Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0111

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 111/2014 tal- 4 ta’ Frar 2014 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

ĠU L 38, 7.2.2014, p. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/111/oj

7.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 38/16


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 111/2014

tal-4 ta’ Frar 2014

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqu, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, il-prodotti msemmija fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati skont il-kodiċi tan-NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi pprovdut li informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament tista’, għal ċertu perjodu, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dan il-perjodu għandu jkun ta’ tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx tikkonforma ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Frar 2014.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Apparat li jikkombina moniter tal-kulur tat-tip bid-display tal-kristall likwidu (LCD) u b’superfiċe touch-sensitive (hekk imsejjaħ “moniter b’touch skrijn”) b’kejl diagonali tal-iskrijn ta’ madwar 38 cm (15-il pulzier) bi:

riżoluzzjoni normali ta’ 1 024  × 768 pixels,

riżoluzzjonijiet sostnuti ta’ 640 × 350, 720 × 400, 640 × 480, 800 × 600 u 1 024  × 768 pixels,

proporzjon tal-aspett ta’ 4:3,

pixel pitch ta’ 0,297 mm,

luminożità ta’ 250 cd/m2,

angolu ta’ viżjoni orizzjontali ta’ 120° u angolu ta’ viżjoni vertikali ta’ 100°,

ħin ta’ reazzjoni ta’ 17 ms,

proporzjon ta’ kuntrast ta’ 400:1,

buttuni tal-enerġija u buttuni tal-kontroll.

Huwa mgħammar bl-interfaċċi li ġejjin:

D-sub,

USB u RS-232 għall-konnessjoni tas-superfiċe tiegħu touch-sensitive ma’ magna awtomatika tal-ipproċessar tad-dejta (ADP).

Għandu stand b’mekkaniżmu li jdur u jitmejjel u superfiċe antiriflessi.

Il-moniter huwa ppreżentat għall-użu, pereżempju, fit-terminals fil-punt ta’ bejgħ/terminali ta’ informazzjoni għall-klijenti. Is-superfiċe tiegħu touch-sensitive jippermetti lill-utenti li jdaħħlu d-dejta f’dawn it-terminals. Il-monitor jista’ juri sinjali minn magni ADP.

8528 51 00

Il-klassifikazzjoni hija stabbilita bir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, bin-Nota 3 taq-Taqsima XVI u bil-kliem tal-kodiċijiet tan-NM 8528  u 8528 51 00 .

L-apparat huwa magna komposta li twettaq il-funzjoni ta’ mezz li jdaħħal il-koordinati X-Y tal-intestatura 8471  u ta’ moniter tal-intestatura 8528 . Barra li juri l-informazzjoni, l-apparat jagħti lill-utenti l-faċilità li jdaħħlu d-dejta. Fid-dawl tad-diżinn, il-kunċett u l-karatteristiki oġġettivi tal-apparat, jiġifieri l-kapaċità tal-moniters li jwettqu l-funzjoni tagħhom b’mod indipendenti mill-mezz ta’ input, il-funzjoni ta’ display tikkostitwixxi l-funzjoni prinċipali tal-apparat fit-tifsira tan-nota 3 għat-Taqsima XVI. Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, bħall-proporzjon tal-aspett, il-pixel pitch adattat biex wieħed iħares lejh mill-qrib u fit-tul, il-luminożità, l-interfaċċi użati b’mod komuni fis-sistemi ADP, il-mekkaniżmi li bihom idur u jitmejjel u s-superfiċe antiriflessi tiegħu, il-moniter jitqies bħala t-tip għall-użu unikament jew prinċipalment f’sistema ADP tal-intestatura 8471 .

Għalhekk l-apparat irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8528 51 00 bħala moniter ieħor tat-tip li hu unikament jew prinċipalment għall-użu f’sistema tal-ipproċessar tad-dejta awtomatika tal-intestatura 8471 .


Top