This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32014R0604
Commission Delegated Regulation (EU) No 604/2014 of 4 March 2014 supplementing Directive 2013/36/EU of the European Parliament and of the Council with regard to regulatory technical standards with respect to qualitative and appropriate quantitative criteria to identify categories of staff whose professional activities have a material impact on an institution's risk profile Text with EEA relevance
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 604/2014 tal- 4 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jikkonċerna l-istandards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati l-kategoriji ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni Test b'rilevanza għaż-ŻEE
Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 604/2014 tal- 4 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jikkonċerna l-istandards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati l-kategoriji ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni Test b'rilevanza għaż-ŻEE
ĠU L 167, 6.6.2014, p. 30–35
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 26/06/2021; Imħassar b' 32021R0923
6.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 167/30 |
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 604/2014
tal-4 ta' Marzu 2014
li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li jikkonċerna l-istandards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati l-kategoriji ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 94(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2013/36/UE, u b'mod partikolari l-Artikolu 74 tagħha, titlob li l-istituzzjonijiet ikollhom arranġamenti ta' governanza robusti u proċessi effettivi għall-identifikazzjoni, l-immaniġġjar, il-monitoraġġ u r-rapportar tar-riskji li huma esposti għalihom jew jistgħu jkunu esposti għalihom. Dawn l-arranġamenti u l-proċessi għandhom ikunu komprensivi u proporzjonati għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fil-mudell tan-negozju u l-attivitajiet tal-istituzzjoni. Huma għandhom jikkunsidraw, fost l-oħrajn, ir-riskji speċifiċi li jiġu identifikati fl-Artikoli 79 sa 87 ta' dik id-Direttiva. L-arranġamenti u l-proċessi kkonċernati jiġu evalwati minn awtoritajiet kompetenti bħala parti mill-proċess tar-rieżami superviżorju u tal-evalwazzjoni skont l-Artikolu 97 ta' dik id-Direttiva. Ir-riskji identifikati huma kkunsidrati mill-istituzzjonijiet fil-proċess ta' valutazzjoni dwar l-adegwatezza kapitali interna skont l-Artikolu 73 ta' dik id-Direttiva. |
(2) |
Il-qafas għal superviżjoni prudenzjali stabbilita mid-Direttiva 2013/36/UE titlob li l-istituzzjonijiet kollha jidentifikaw il-membri kollha tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Il-kriterji li jintużaw għall-ivvalutar tal-materjalità ta' influwenza tal-attivitajiet professjonali tal-persunal fuq il-profil tar-riskju għandhom iqisu l-impatt potenzjali tal-persunal fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, abbażi tal-awtorità u r-responsabbiltajiet tagħhom u tar-riskju tal-istituzzjoni u l-indikaturi tal-prestazzjoni. L-organizzazzjoni interna tal-istituzzjoni u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħha għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni. Il-kriterji kollha għandhom jirriflettu bis-sħiħ ir-riskji kollha li l-istituzzjoni jew grupp hija/huwa jew tista'/jista' tkun/jkun espost(a) għalihom. Dan għandu wkoll jippermetti lill-istituzzjonijiet biex jistabilixxu inċentivi xierqa fi ħdan il-politika ta' rimunerazzjoni biex jiżguraw l-imġiba prudenti tal-persunal u għandhom jiżguraw li l-identifikazzjoni ta' dawk il-membri tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni tirrifletti l-livell ta' riskju ta' attivitajiet differenti fi ħdan l-istituzzjoni. |
(3) |
Fl-2012, l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) ippubblikat ir-riżultati ta' stħarriġ dwar l-implimentazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni prattika tal-linji gwida maħruġa mill-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej dwar il-politiki u l-prattiki tar-rimunerazzjoni (Linji Gwida CEBS), li kellhom il-kriterji ġenerali għall-valutazzjoni tal-materjalità tal-influwenza ta' persunal fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. L-istħarriġ wera li l-implimentazzjoni minn istituzzjonijiet u awtoritajiet kompetenti tad-dispożizzjonijiet tar-rimunerazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) ma rriżultatx f'livell suffiċjenti ta' armonizzazzjoni. Il-firxa ta' prattiki ta' rimunerazzjoni baqgħet wiesgħa b'mod mhux xieraq u, b'mod partikolari, il-kriterji użati sabiex jiġu identifikati l-persunal mhux dejjem ikkunsidraw b'mod xieraq l-impatt ta' attivitajiet professjonali tal-persunal fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Baqa' diskrepanzi sinifikanti fl-approċċi meħuda minn istituzzjonijiet u Stati Membri differenti biex jidentifikaw dak il-persunal. Dawn l-istandards tekniċi regolatorji għandhom għalhekk jibnu fuq l-esperjenza miġbura fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/48/KE u l-Linji Gwida CEBS u jimmiraw li jiksbu livell ogħla ta' armonizzazzjoni. L-ABE se toħroġ linji gwida ġodda dwar politiki sodi ta' rimunerazzjoni li jikkonformaw mal-prinċipji stipulati fid-Direttiva 2013/36/UE, skont l-Artikolu 75(2) ta' dik id-Direttiva. |
(4) |
Sett ċar ta' kriterji kwalitattivi u kwantitattivi xierqa għandhom jiġu stabbiliti sabiex jiġu identifikati l-kategoriji prinċipali ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, jiżguraw approċċ armonizzat madwar l-Unjoni u jkopru sett komuni tal-aktar riskji rilevanti. Skont l-Artikolu 94(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, il-kategoriji tal-persunal kollha identifikati minn dawn il-kriterji jridu jkunu ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. L-istituzzjonijiet għandhom iqisu wkoll ir-riżultati tal-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom stess fi ħdan il-proċeduri interni tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw identifikazzjoni sħiħa tal-persunal kollu li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. |
(5) |
Il-membri tal-korp maniġerjali għandhom ir-resposabbiltà aħħarija għall-istituzzjoni, għall-istrateġija u l-attivitajiet tagħha u għalhekk huma dejjem jista' jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Dan japplika kemm għall-membri tal-korp maniġerjali fil-funzjoni tal-immaniġġjar tiegħu li jieħu deċiżjonijiet u għall-membri tal-funzjoni superviżorja li jissorveljaw il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u jikkuntestaw id-deċiżjonijiet magħmula. |
(6) |
Il-maniġment superjuri u l-persunal superjuri responsabbli għal unitajiet operatorji materjali, għall-immaniġġjar ta' kategoriji speċifiċi ta' riskju bħal likwidità, ir-riskju operattiv jew ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax, u għal funzjonijiet ta' kontroll fi ħdan istituzzjoni huma responsabbli għall-immaniġġjar ta' kuljum tal-operat, ir-riskji tiegħu, jew il-funzjonijiet ta' kontroll tiegħu. Dan jinkludi r-responsabbiltà li tagħmel deċiżjonijiet strateġiċi jew deċiżjonijiet oħrajn fundamentali dwar l-attivitajiet tal-kumpanija jew il-qafas ta' kontroll applikat. Ir-riskji meħuda mill-operat u l-mod li bih jiġu ġestiti huma l-aktar fatturi importanti għall-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. |
(7) |
Flimkien ma' dawk responsabbli għall-ħolqien ta' operat addizzjonali, il-funzjonijiet responsabbli biex jipprovdu appoġġ intern li huma kruċjali għat-tħaddim tal-operat u li jkollhom l-awtorità li jieħdu deċiżjonijiet f'dawk l-oqsma jesponu lill-istituzzjoni għal riskji operazzjonali u riskji materjali oħrajn. Għalhekk l-attivitajiet professjonali ta' membri tal-persunal f'dawn il-funzjonijiet għandhom ukoll impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. |
(8) |
Ir-riskju tal-kreditu u r-riskju tas-suq huma tipikament magħmula sabiex jiġi ġġenerat operat, għalhekk l-impatt tal-attivitajiet li jiġġenera dawk ir-riskji fuq il-profil tar-riskju jista' jiġi evalwat bl-użu ta' kriterji bbażati fuq il-limiti ta' awtorità li huma kkalkolati mill-inqas kull sena abbażi ta' ċifri ta' kapital u approċċi użati għal skopijiet regolatorji, filwaqt li jiġi applikat il-limitu de minimis għal riskji ta' kreditu biex tiġi żgurata l-applikazzjoni proporzjonata tal-kriterji fi ħdan istituzzjonijiet żgħar. |
(9) |
Il-kriterji biex jiġi identifikat persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni għandhom iqisu l-fatti li r-rekwiżiti relatati mal-portafoll tan-negozjar jistgħu jiġu rinunzjati għal xi istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u li l-limiti huma stabbiliti b'modi differenti bejn l-istituzzjonijiet li jużaw approċċi differenti għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali. |
(10) |
Meta wieħed iqis li r-riżultat ta' deċiżjonijiet ħafna drabi jkun influwenzat mill-persunal li jagħti bidu għad-deċiżjoni filwaqt li s-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet formali hi bbażata fuq persunal fuq livell aktar superjuri jew kumitati, il-kriterji għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi materjali f'tali proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet. |
(11) |
Il-membri tal-persunal f'pożizzjoni maniġerjali huma responsabbli għall-attivitajiet kummerċjali fil-qasam taħt l-immaniġġjar tagħhom. Għalhekk, kriterji xierqa għandhom jassiguraw li l-membri tal-persunal huma identifikati bħala li għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni fejn huma responsabbli għal gruppi tal-persunal li l-attivitajiet tagħhom jista' jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Dan jinkludi sitwazzjonijiet fejn l-attivitajiet tal-membri individwali tal-persunal taħt l-immaniġġjar tagħhom ma jkollhomx b'mod individwali impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni iżda l-iskala globali tal-attivitajiet tagħhom jista' jkollha tali impatt. |
(12) |
Minbarra l-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati l-kategoriji ta' persunal liema attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Ir-rimunerazzjoni totali assenjata tiddependi prinċipalment fuq il-kontribut li l-persunal jagħti għall-kisba b'suċċess tal-għanijiet tal-operat tal-istituzzjoni u għalhekk fuq ir-responsabbiltajiet, il-kompiti, l-abilitajiet u l-ħiliet tal-persunal kif ukoll il-prestazzjoni tal-persunal u l-istituzzjoni. Fejn membru tal-persunal jingħata rimunerazzjoni totali li taqbeż limitu adegwat, huwa raġonevoli li wieħed jissoponi li dan huwa marbut mal-kontribuzzjoni tal-membru tal-persunal għall-għanijiet tal-operat tal-istituzzjoni u għall-impatt ta' attivitajiet professjonali tal-membru tal-persunal fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Għaldaqstant, huwa xieraq li dawn il-kriterji kwantitattivi jiġu bbażati fuq ir-rimunerazzjoni totali li membru tal-persunal jirċievi, kemm f'termini assoluti kif ukoll relattivi għal membri oħra tal-persunal fi ħdan l-istess istituzzjoni. Fl-applikazzjoni ta' dawn il-kriterji kwantitattivi, għandu fejn xieraq, jiġi kkunsidrat il-fatt li l-livelli tal-pagamenti jvarjaw bejn il-ġurisdizzjonijiet. Limiti ċari u xierqa għandhom jiġu stabbiliti biex jiġi identifikat persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, b'kunsiderazzjoni tad-dejta miġbura mill-ABE u minn awtoritajiet kompetenti. Dawn il-kriterji kwantitattivi jiffurmaw preżunzjoni qawwija li l-persunal għandu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Madankollu, preżunzjonijiet bħal dawn ibbażati fuq kriterji kwantitattivi ma għandhomx japplikaw fejn l-istituzzjonijiet jistabilixxu fuq il-bażi ta' kundizzjonijiet oġġettivi li l-persunal fil-fatt ikollu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, filwaqt li jqisu r-riskji kollha li l-istituzzjoni hija jew tista' tkun esposta għalihom. L-esklużjoni tal-membri tal-persunal li jaqilgħu l-aktar identifikati skont dawn il-kriterji għandhom ikunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti biex tkun żgurata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti ta' dawk il-kriterji. Għall-persunal mogħti aktar minn EUR 1 000 000 (dawk li jaqilgħu ħafna) l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-ABE qabel ma jiġu approvati l-esklużjonijiet sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni koerenti ta' dawk il-kriterji, b'mod partikolari f'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. Il-proċess ta' identifikazzjoni, inkluża l-applikazzjoni tal-esklużjonijiet, għandu xorta waħda dejjem ikun soġġett għal rieżami superviżorju skont l-Artikolu 92(2) tad-Direttiva 2013/36/UE. |
(13) |
Il-fatt li l-membri tal-persunal huma fl-istess kategorija ta' rimunerazzjoni bħall-maniġment superjuri u ta' dawk li jieħdu r-riskji jista' wkoll ikun indikatur li l-attivitajiet professjonali tal-membru tal-persunal għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. Meta jiġu stabbiliti l-limiti, ir-rimunerazzjoni mħallsa lill-membri tal-persunal fil-funzjonijiet ta' kontroll, fil-funzjonijiet ta' appoġġ u lill-membri tal-korp maniġerjali fil-funzjoni superviżorja ma għandhiex tiġi kkunsidrata. Fl-applikazzjoni ta' dan il-kriterju, għandu jiġi kkunsidrat, fejn xieraq, il-fatt li l-livelli tal-pagamenti jvarjaw bejn il-ġuriżdizzjonijiet. L-istituzzjonijiet għandhom jitħallew juru li l-membri tal-persunal li jaqgħu taħt dak il-grupp ta' rimunerazzjoni, iżda li ma jissodisfaw l-ebda mill-kriterji kwalitattivi jew kwantitattivi l-oħrajn, ma għandhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, filwaqt li jqisu r-riskji kollha li l-istituzzjoni hija jew tista' tkun esposta għalihom. L-esklużjoni ta' membri tal-persunal b'livell għoli ta' rimunerazzjoni totali minn dan il-kriterju għandha tkun soġġetta għal proċedura ta' notifika biex ikun hemm rieżami superviżorju f'waqtu, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan il-kriterju. |
(14) |
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet iżommu rekord tal-valutazzjoni magħmula u tal-membri tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom ġew identifikati bħala li għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tagħhom biex l-awtorità kompetenti u l-awdituri jkunu jistgħu jeżaminaw mill-ġdid il-valutazzjoni. Id-dokumentazzjoni għandha tinkludi wkoll il-membri tal-persunal li ġew identifikati skont kriterji bbażati fuq ir-rimunerazzjoni tagħhom iżda li l-attivitajiet professjonali tagħhom huma vvalutati bħala li ma jkollhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni. |
(15) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji sottomessi mill-ABE lill-Kummissjoni. |
(16) |
L-ABE wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-istandards tekniċi regolatorji abbozzati li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi standards tekniċi regolatorji fir-rigward tal-kriterji kwalitattivi u kwantitattivi xierqa biex jiġu identifikati l-kategoriji ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 92(2) tad-Direttiva 2013/36/UE, fil-livell ta' grupp, fil-livelli tal-kumpanija prinċipali u l-kumpanija sussidjarja, inklużi istituzzjonijiet stabbiliti f'ċentri finanzjarji offshore.
Artikolu 2
Applikazzjoni tal-kriterji
Mingħajr preġudizzju għall-obbligu impost fuq l-awtorità kompetenti biex tiżgura li l-istituzzjonijiet jikkonformaw mal-prinċipji stipulati fl-Artikoli 92, 93 u 94 tad-Direttiva 2013/36/UE għall-kategoriji kollha tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni skont l-Artikolu 92(2) ta' dik id-Direttiva, il-persunal li ma jissodisfax dawn il-kriterji kwalitattivi stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament jew xi kriterji kwantitattivi fl-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament ikun identifikat bħala li għandu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni.
Artikolu 3
Kriterji kwalitattivi
Il-persunal jitqies li jkollu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' istituzzjoni meta kwalunkwe wieħed minn dawn il-kriterji kwalitattivi jkun issodisfat:
(1) |
il-membru tal-persunal ikun membru tal-korp maniġerjali fil-funzjoni tal-immaniġġjar tiegħu; |
(2) |
il-membru tal-persunal ikun membru tal-korp maniġerjali fil-funzjoni superviżorju tiegħu; |
(3) |
il-membru tal-persunal ikun membru tal-maniġment superjuri; |
(4) |
il-membru tal-persunal ikun responsabbli u jwieġeb għall-korp maniġerjali għall-attivitajiet tal-funzjoni indipendenti tal-immaniġġjar tar-riskju, il-funzjoni ta' konformità jew il-funzjoni tal-awditjar intern; |
(5) |
il-membru tal-persunal għandu r-responsabbiltà globali għall-immaniġġjar tar-riskju fi ħdan unità operatorja kif definit fl-Artikolu 142(1)(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 li kellha kapital intern distribwit lilha skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2013/36/UE li tirrappreżenta mill-inqas 2 % tal-kapital intern tal-istituzzjoni (“unità operatorja materjali”); |
(6) |
il-membru tal-persunal ikun il-kap tal-unità operatorja materjali; |
(7) |
il-membru tal-persunal għandu r-responsabilità maniġerjali f'waħda mill-funzjonijiet imsemmija f'punt (4) jew f'unità operatorja materjali u jirrapporta direttament lil membru tal-persunal identifikat skont il-punt (4) jew (5); |
(8) |
il-membru tal-persunal għandu r-responsabilità maniġerjali f'unità operatorja materjali u jirrapporta b'mod dirett lill-membru tal-persunal li hu l-kap ta' dik l-unità; |
(9) |
il-membru tal-persunal li hu l-kap tal-funzjoni responsabbli għall-affarijiet legali, il-finanzi inkluża t-tassazzjoni u l-ibbaġitjar, ir-riżorsi umani, il-politika ta' rimunerazzjoni, it-teknoloġija tal-informatika, jew l-analiżi ekonomika; |
(10) |
il-membru tal-persunal hu responsabbli għal, jew huwa membru ta' kumitat responsabbli għall-immaniġġjar ta' kategorija ta' riskju stipulata fl-Artikoli 79 sa 87 tad-Direttiva 2013/36/UE minbarra r-riskji ta' kreditu u r-riskju tas-suq; |
(11) |
fir-rigward tal-iskoperturi tar-riskju ta' kreditu ta' ammont nominali għal kull tranżazzjoni li tirrappreżenta 0,5 % tal-kapital tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni tal-istituzzjoni u tkun mill-inqas EUR 5 miljun, il-membru tal-persunal:
|
(12) |
b'rabta ma' istituzzjoni li għaliha ma tapplikax id-deroga għal operati żgħar tal-portafoll tan-negozjar stipulata fl-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-membru tal-persunal:
|
(13) |
il-membru tal-persunal għandu responsabilità maniġerjali għal grupp ta' membri tal-persunal li jkollhom awtoritajiet individwali inkarigati mill-istituzzjoni għal tranżazzjonijiet, u tintlaħaq waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
(14) |
fir-rigward ta' deċiżjonijiet li japprovaw jew jagħmlu użu tal-veto għall-introduzzjoni ta' prodotti ġodda, il-membru tal-persunal:
|
(15) |
il-membru tal-persunal għandu responsabilità maniġerjali għal membru tal-persunal li jilħaq wieħed mill-kriterji stipulati fil-punti (1) sa (14). |
Artikolu 4
Kriterji kwantitattivi
1. Suġġett għall-paragrafi 2 sa 5, il-persunal jitqies li jkollu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' istituzzjoni meta kwalunkwe waħda minn dawn il-kriterji kwantitattivi huma ssodisfati:
(a) |
il-membru tal-persunal ikun ingħata rimunerazzjoni totali ta' EUR 500 000 jew aktar fis-sena finanzjarja preċedenti; |
(b) |
il-membru tal-persunal ikun fi ħdan 0,3 % tan-numru ta' persunal, miġbur sal-eqreb numru sħiħ, li jkunu ngħataw l-ogħla rimunerazzjoni totali fis-sena finanzjarja preċedenti; |
(c) |
il-membru tal-persunal kien fis-sena finanzjarja preċedenti mogħti rimunerazzjoni totali li hija ugwali għal, jew ikbar mill-inqas rimunerazzjoni totali mogħtija f'dik is-sena finanzjarja lil membru tal-maniġment superjuri jew jissodisfa kwalunkwe wieħed mill-kriterji fil-punti (1), (3), (5), (6), (8), (11), (12), (13) jew (14) tal-Artikolu 3. |
2. Kriterju mniżżel fil-paragrafu 1 ma jitqiesx bħala li jkun intlaħaq meta l-istituzzjoni tiddetermina li l-attivitajiet professjonali tal-membru tal-persunal ma għandhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni minħabba li l-membru tal-persunal, jew il-kategorija ta' persunal li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal:
(a) |
iwettaq/twettaq biss attivitajiet professjonali u għandu/għandha awtoritajiet f'unità operatorja li mhijiex unità operatorja materjali; jew |
(b) |
ma għandux/għandhiex impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta' unità operatorja materjali permezz tal-attivitajiet professjonali mwettqa. |
3. Il-kondizzjoni stabbilita fil-punt (b) tal-paragrafu 2 tiġi vvalutata fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi li jqisu r-riskji rilevanti kollha u l-indikaturi tal-prestazzjoni użati mill-istituzzjoni biex ikunu identifikati, amministrati u mmonitorjati r-riskji skont l-Artikolu 74 tad-Direttiva 2013/36/UE u fuq il-bażi tad-dazji u l-awtoritajiet tal-membru tal-persunal jew tal-kategorija tal-persunal u l-impatt tagħhom fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjoni meta mqabbel mal-impatt tal-attivitajiet professjonali ta' membri tal-persunal identifikati skont il-kriterji li ġew stabbiliti fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.
4. L-istituzzjoni tinnotifika l-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali tagħha tal-applikazzjoni tal-paragrafu 2 fir-rigward tal-kriterju fil-punt (a) tal-paragrafu 1. In-notifika tistabbilixxi l-bażi li fuqha l-istituzzjoni tkun iddeterminat li l-membru tal-persunal ikkonċernat, jew il-kategorija ta' persunal li għaliha jappartjeni membru tal-persunal, jilħaq waħda mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 u, jekk applikabbli, tinkludi l-valutazzjoni mwettqa mill-istituzzjoni skont il-paragrafu 3.
5. L-applikazzjoni tal-paragrafu 2 minn istituzzjoni fir-rigward ta' membru tal-persunal li kien ingħata rimunerazzjoni totali ta' EUR 750 000 jew aktar fis-sena finanzjarja preċedenti, jew b'rabta mal-kriterju fil-punt (b) tal-paragrafu 1, ikun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali ta' dik l-istituzzjoni.
L-awtorità kompetenti tagħti biss l-approvazzjoni tagħha minn qabel fejn l-istituzzjoni tkun tista' turi li waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 tkun issodisfata, wara li tikkunsidra, fir-rigward tal-kundizzjoni fil-punt (b) tal-paragrafu 2, il-kriterji tal-valutazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 3.
Fejn il-membru tal-persunal kien mogħti rimunerazzjoni totali ta' EUR 1 000 000 jew aktar fis-sena finanzjarja preċedenti, l-awtorità kompetenti tagħti biss l-approvazzjoni tagħha minn qabel f'ċirkostanzi eċċezzjonali. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tinforma lill-Awtorità Bankarja Ewropea qabel ma tagħti l-approvazzjoni tagħha fir-rigward ta' tali membru tal-persunal.
Artikolu 5
Kalkolu tar-rimunerazzjoni mogħtija
1. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, ir-rimunerazzjoni li ngħatat iżda għadha ma tħallsitx għandha tiġi vvalutata bħalma qiegħda fid-data tal-għoti jekk ma jiġux ikkunsidrati l-applikazzjoni tar-rata ta' skont msemmija fl-Artikolu 94(1)(g)(iii) tad-Direttiva 2013/36/UE jew it-tnaqqis fl-iżborżi, kemm jekk permezz ta' rkupru (clawback), malus, jew b'xi mod ieħor. L-ammonti kollha jiġu kkalkolati fuq bażi gross u fuq bażi ekwivalenti full-time.
2. Għall-iskop tal-applikazzjoni tal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 4(1), ir-rimunerazzjoni mogħtija tista' tkun kkunsidrata separatament għal kull Stat Membru jew pajjiż terz fejn l-istituzzjoni jkollha stabbiliment u l-membri tal-persunal għandhom ikunu assenjati għall-pajjiż fejn huma jwettqu parti predominanti tal-attivitajiet tagħhom.
Artikolu 6
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Marzu 2014.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.
(2) Id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta' kreditu (ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1).
(3) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(4) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).