Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0305

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 305/2013 tas- 26 ta’ Novembru 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 91, 3.4.2013, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 02/05/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2013/305/oj

3.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/1


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 305/2013

tas-26 ta’ Novembru 2012

li jissupplimenta d-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha,

Wara li kkonsultat il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2010/40/UE teħtieġ li l-Kummissjoni tadotta atti ddelegati fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet neċessarji biex jiġu żgurati l-kompatibbiltà, l-interoperabilità u l-kontinwità tal-mobilizzazzjoni u tal-użu operattiv ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti (STI).

(2)

Skont l-Artikolu 3(d) tad-Direttiva 2010/40/UE, il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha għandha tikkostitwixxi azzjoni ta’ prijorità. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tadotta l-ispeċifikazzjonijiet neċessarji f’dan il-qasam.

(3)

L-Artikolu 26 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva dwar is-Servizzi Universali) (2) jeħtieġ li s-sejħiet għan-numru uniku Ewropew ta’ emerġenza 112 jwieġbu kif xieraq u jiġu ttrattati bl-aktar mod adattat għall-organizzazzjoni nazzjonali tas-sistemi ta’ emerġenza, li jinkludu ċ-ċentri li jwieġbu għas-sejħiet ta’ emerġenza (ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika).

(4)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “eCall: Wasal il-waqt għall-mobilizzazzjoni” (3), tipprevedi miżuri regolatorji ġodda biex iħaffu l-mobilizzazzjoni fl-Unjoni ta’ servizz ta’ sejħiet ta’ emerġenza mmuntat fil-vettura. Waħda mill-miżuri proposti hija li l-aġġornament neċessarju tal-infrastruttura taċ-ċentru li jwieġeb għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika (PSAP) meħtieġ sabiex l-eCalls jiġu riċevuti u ttrattati kif suppost, isir mandatorju.

(5)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/750/UE (4) dwar appoġġ għal servizz ta’ sejħiet elettroniċi offrut madwar l-UE kollha fin-netwerks tal-komunikazzjoni elettronika għat-trażmissjoni ta’ sejħiet tal-emerġenza bbażati fuq in-numru 112 minn sistemi mmuntati fil-vetturi (“Sejħiet elettroniċi”) tagħti parir lill-Istati Membri biex jindikaw il-PSAP fejn se jiġu ttrasferiti l-eCalls u biex jiżguraw li l-operaturi tan-netwerks mobbli jittrattaw l-eCalls kif suppost.

(6)

Huwa mistenni li bit-tnaqqis fil-ħin ta’ rispons tas-servizzi ta’ emerġenza, l-eCall interoperabbli fl-UE kollha se tnaqqas l-għadd ta’ fatalitajiet fl-Unjoni kif ukoll is-severità tal-ġrieħi kkawżati b’aċċidenti stradali.

(7)

L-eCall interoperabbli fl-UE kollha hija mistennija wkoll li tipprovdi ffrankar ta’ flus għas-soċjetà billi ttejjeb il-ġestjoni tal-inċidenti u billi tnaqqas il-konġestjoni tat-toroq u l-aċċidenti sekondarji.

(8)

L-ipproċessar ta’ dejta personali fil-kuntest tat-trattar tal-eCalls mill-PSAPs, is-servizzi ta’ emerġenza u tas-sħab fis-servizz jitwettaq f’konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (5) u d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) (6). L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm din il-konformità mal-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta, jew waqt proċeduri ta’ kontroll a priori, bħan-notifiki minn qabel jew waqt verifiki a posteriori, bħal matul l-ilmenti u l-investigazzjonijiet.

(9)

Is-servizz ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha jsegwi r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta u li jinsabu fid-“Dokument ta’ ħidma dwar il-ħarsien tad-data u l-implikazzjonijiet għall-privatezza fl-inizjattiva eCall”, adottat fis-26 ta’ Settembru 2006 (1609/06/EN — WP 125). Il-vetturi mgħammra bit-tagħmir eCall ma għandhomx ikunu jistgħu jiġu ttraċċati meta jkunu fi status ta’ operat normali. Is-sett minimu ta’ dejta mibgħut mit-tagħmir għall-eCall immuntat fil-vetturi (jiġifieri meta dan jagħti bidu għal sejħa) għandu jinkludi l-informazzjoni minima meħtieġa sabiex is-sejħiet tal-emerġenza jiġu ttrattati kif xieraq.

(10)

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46/KE, l-Istati Membri għandhom iqisu d-“Dokument ta’ ħidma dwar il-ħarsien tad-data u l-implikazzjonijiet għall-privatezza fl-inizjattiva eCall”, adottat mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 fis-26 ta’ Settembru 2006 (1609/06/EN — WP 125), waqt il-mobilizzazzjoni tal-infrastruttura tal-PSAPs għall-eCall.

(11)

Huwa importanti li l-Istati Membri kollha għandhom jiżviluppaw standards tekniċi u prattiki komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ sejħiet ta’ emerġenza. Għandu jitkompla l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet tekniċi komuni, b’mod partikolari permezz tal-organizzazzjonijiet Ewropej għall-istandardizzazzjoni, sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni tas-servizz tal-eCall, jiġu żgurati l-interoperabilità u l-kontinwità tas-servizz madwar l-UE kollha u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni għall-Unjoni kollha.

(12)

L-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni, ETSI u CEN, żviluppaw standards komuni għall-mobilizzazzjoni ta’ servizz ta’ eCall pan-Ewropew, li dan ir-Regolament jagħmel referenza għalih.

(13)

L-infrastrutturi diġà mmobilitati għandhom jingħataw biżżejjed żmien biex jiġu aġġornati, għalhekk ir-Regolament għandu japplika għalihom wara 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-aġġornament tal-infrastruttura taċ-Ċentri li jwieġbu għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika (PSAP) meħtieġa biex l-eCalls jiġu riċevuti u ttrattati kif suppost, sabiex jiġu żgurati l-kompatibbiltà, l-interoperabilità u l-kontinwità tas-servizz armonizzat ta’ eCall fl-UE kollha.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“servizz ta’ emerġenza” tfisser servizz, rikonoxxut bħala tali mill-Istat Membru, li jipprovdi għajnuna immedjata u malajr f’sitwazzjonijiet fejn ikun hemm, b’mod partikolari, riskju dirett għall-ħajja jew ta’ ġrieħi gravi, għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-individwu jew tal-pubbliku, għall-proprjetà privata jew pubblika, jew għall-ambjent, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(b)

“ċentru li jwieġeb għas-sejħiet marbutin mas-sikurezza pubblika” (PSAP) tfisser post fiżiku fejn is-sejħiet ta’ emerġenza jiġu riċevuti taħt ir-responsabbiltà ta’ awtorità pubblika jew organizzazzjoni privata rikonoxxuta mill-Istat Membru;

(c)

“PSAP l-aktar xieraq” tfisser PSAP iddefinit minn qabel mill-awtoritajiet responsabbli biex ikopri sejħiet ta’ emerġenza minn żona partikolari jew għal sejħiet ta’ emerġenza ta’ tip partikolari;

(d)

“PSAP għall-eCall” tfisser PSAP l-aktar xieraq iddefinit minn qabel mill-awtoritajiet li l-ewwel jirċievu u jitrattaw l-eCalls;

(e)

“operatur tal-PSAP għall-eCall” tfisser persuna fil-PSAP għall-eCall li jirċievi u/jew jittratta s-sejħiet ta’ emerġenza;

(f)

“sieħeb fis-servizz” tfisser organizzazzjoni pubblika jew privata rikonoxxuta mill-awtoritajiet nazzjonali, li għandha rwol fit-trattar tal-inċidenti relatati mal-eCall (eż. operatur tat-triq, servizz ta’ għajnuna);

(g)

“tagħmir mmuntat fil-vettura” tfisser tagħmir fi ħdan il-vettura li jipprovdi jew għandu aċċess għad-dejta mmuntata fil-vettura meħtieġa biex issir it-tranżazzjoni tal-eCall permezz ta’ netwerk pubbliku tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili.

(h)

“eCall” (imsemmija fid-Direttiva 2010/40/UE bħala ‘eCall interoperabbli fl-UE kollha’) tfisser sejħa ta’ emerġenza minn sistema mmuntata fil-vettura fuq in-numru 112, magħmula jew b’mod awtomatiku billi jiġu attivati sensuri mmuntati fil-vettura jew b’mod manwali, li twassal sett minimu standardizzat ta’ dejta u li tistabbilixxi kanal tal-awdjo bejn il-vettura u l-PSAP għall-eCall permezz ta’ netwerks pubbliċi tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili;

(i)

“tranżazzjoni eCall” tfisser l-istabbiliment ta’ sessjoni ta’ komunikazzjoni mobbli mingħajr fili matul netwerk pubbliku tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili u t-trażmissjoni ta’ sett minimu ta’ dejta minn vettura għal PSAP għall-eCall u l-istabbiliment ta’ kanal tal-awdjo bejn il-vettura u l-istess PSAP għall-eCall;

(j)

“sett minimu ta’ dejta” (MSD) tfisser l-informazzjoni ddefinita bl-istandard tat-‘Telematika tat-trasport u t-traffiku bl-art — Esafety — Sett minimu ta’ dejta (MSD) għall-eCall’ (EN 15722) li tintbagħat lill-PSAP tal-eCall;

(k)

“Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Vettura” (VIN) tfisser il-kodiċi alfanumeriku mogħti lil vettura mill-manifattur sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni xierqa ta’ kull vettura, kif deskritt fl-istandard ISO 3779;

(l)

“netwerk tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili” tfisser netwerk tal-komunikazzjoni mingħajr fili bi trasferiment omoġenju bejn il-punti ta’ aċċess għan-netwerk;

(m)

“netwerk pubbliku tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili” tfisser netwerk tal-komunikazzjoni mobbli mingħajr fili disponibbli għall-pubbliku f’konformità mad-Direttiva 2002/22/KE u mad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(n)

“ċentru ta’ kontroll ta’ emerġenza” tfisser faċilità użata minn servizz wieħed jew aktar ta’ emerġenza biex jittrattaw is-sejħiet ta’ emerġenza;

(o)

“MSD mhux pproċessat” tfisser rappreżentazzjoni tas-sett minimu ta’ dejta trażmess qabel jiġi ppreżentat b’mod intelliġibbli lill-operatur tal-PSAP għall-eCall.

Artikolu 3

Rekwiżiti tal-PSAP għall-eCall

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe PSAP għall-eCall huwa mgħammar biex jittratta l-eCalls u biex jirċievi l-MSD li joriġina mit-tagħmir immuntat fil-vettura skont l-istandards tas-‘Sistemi ta’ trasport intelliġenti — Esafety — Rekwiżiti ta’ eCall operattiv pan-Ewropew’ (EN 16072) u s-“Sistemi ta’ trasport intelliġenti — Esafety — Rekwiżiti ta’ Applikazzjoni ta’ Livell Għoli għall-eCall (HLAP)” (EN 16062).

2.   Il-PSAP għall-eCall għandu jittratta l-eCalls b’mod effiċjenti u effettiv bħal kull sejħa oħra magħmula lin-numru uniku Ewropew tal-emerġenza 112. Il-PSAP għall-eCall għandu jipproċessal-eCalls f’konformità mar-rekwiżiti tar-regolamenti nazzjonali għall-ipproċessar tas-sejħiet ta’ emerġenza.

3.   Il-PSAP għall-eCall għandu jkun kapaċi jirċievi kontenuti ta’ dejta tal-MSD u jippreżenthom lill-operatur tal-PSAP għall-eCall b’mod ċar u li jinftiehem.

4.   Il-PSAP għall-eCall għandu jkollu aċċess għal Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (GIS) xierqa jew għal sistema ekwivalenti li tippermetti lill-operatur tal-PSAP għall-eCall biex jidentifika l-pożizzjoni u d-direzzjoni tal-vettura sa livell minimu ta’ eżattezza kif iddefinit f’EN 15722 għall-koordinati tal-MSD.

5.   Ir-rekwiżiti msemmija hawn fuq għandhom jippermettu lill-PSAP għall-eCall biex jipprovdi l-post, it-tip ta’ attivazzjoni tal-eCall (manwali jew awtomatika) u dejta oħra rilevanti lis-servizzi ta’ emerġenza jew lis-sħab fis-servizz ix-xierqa.

6.   Il-PSAP għall-eCall (li għall-bidu jkun qed jirċievi l-eCall) għandu jistabbilixxi komunikazzjoni awdjo mal-vettura u jittratta d-dejta tal-eCall; jekk neċessarju, il-PSAP għall-eCall jista’ jindirizza mill-ġdid is-sejħa u d-dejta tal-MSD lil PSAP ieħor, lil ċentru ta’ kontroll ta’ emerġenza jew lil sieħeb fis-servizz skont il-proċeduri nazzjonali determinati mill-awtorità nazzjonali. L-indirizzar mill-ġdid jista’ jsir permezz ta’ konnessjoni dejta jew awdjo, jew preferibbilment it-tnejn.

7.   Fejn xieraq, u skont il-proċeduri u l-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-PSAP għall-eCall u s-servizzi ta’ emerġenza jew is-sħab fis-servizz jistgħu jingħataw aċċess għall-karatteristiċi tal-vettura miżmuma fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali u/jew f’riżorsi rilevanti oħra, sabiex jiksbu informazzjoni li hija neċessarja għall-itrattar tal-eCall, speċjalment biex jippermettu l-interpretazzjoni tan-Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Vettura (VIN) u l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali rilevanti, b’mod partikolari t-tip tal-vettura u l-mudell.

Artikolu 4

Valutazzjoni tal-konformità

L-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet li huma kompetenti biex jivvalutaw il-konformità tal-operati tal-PSAPs għall-eCall mar-rekwiżiti mniżżla fl-Artikolu 3 u għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni. Il-valutazzjoni tal-konformità għandha tkun ibbażata fuq il-parti standard ta’ “Sistemi ta’ trasport intelliġenti — eSafety — ittestjar għall-konformità minn tarf sa ieħor tal-eCall” (EN 16454), li tirrilata mal-konformità tal-PSAPs mal-eCall pan-Ewropew.

Artikolu 5

Obbligi marbuta mal-mobilizzazzjoni tal-infrastruttura tal-PSAPs għall-eCall

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan ir-Regolament jiġi applikat meta l-infrastruttura tal-PSAPs għall-eCall għat-trattar ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha tiġi mmobilitata, f’konformità mal-prinċipji għall-ispeċifikazzjonijiet u l-mobilizzazzjoni stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 2010/40/UE. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru biex jiddeċiedi dwar il-mobilizzazzjoni tal-PSAPs għall-eCall għat-trattar tal-eCall interoperabbli fl-UE kollha fit-territorju tiegħu. Dan id-dritt huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att leġiżlattiv adottat skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2010/40/UE.

Artikolu 6

Regoli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta

1.   Il-PSAPs, li jinkludu l-PSAPs għall-eCall, għandhom jitqiesu bħala kontrolluri tad-dejta skont is-sinifikat tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46/KE. Meta d-dejta ta’ eCall trid tintbagħat għand ċentri oħra ta’ kontroll ta’ emerġenza jew għand sħab fis-servizz skont l-Artikolu 3(5), dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu wkoll bħala kontrolluri tad-dejta. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta’ dejta personali fil-kuntest tat-trattar ta’ eCalls mill-PSAPs, is-servizzi ta’ emerġenza u tas-sħab fis-servizz jitwettaq f’konformità mad-Direttivi 95/46/KE u 2002/58/KE, u li din il-konformità tiġi żgurata lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-dejta.

2.   B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dejta personali tiġi protetta kontra l-użu ħażin, fosthom l-aċċess mhux awtorizzat, it-tibdil jew it-telf, u li l-protokolli li jikkonċernaw l-ħażna personali ta’ dejta, it-tul taż-żamma tagħha, l-ipproċessar u l-protezzjoni, jiġu stabbiliti fil-livell xieraq u mħarsa kif suppost.

Artikolu 7

Regoli dwar ir-responsabbiltà

1.   Il-PSAPs għall-eCall iridu jkunu kapaċi juru lill-awtoritajiet kompetenti li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti kollha ta’ konformità speċifikati fl-istandards ta’ eCall imniżżla fl-Artikolu 3(1) fir-rigward tal-parti(jiet) tas-sistema skont it-tfassil u/jew il-kontroll tagħhom. Huma għandhom ikunu responsabbli biss minn dik il-parti tal-eCalls li għaliha huma responsabbli, li tibda minn meta l-eCall tasal għand il-PSAP għall-eCall, f’konformità mal-proċeduri nazzjonali.

2.   Għal dan il-għan, flimkien ma’ miżuri eżistenti oħra relatati b’mod partikolari mal-ittrattar tas-sejħiet tan-numru 112, kemm l-MSD mhux proċessat riċevut mal-eCall kif ukoll il-kontenut tal-MSD ippreżentat lill-operatur ta’ eCall għandhom jinżammu għal perjodu ta’ żmien, f’konformità mar-regolamenti nazzjonali. Din id-dejta għandha tinħażen f’konformità mal-Artikoli 6, 13 u 17 tad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 8

Rappurtar

L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni sat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar l-istat ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jinkludi minn tal-inqas il-lista ta’ awtoritajiet kompetenti għall-valutazzjoni tal-konformità tal-operazzjonijiet tal-PSAPs ta’ eCall, il-lista u l-kopertura ġeografika tal-PSAPs għall-eCall, skeda tal-mobilizzazzjoni matul is-sentejn taż-żamma, id-deskrizzjoni tat-testijiet ta’ konformità u d-deskrizzjoni tal-protokolli dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika għal infrastrutturi mmobilitati mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Għandu japplika mit-23 ta’ April 2014 għal infrastrutturi diġà mmobilitati mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 207, 6.8.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(3)  COM(2009) 434 final.

(4)  ĠU L 303, 22.11.2011, p. 46.

(5)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(6)  ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.

(7)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.


Top