Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013D0761

    2013/761/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tan-notifika mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ta’ pjan nazzjonali tranżitorju msemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (notifikata bid-dokument C(2013) 8815)

    ĠU L 335, 14.12.2013, p. 52–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2013/761/oj

    14.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 335/52


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-12 ta’ Diċembru 2013

    fir-rigward tan-notifika mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ta’ pjan nazzjonali tranżitorju msemmi fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali

    (notifikata bid-dokument C(2013) 8815)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (2013/761/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(5), it-tieni paragrafu, tagħha,

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 32(5) l-ewwel subparagrafu tad-Direttiva 2010/75/UE, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit), fl-14 ta’ Diċembru 2012 ippreżenta lill-Kummissjoni pjan nazzjonali tranżitorju (TNP) (2).

    (2)

    It-TNP ġie evalwat skont l-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/115/UE (3).

    (3)

    Waqt il-valutazzjoni tal-kompletezza tat-TNP ippreżentata mir-Renju Unit, il-Kummissjoni sabet li ħafna dejta essenzjali għall-valutazzjoni kienet nieqsa mit-TNP, u li l-inventarju tad-dejta previst fit-Tabella A.1 fl-Appendiċi A tal-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE ma ġiex ippreżentat. Il-Kummissjoni nnutat ukoll li għal bosta impjanti, id-dejta inkluża fit-TNP ma qablitx mad-dejta fl-inventarju tal-emissjonijiet tal-2009 ppreżentat mir-Renju Unit skont id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (4)

    Billi d-dejta nieqsa u d-diskrepanzi bejn it-TNP u l-inventarju tal-emissjonijiet skont id-Direttiva 2001/80/KE xekklu l-valutazzjoni tat-TNP, il-Kummissjoni fl-ittra tagħha tat-3 ta’ Ġunju 2013 (5), talbet lir-Renju Unit jippreżenta t-TNP mill-ġdid u jinkludi d-dejta nieqsa, u jikkjarifika d-differenzi li jinstabu bejn it-TNP u l-inventarju tal-emissjonijiet 2009 skont id-Direttiva 2001/80/KE, kif ukoll biex jikkonferma b’mod espliċitu li r-regoli ta’ aggregazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/75/UE ġew applikati għall-kumpilazzjoni tat-TNP.

    (5)

    Ir-Renju Unit ippreżenta informazzjoni addizzjonali lill-Kummissjoni fit-18 ta’ Ġunju 2013 (6), id-19 ta’ Ġunju 2013 (7), l-20 ta’ Ġunju 2013 (8) u l-1 ta’ Lulju 2013 (9). F’dawn il-preżentazzjonijiet, ir-Renju Unit ipprovda l-biċċa l-kbira mid-dejta nieqsa bl-użu tal-mudelli mitluba, kif ukoll il-kjarifika parzjali tad-differenzi bejn l-informazzjoni fit-TNP u l-inventarju tal-emissjonijiet tal-2009 skont id-Direttiva 2001/80/KE.

    (6)

    Wara l-valutazzjoni ulterjuri tat-TNP u l-informazzjoni addizzjonali mressqa mir-Renju Unit, il-Kummissjoni bagħtet it-tieni ittra fl-10 ta’ Settembru 2013 (10). F’din l-ittra, il-Kummissjoni tenniet it-talba tagħha li r-Renju Unit jikkonferma b’mod espliċitu li għall-impjanti kollha inklużi fit-TNP, ir-regoli ta’ aggregazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 29 tad-Direttiva 2010/75/UE ġew applikati b’mod korrett u staqsiet lir-Renju Unit jikkonferma li l-ebda wieħed mill-impjanti ta’ kombustjoni li bbenefikaw mill-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2001/80/KE ma kien jagħmel parti mit-TNP. Il-Kummissjoni kompliet tanalizza l-eliġibbiltà ta’ għadd ta’ impjanti li għandhom jiġu inklużi fit-TNP u talbet dejta addizzjonali u/jew kjarifiki li jikkonċernaw ir-rati medji ta’ skart tal-fluss tal-gassijiet, il-fatturi ta’ konverżjoni, l-input termali kklassifikat totali u l-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet applikati għal ċerti impjanti, b’mod partikolari impjanti ta’ kombustjoni multikarburanti u turbini tal-gass. Il-Kummissjoni talbet ukoll lir-Renju Unit biex jipprovdi informazzjoni dwar miżuri previsti għal 120 impjant inklużi fit-TNP biex jiżgura konformità f’waqtha mal-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet li se japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2020.

    (7)

    Fl-ittra tagħha tal-10 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni infurmat ukoll lir-Renju Unit li l-valur ta’ limitu ta’ emissjonijiet ta’ 1 200 mg/Nm3 ta’ NOx użat għal karburant solidu u li jikkonċerna l-impjant “Aberthaw Power Station”, li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal-limitu massimu globali tat-TNP għall-NOx, kellu jiġi koreġut billi l-kundizzjonijet għall-użu ta’ dan il-valur ta’ limitu, li huma stabbiliti fin-Nota 2 għat-Tabella C.1 fl-Appendiċi C tal-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE, ma kinux sodisfatti għal dan l-impjant waqt il-perjodu ta’ referenza 2001-2010. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, ir-Renju Unit ma weriex li l-kontenut volatili medju annwali tal-karburant solidu li ntuża fl-impjant kien inqas minn 10 % fl-ebda mis-snin bejn l-2001 u l-2010.

    (8)

    Fit-tweġibiet tiegħu tas-26 u s-27 ta’ Settembru 2013 (11), ir-Renju Unit ipprovda dejta addizzjonali u informa lill-Kummissjoni bit-tneħħija ta’ 11-il impjant mit-TNP. Fir-rigward tal-impjant “Aberthaw Power Station”, ir-Renju Unit kompla jargumenta li l-kundizzjonijiet stabbiliti fin-Nota 2 għat-Tabella C.1 fl-Appendiċi C tal-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE ġew issodisfati u li l-valur tal-limitu ta’ emissjonijiet ta’ 1 200 mg/Nm3 ta’ NOx għal karburanti solidi uzati biex jikkalkulaw l-kontribuzzjoni għal-limitu massimu tal-2016 għaldaqstant kien korrett.

    (9)

    Abbażi tal-informazzjoni addizzjonali pprovduta, il-Kummissjoni sabet li kienet għadha nieqsa dejta essenzjali mit-TNP dwar ħafna impjanti, u li l-valutazzjoni sħiħa tat-TNP għalhekk ma kinitx possibbli, b’mod partikolari f’termini ta’ konsistenza u korrettezza tad-dejta u tas-suppożizzjonijiet u l-kalkoli użati għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ta’ kull impjant ta’ kombustjoni għal-limiti massimi ta’ emissjonijiet.

    (10)

    Wara valutazzjoni finali tat-TNP nnotifikata mir-Renju Unit, kif emendata skont informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni identifikat element ewlieni wieħed li ma kienx konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli, kif ġej:

    fir-rigward tal-impjant “Aberthaw Power Station”, billi l-kundizzjonijiet li japplikaw il-valur tal-limitu ta’ emissjonijiet ta’ 1 200 mg/Nm3 ta’ NOx għal karburanti solidi użati biex jikkalkulaw il-kontribuzzjoni tal-impjant għal-limitu massimu tat-TNP tal-2016, stabbiliti fin-Nota 2 tat-Tabella C1 għall-Appendiċi C tal-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE mhumiex issodifati, il-Kummissjoni tikkunsidra l-applikazzjoni ta’ dan il-valur ta’ limitu ta’ emissjonijiet bħala mhux xierqa.

    (11)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat 34 impjant fit-TNP, li għalihom l-informazzjoni rrapportata baqgħat inkonsistenti u/jew id-dejta nieqsa teħtieġ li tkun supplimentata, b’mod partikolari fir-rigward tal-valuri tal-limitu tal-emissjonijiet użati u l-kontribuzzjonjiet tal-limitu massimu kkalkulati u rrapportati. Il-lista ta’ impjanti li għalihom id-dejta hija inkonsistenti jew nieqsa hija inkluża fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    (12)

    Għalhekk, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li t-TNP nnotifikat mir-Renju Unit, kif emendat skont l-informazzjoni addizzjonali, mhuwiex skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE.

    (13)

    Għalhekk, it-TNP nnotifikat mir-Renju Unit ma għandux jiġi aċċettat.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pjan nazzjonali tranżitorju li r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq nnotifika lil-Kummissjoni skont l-Artikolu 32(5) tad-Direttiva 2010/75/UE fl-14 ta’ Diċembru 2012, mhuwiex skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 32(1), (3) u (4) tad-Direttiva 2010/75/UE u fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/115/UE, u għalhekk mhuwiex se jiġi aċċettat.

    2.   Jekk ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu l-ħsieb li jimplimenta l-pjan nazzjonali tranżitorju, għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jindirizza, f’verżjoni riveduta tal-pjan, l-elementi li ġejjin:

    (a)

    fir-rigward tal-impjant “Aberthaw Power Station”, li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal-limitu massimu tat-TNP għall-NOx, il-korrezzjoni tal-valur tal-limitu tal-emissjonijiet applikat biex jikkalkula l-kontribuzzjoni ta’ dan l-impjant għal-limitu massimu tal-2016 għall-NOx, biex dan l-impjant isir eliġibbli biex juża l-valur tal-limitu ta’ emissjonijiet ta’ 1 200 mg/Nm3, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu juri li l-kontenut volatili medju annwali tal-karburant solidu użat fl-impjant kien inqas minn 10 % fis-snin ta’ referenza meqjusa għat-TNP, kif stabbilit fin-Nota 2 tat-Tabella C1 tal-Appendiċi C tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Implimentazzjoni 2012/115/UE;

    (b)

    fir-rigward tal-impjanti elenkati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni: biex jissottomettu d-dejta nieqsa u jikkoreġu u jikkjarifikaw l-ambigwitajiet sabiex tinkiseb konsistenza sħiħa tul l-informazzjoni inkluża fi, u użata għall-pjan nazzjonali tranżitorju għall-għanijiet ta’ dan il-punt; għal dan il-għan, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jqis it-talbiet iddettaljati ta’ kjarifika stabbiliti fl-ittri mibgħuta fit-3 ta’ Ġunju 2013 u fl-10 ta’ Settembru 2013.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2013.

    Għall-Kummissjoni

    Janez POTOČNIK

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.

    (2)  Ares (2012) 1500959

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/115/UE tal-10 ta’ Frar 2012 li tistabbilixxi regoli dwar il-pjanijiet nazzjonali tranżizzjonali msemmija fid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emissjonijiet industrijali (ĠU L 52, 24.2.2012, p. 12)

    (4)  Id-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni tal-emissjonijiet ta’ ċerti sustanzi li jniġġsu fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni, (ĠU L 309, 27.11.2001, p. 1)

    (5)  Ares (2013)1635147

    (6)  Ares(2013)2381277.

    (7)  Ares(2013)2381361.

    (8)  Ares(2013)2381402.

    (9)  Ares(2013)2972980.

    (10)  Ares(2013)3015778.

    (11)  Ares(2013)3155496.


    ANNESS

    LISTA TA’ IMPJANTI MSEMMIJA FIL-PUNT (B) TAL-ARTIKOLU (1)2

    In-numru tal-impjant użat fit-TNP

    L-isem tal-impjant

    9

    Great Coates Works LCP 62

    10

    Great Coates Works LCP 63

    11

    Great Coates Works LCP 96

    12

    Grangemouth Polimeri Europa UK

    13

    Port of Liverpool CHP — GT

    16

    Aylesford CHP1

    17

    Aylesford CHP2

    18

    Kinneil Stack A1 (B-101)

    28

    Burghfield Generation Site

    37

    Cheshire CHP

    38

    Chickerall Generation Site

    44

    Wansborough Mill

    46

    Didcot B Module 6

    47

    Dow CHP

    49

    Dalry DSM CHP

    58

    Ratcliffe on Soar Power Station

    68

    Grimsby CHP1

    71

    Hythe CHP1

    72

    Hythe Package Boilers

    73

    Indian Queens

    81

    Keadby Power Station GT3

    84

    Little Barford Power Station Module 1A

    85

    Little Barford Power Station Module 1B

    99

    Sellafield Site Gas Turbine 1

    100

    Sellafield Site Gas Turbine 2

    101

    Sellafield Site Gas Turbine 3

    102

    Sellafield Site Auxiliary Boiler

    103

    Wilton Power Station

    107

    Solvay Interox Ltd

    120

    INEOS Infrastructure (Grangemouth) Ltd Boilers 9 & 10

    121

    INEOS Infrastructure (Grangemouth) Ltd Boilers 11, 12 & 13

    124

    Redcar Power Station Boiler

    128

    Wilton Olefin Boiler

    129

    North Tees No 1 Aromatics Plant


    Top