha tkun akkumpanjata minn verżjoni mhux kunfidenzjali, li għandha tkun immarkata “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”.

    L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

    European Commission

    Directorate-General for Trade

    Directorate H

    Office: N105 8/21

    1049 Bruxelles/Brussel

    BELGIQUE/BELGIË

    E-mail: trade-tcca-review-bis@ec.europa.eu

    9.   IN-NUQQAS TA' KOOPERAZZJONI

    (19)

    F'każijiet li xi parti interessata tiċħad l-aċċess jew ma tagħtix it-tagħrif meħtieġ fil-limiti taż-żmien, jew tfixkel l-investigazzjoni b'mod sinifikanti, jistgħu jsiru sejbiet, pożittivi jew negattivi, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, abbażi tal-fatti disponibbli.

    (20)

    Fejn jinstab illi kwalunkwe parti interessata tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieq, it-tagħrif m'għandux jitqies u jista' jsir użu mill-fatti disponibbli,

    (21)

    Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera biss parzjalment u għalhekk is-sejbiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli b'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista' jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku din ikkooperat.

    (22)

    In-nuqqas li tingħata tweġiba permezz ta' kompjuter m'għandux ikun meqjus bħala nuqqas ta' kooperazzjoni, sakemm il-parti interessata turi li jekk tippreżenta t-tweġiba kif mitluba jinħoloq piż żejjed mhux raġonevoli jew spejjeż żejda mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

    10.   L-ISKEDA TAL-INVESTIGAZZJONI

    (23)

    L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien disa' xhur mid-data li fiha jibda dan ir-rieżami.

    11.   IPPROĊESSAR TA' DEJTA PERSONALI

    (24)

    Huwa nnutat li kull dejta personali miġbura f'din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata b'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (3).

    12.   L-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

    (25)

    Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta' medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista' jorganizza seduta ta' smigħ ma' parti interessata individwali u jagħmilha ta' medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-parti interessata jkunu qed jitħaddmu b'mod sħiħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jitressqu fehmiet differenti u argumenti kuntrarji.

    (26)

    It-talba għal seduta ta' smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet tat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limiti ta' żmien speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    (27)

    Għal aktar tagħrif u dettalji ta' kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni tal-Internet tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Reviżjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011 hu b'dan mniedi skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 sabiex jiġi ddeterminat jekk u sa liema punt l-importazzjonijiet ta' aċidu triklorojsoċjanuriku u preparazzjonijiet magħmula minnu, magħruf ukoll bħala “simklosene” skont l-isem internazzjonali mhux tad-ditta (INN), li bħalissa jaqa' taħt il-kodiċjiet NM ex 2933 69 80 u ex 3808 94 20 (kodiċi TARIC 2933698070 u 3808942020), u li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, prodott u mibjugħ għall-esportazzjoni lill-Unjoni minn Liaocheng City Zhonglian Industry Co Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC A101) għandhomx ikunu suġġetti għad-dazju antidumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011.

    Artikolu 2

    Id-dazju antidumping impost bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011 huwa b'dan revokat fir-rigward tal-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.

    Artikolu 3

    L-awtoritajiet doganali b'dan huma mitluba, skont l-Artikolu 11(4) u l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, biex jieħdu l-passi xierqa sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni identifikati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament.

    Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa' xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 4

    1.   Il-partijiet interessati, jekk iridu li l-ilmenti tagħhom jitqiesu matul l-investigazzjoni, iridu jagħmlu lilhom infushom magħrufa billi jikkuntattjaw lill-Kummissjoni, jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju indikat fil-premessa 11 ta' dan ir-Regolament jew kwalunkwe tagħrif li għandu jiġi kkunsidrat fi żmien 37 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

    2.   Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta' investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għal smigħ dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba trid titressaq fi żmien 15-il jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

    3.   Il-partijiet involuti fl-investigazzjoni li jkunu jridu jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-Ġappun bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq għall-fini li jiġi stabbilit valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għandhom iressqu l-kummenti tagħhom fi żmien 10 ijiem mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ġunju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  ĠU L 346, 30.12.2011, p. 6.

    (3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


    Top