This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013D0328
2013/328/EU: Commission Implementing Decision of 25 June 2013 establishing a specific control and inspection programme for fisheries exploiting cod, plaice and sole in the Kattegat, the North Sea, the Skagerrak, the eastern Channel, the waters west of Scotland and the Irish Sea
2013/328/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-merluzz, tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fil-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak, fil-Kanal tal-Lvant, fl-ilmijiet fil-punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż
2013/328/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-merluzz, tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fil-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak, fil-Kanal tal-Lvant, fl-ilmijiet fil-punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż
ĠU L 175, 27.6.2013, p. 61–70
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018; Imħassar b' 32018D1986
27.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 175/61 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-25 ta’ Ġunju 2013
li tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-merluzz, tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fil-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak, fil-Kanal tal-Lvant, fl-ilmijiet fil-punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż
(2013/328/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009 japplika għall-attivitajiet kollha koperti mill-Politika Komuni tas-Sajd imwettqa fit-territorju tal-Istati Membri jew fl-ilmijiet tal-Unjoni jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jew, bla ħsara għar-responsabbiltà primarja tal-Istat Membru tal-bandiera, minn ċittadini tal-Istati Membri, u jistabbilixxi b’mod partikulari li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar isiru fuq bażi mhux diskriminatorja f’dak li għandu x’jaqsam ma’ setturi, bastimenti jew persuni, u fuq il-bażi tal-ġestjoni tar-riskju. |
(2) |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 tat-18 ta’ Diċembru 2008 jistabbilixxi pjan għal perijodu fit-tul għall-istokkijiet tal-merluzz u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2004 (2) jistipula l-kundizzjonijiet għal sfruttament sostenibbli tal-merluzz fil-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak, fil-Kanal tal-Lvant, fl-ilmijiet fil-punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 tal-11 ta’ Ġunju 2007 li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-ħażniet tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fil-Baħar tat-Tramuntana (3) jistipula l-kundizzjonijiet għal sfruttament sostenibbli tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata. |
(3) |
L-Artikolu 95 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jipprevedi l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tiddetermina, flimkien mal-Istati Membri konċernati, it-tipi ta’ sajd li huma suġġetti għal programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni. Tali programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiddikjara l-objettivi, il-prijoritajiet u l-proċeduri kif ukoll il-punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni li għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-ġestjoni tar-riskju u għandhom jiġu riveduti perjodikament wara analiżi tar-riżultati miksuba. L-Istati Membri konċernati huma obbligati li jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ riżorsi umani u materjali u l-perjodi u ż-żoni fejn dawn għandhom jiġu użati. |
(4) |
L-Artikolu 95(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistipula li l-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiddikjara punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni li għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta’ ġestjoni tar-riskju. Għal dan il-għan, huwa xieraq li jiġu stabbiliti kriterji komuni għall-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskju għall-attivitajiet ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ verifikazzjoni sabiex l-analiżijiet tar-riskju u l-valutazzjonijiet globali tal-informazzjoni rilevanti ta’ kontroll u spezzjoni jitħallew isiru f’waqthom. Il-kriterji komuni huma maħsuba biex jiżguraw approċċ armonizzat fil-konfront tal-ispezzjoni u l-verifikazzjoni fl-Istati Membri kollha u sabiex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi kollha. |
(5) |
Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkun stabbilit għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2018 u għandu jiġi implimentat mill-Belġju, mid-Danimarka, mill-Ġermanja, minn Franza, mill-Irlanda, mill-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Isvezja u mir-Renju Unit. |
(6) |
L-Artikolu 98(1) u (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 (4) jipprevedi li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet misjuba fil-pjanijiet multiannwali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jadottaw approċċ ibbażat fuq ir-riskju biex jagħżlu miri għall-ispezzjoni, bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli u, suġġett għal strateġija ta’ kontroll u ta’ infurzar ibbażata fuq ir-riskju, għandhom iwettqu l-attivitajiet ta’ spezzjoni meħtieġa b’mod oġġettiv sabiex jevitaw iż-żamma abbord, it-trażbord, il-ħatt l-art, l-ipproċessar, it-trasport, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq u l-istokkjar ta’ prodotti tas-sajd li joriġinaw minn attivitajiet li mhumiex f’konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. |
(7) |
L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, imwaqqfa bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (5) (minn issa ’l quddiem imsejħa l-“EFCA”) għandha tikkoordina l-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni permezz ta’ pjan ta’ eżerċizzju konġunt, li jagħti effett lill-għanijiet, lill-prijoritajiet, lill-proċeduri u lill-punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni stipulati fil-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, u għandha tidentifika l-mezzi ta’ kontroll u spezzjoni li jistgħu jinġabru minn kull Stat Membru konċernat. Ir-relazzjonijiet bejn il-proċeduri ddefiniti mill-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni u dawk definiti mill-pjan ta’ eżerċizzju konġunt, għandhom għalhekk jiġu ċċarati. |
(8) |
Sabiex jiġu armonizzati l-proċeduri ta’ kontroll u spezzjoni tal-attivitajiet tas-sajd għall-merluzz, il-barbun tat-tbajja’ u l-lingwata, u sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-pjan multiannwali għal dawn l-istokkijiet u s-sajd tagħhom, huwa xieraq li jitfasslu regoli komuni għall-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni li għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri konċernati, inkluż l-aċċess reċiproku għad-dejta rilevanti. Għal dak il-għan, l-intensità tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni għandha tiġi determinata mill-punti ta’ riferiment fil-mira. |
(9) |
Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u sorveljanza bejn l-Istati Membri konċernati għandhom jitwettqu, fejn applikabbli, skont il-pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti stabbiliti mill-EFCA bil-għan li tittejjeb l-uniformità fil-prattiki ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza u sabiex jiffaċilitaw l-iżvilupp tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri. |
(10) |
Ir-riżultati miksuba bl-applikazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandhom jiġu evalwati permezz ta’ rapporti annwali ta’ evalwazzjoni li għandhom ikunu kkomunikati minn kull Stat Membru konċernat lill-Kummissjoni u lill-EFCA. |
(11) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni ġew stabbiliti flimkien mal-Istati Membri konċernati. |
(12) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura. |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għas-sajd tal-merluzz, fiż-żoni ġeografiċi tal-Kattegat, fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak, fil-Kanal tal-Lvant, fl-ilmijiet fil-punent tal-Iskozja u fil-Baħar Irlandiż, u tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fiż-żona ġeografika tal-Baħar tat-Tramuntana. Minn issa ’l quddiem iż-żoni ġeografiċi huma msejħa “Iż-żoni konċernati”.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1. Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jkopri, b’mod partikolari, l-attivitajiet li ġejjin:
(a) |
l-attivitajiet tas-sajd skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 fiż-żoni konċernati, u |
(b) |
l-attivitajiet relatati mas-sajd, inklużi l-użin, l-ipproċessar, it-tqegħid fis-suq, it-trasport u l-ħżin tal-prodotti tas-sajd, |
2. Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2018.
3. Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiġi implimentat mill-Belġju, mid-Danimarka, mill-Ġermanja, minn Franza, mill-Irlanda, mill-Pajjiżi l-Baxxi, mill-Isvezja u mir-Renju Unit (minn issa ’l quddiem imsejħa “l-Istati Membri konċernati”).
KAPITOLU II
OBJETTIVI, PRIJORITAJIET, PROĊEDURI U PUNTI TA’ RIFERIMENT
Artikolu 3
Objettivi
1. Il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandu jiżgura l-implimentazzjoni uniformi u effettiva tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli għall-istokkijiet msemmija fl-Artikolu 1.
2. L-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni mwettqa skont dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għandhom, b’mod partikolari, jimmiraw li jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
il-ġestjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u kwalunkwe kundizzjoni speċifika assoċjata magħha, inkluż il-monitoraġġ tal-utilizzazzjoni tal-kwota u tar-reġim tal-isforz fiż-żoni konċernati; |
(b) |
l-obbligi ta’ rappurtar li japplikaw għall-attivitajiet tas-sajd, b’mod partikolari l-affidabbiltà tal-informazzjoni rreġistrata u rrappurtata; |
(c) |
id-dispożizzjonijiet dwar il-projbizzjoni fuq selezzjoni kwalitattiva u l-obbligu tal-ħatt l-art tal-qabdiet kollha suġġett għal kwota. |
Artikolu 4
Prijoritajiet
1. L-Istati Membri konċernati għandhom iwettqu attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni fir-rigward ta’ attivitajiet tas-sajd minn bastimenti tas-sajd u ta’ attivitajiet relatati mas-sajd minn operaturi oħra fuq il-bażi tal-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju, f’konformità mal-Artikolu 4(18) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u l-Artikolu 98 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011.
2. Kull bastiment tas-sajd, grupp ta’ bastimenti tas-sajd, kategorija tal-irkaptu tas-sajd, operatur, u/jew attività relatata mas-sajd, għal kull stokk msemmi fl-Artikolu 1, għandu jkun suġġett għal kontroll u għal spezzjonijiet skont il-livell ta’ prijorità attribwita skont il-paragrafu 3.
3. Kull Stat Membru konċernat għandu jattribwixxi l-livell ta’ prijorità fuq il-bażi tar-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 5.
Artikolu 5
Proċeduri għall-valutazzjoni tar-riskju
1. Dan l-Artikolu għandu japplika għall-Istati Membri konċernati u, għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-paragrafu 4, għall-Istati Membri l-oħra kollha.
2. L-Istati Membri għandhom jevalwaw ir-riskji rigward l-istokkijiet u ż-żona(i) koperta(i), fuq il-bażi tat-tabella stabbilita fl-Anness I.
3. Il-valutazzjoni tar-riskju minn kull Stat Membru għandha tqis, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-passat u bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli u rilevanti, sa fejn huwa probabbli li jseħħ nuqqas ta’ konformità kif ukoll, li kieku dan kellu jiġri, il-konsegwenza(i) potenzjali. Billi jgħaqqad dawn l-elementi, kull Stat Membru għandu jistma livell ta’ riskju (“baxx ħafna”, “baxx”, “medju”, “għoli” jew “għoli ħafna”) għal kull kategorija ta’ spezzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2).
4. Fil-każ fejn bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru konċernat, jew bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz, jopera fiż-żona(i) msemmija fl-Artikolu 1, dan għandu jkun attribwit livell ta’ riskju skont il-paragrafu 3. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni u sakemm l-awtoritajiet tal-bandiera tiegħu ma jipprovdux, fil-qafas tal-Artikolu 9, ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess imwettqa skont l-Artikolu 4(2) u l-paragrafu 3 li jwasslu għal livell differenti ta’ riskju, għandu jiġi kkunsidrat bħala bastiment tas-sajd b’livell ta’riskju “għoli ħafna”.
Artikolu 6
Strateġija tal-ġestjoni tar-riskju
1. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu, kull Stat Membru konċernat għandu jiddefinixxi strateġija tal-ġestjoni tar-riskju ffukata fuq l-iżgurar tal-konformità. Strateġija bħal din għandha tinkludi l-identifikazzjoni, id-deskrizzjoni u l-allokazzjoni ta’ strumenti ta’ kontroll u mezzi oħra ta’ spezzjoni xierqa u kosteffettivi, b’rabta man-natura u l-livell stmat ta’ kull riskju, kif ukoll il-kisba tal-punti ta’ riferiment fil-mira.
2. L-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkoordinata fil-livell reġjonali permezz ta’ pjan ta’ eżerċizzju konġunt kif definit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.
Artikolu 7
Rabta ma’ proċeduri ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti
1. Fil-qafas ta’ pjan ta’ eżerċizzju konġunt, fejn applikabbli, kull Stat Membru konċernat għandu jikkomunika lill-EFCA r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju tiegħu mwettqa skont l-Artikolu 5(3) u, b’mod partikolari, lista ta’ livelli tar-riskju stmati flimkien ma’ miri korrispondenti għall-ispezzjoni.
2. Fejn xieraq, il-livelli tar-riskju u l-listi tal-miri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu aġġornati billi tintuża l-informazzjoni miġbura waqt l-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza. L-EFCA għandha tiġi informata immedjatament wara t-tlestija ta’ kull aġġornament.
3. L-EFCA għandha tuża l-informazzjoni li tkun waslet mill-Istati Membri konċernati biex tikkoordina l-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju fil-livell reġjonali, skont l-Artikolu 6(2).
Artikolu 8
Punti ta’ riferiment fil-mira
1. Bla ħsara għall-punti ta’ riferiment fil-mira definiti fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (6), il-punti ta’ riferiment fil-mira fil-livell tal-Unjoni għal bastimenti tas-sajd u/jew operaturi oħra b’livell ta’ riskju “għoli” u “għoli ħafna” huma stipulati fl-Anness II.
2. Il-punti ta’ riferiment fil-mira għal bastimenti tas-sajd u/jew operaturi oħra b’livell ta’ riskju “baxx ħafna”, “baxx”, u “medju” għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri konċernati permezz tal-programmi ta’ azzjoni nazzjonali għall-kontroll imsemmija fl-Artikolu 46 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u tal-miżuri nazzjonali msemmija fl-Artikolu 95(4) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.
3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu japplikaw alternattivament punti ta’ riferiment fil-mira differenti, espressi f’termini ta’ livelli ta’ konformità mtejba, sakemm:
(a) |
analiżi ddettaljata tal-attivitajiet tas-sajd jew tal-attivitajiet relatati mas-sajd u tal-kwistjonijiet tal-infurzar relatati tiġġustifika l-ħtieġa tal-iffissar ta’ punti ta’ riferiment fil-mira fil-forma ta’ livelli ta’ konformità mtejba, |
(b) |
il-punti ta’ riferiment espressi f’termini ta’ livelli ta’ konformità mtejba huma nnotifikati lill-Kummissjoni, u sakemm din ma toġġezzjonax għalihom fi żmien 90 jum, ma jkunux diskriminatorji, u ma jaffettwawx l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-proċeduri bbażati fuq ir-riskju definiti mill-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni. |
4. Il-punti ta’ riferiment fil-mira kollha għandhom jiġu eżaminati kull sena fuq il-bażi tar-rapporti tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(1) u, fejn xieraq, għandhom jiġi riveduti kif meħtieġ fil-qafas tal-evalwazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(4).
5. Fejn applikabbli, pjan ta’ eżerċizzju konġunt għandu jagħti effett lill-punti ta’ riferiment fil-mira msemmija f’dan l-Artikolu.
KAPITOLU III
IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 9
Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi
1. L-Istati Membri konċernati għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.
2. Fejn xieraq, l-Istati Membri l-oħra kollha għandhom jikkooperaw mal-Istati Membri konċernati.
3. L-Istati Membri jistgħu jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.
Artikolu 10
Attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza
1. Sabiex jiżdiedu l-effiċjenza u l-effettività tas-sistemi nazzjonali tal-kontroll tas-sajd tagħhom, l-Istati Membri konċernati għandhom iwettqu spezzjonijiet konġunti u attivitajiet ta’ sorveljanza fl-ilmijiet taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom u, fejn xieraq, fuq it-territorju tagħhom. Fejn applikabbli, dawn l-attivitajiet għandhom jitwettqu fil-qafas ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 768/2005.
2. Għall-fini tal-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza, l-Istati Membri konċernati għandhom:
(a) |
jiżguraw li l-ispetturi mill-Istati Membri konċernati l-oħra jkunu mistiedna sabiex jipparteċipaw fl-attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza; |
(b) |
jistabbilixxu proċeduri operattivi konġunti li jkunu applikabbli għad-dgħajjes ta’ sorveljanza tagħhom; |
(c) |
jinnominaw punti tal-kuntatt kif imsemmi fl-Artikolu 80(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fejn xieraq. |
3. L-uffiċjali u l-ispetturi tal-Unjoni jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet konġunti ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza.
Artikolu 11
Skambju ta’ dejta
1. Għall-fini tal-implimentazzjoni ta’ dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, kull Stat Membru konċernat għandu jiżgura l-iskambju dirett elettroniku ta’ dejta kif imsemmi fl-Artikolu 111 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 u fl-Anness XII tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 mal-Istati Membri l-oħra konċernati u mal-EFCA.
2. Id-dejta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun relatata ma’ attivitajiet tas-sajd u mal-attivitajiet relatati mas-sajd li jsiru fiż-żona(i) koperti b’dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.
Artikolu 12
Informazzjoni
1. Sakemm issir l-implimentazzjoni sħiħa tat-Titolu XII, tal-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, u skont il-format stabbilit fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni, kull Stat Membru konċernat għandu jikkomunika b’mezzi elettroniċi lill-Kummissjoni u lill-EFCA, sal-31 ta’ Jannar wara kull sena kalendarja, l-informazzjoni li ġejja dwar is-sena preċedenti:
(a) |
l-identifikazzjoni, id-data, u t-tip ta’ kull operazzjoni ta’ kontroll u/jew ta’ spezzjoni mwettqa matul is-sena preċedenti; |
(b) |
l-identifikazzjoni ta’ kull bastiment tas-sajd (in-numru tar-reġistru tal-flotta tal-Unjoni), vettura u/jew operatur (l-isem tal-kumpanija) suġġett għal kontroll u/jew għal spezzjoni; |
(c) |
fejn xieraq, it-tip ta’ rkaptu tas-sajd spezzjonat, u; |
(d) |
fil-każ fejn ġie osservat ksur serju wieħed jew aktar:
|
2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata għal kull kontroll u/jew spezzjoni u għandha tkompli tiġi elenkata u aġġornata f’kull rapport sakemm l-azzjoni tiġi konkluża skont il-liġijiet tal-Istat Membru konċernat. Fejn ma tittieħed l-ebda azzjoni wara l-iskoperta ta’ ksur serju, għandha tiġi inkluża spjegazzjoni.
Artikolu 13
Evalwazzjoni
1. Kull Stat Membru konċernat għandu, sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara s-sena kalendarja rilevanti, jibgħat lill-Kummissjoni u lill-EFCA rapport ta’ evalwazzjoni dwar l-effettività tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni mwettqa skont dan il-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni.
2. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu, tal-anqas, jinkludi l-informazzjoni elenkata fl-Anness IV. Fir-rapport ta’ evalwazzjoni tagħhom, l-Istati Membri konċernati jistgħu wkoll jinkludu azzjonijiet oħrajn bħal sessjonijiet ta’ taħriġ jew informazzjoni mfassla biex ikollhom impatt fuq il-konformità min-naħa ta’ bastimenti tas-sajd jew operaturi oħrajn.
3. Għall-valutazzjoni annwali tagħha tal-effettività ta’ pjanijiet ta’ eżerċizzju konġunti msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 768/2005, l-EFCA, għandha tqis ir-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
4. Darba fis-sena, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ laqgħa tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura sabiex tiġi evalwata l-konvenjenza, l-adegwatezza u l-effettività tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni u l-impatt globali tiegħu fuq il-konformità mill-bastimenti tas-sajd u minn operaturi oħra, fuq il-bażi tar-rapporti ta’ evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-punti ta’ riferiment fil-mira stabbiliti fl-Anness II jistgħu jiġu riveduti skont dan.
Artikolu 14
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.
(2) ĠU L 348, 24.12.2008, p. 20.
(3) ĠU L 157, 19.6.2007, p. 1.
(4) ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1.
(5) ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.
(6) ĠU L 286, 29.10.2008, p. 1.
ANNESS I
PROĊEDURI GĦALL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJU
Kull bastiment tas-sajd, grupp ta’ bastimenti tas-sajd, kategorija tal-irkaptu tas-sajd, operatur, u/jew attività relatata mas-sajd, fi stokkijiet differenti u fiż-żona(i) msemmija fl-Artikolu 1, għandhom ikunu suġġetti għal kontroll u spezzjonijiet skont il-livell tal-prijorità attribwit. Il-livell ta’ prijorità għandu jingħata skont ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju mwettqa minn kull Stat Membru konċernat, jew minn kwalunkwe Stat Membru ieħor għall-finijiet biss tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(4), fuq il-bażi tal-proċedura li ġejja:
Deskrizzjoni tar-riskju [skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli] |
Indikatur [skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli] |
Fażi fil-katina tas-sajd/tal-kummerċjalizzazzjoni (Meta u fejn jidher ir-riskju) |
Punti li għandhom jitqiesu [skont ir-riskju/is-sajd/iż-żona u d-dejta disponibbli] |
Okkorrenza fis-sajd (*) |
Konsegwenza(i) potenzjali (*) |
Livell tar-riskju (*) |
[Nota: ir-riskji identifikati mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mal-objettivi definiti fl-Artikolu 3] |
|
|
Livelli ta’ qabdiet/ħatt l-art distribwiti skont il-bastimenti tas-sajd, l-istokkijiet, u l-irkapti, Disponibbiltà tal-kwota għall-bastimenti tas-sajd, distribwiti skont il-bastimenti tas-sajd, l-istokkijiet u l-irkapti, Użu ta’ kaxex standardizzati; Livell u varjazzjoni fil-prezzijiet tas-suq għall-prodotti tas-sajd li nħattu l-art (l-ewwel bejgħ), L-għadd ta’ spezzjonijiet imwettqa preċedentement u l-għadd ta’ ksur osservat għall-bastiment tas-sajd u/jew għal operatur ieħor ikkonċernat, Sfond, u/jew periklu potenzjali, ta’ frodi b’rabta mal-port/mal-lok/maż-żona u mal-mestier. Kwalunkwe informazzjoni jew sejbien importanti rilevanti oħra. |
Frekwenti/Medju/Rari jkun hemm każijiet/jew Mhux sinifikanti |
Serju/Sinifikanti/Aċċettabbli/jew Marġinali |
Baxx ħafna/baxx/medju/għoli/jew għoli ħafna |
Nota: Għandhom jiġu vvalutati mill-Istati Membri. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tqis, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-passat u bl-użu tal-informazzjoni kollha disponibbli, sa fejn huwa probabbli li jseħħ nuqqas ta’ konformità u, li kieku dan kellu jiġri, il-konsegwenza potenzjali.
ANNESS II
PUNTI TA’ RIFERIMENT FIL-MIRA
1. Livell ta’ spezzjonijiet fuq il-baħar (inkluż sorveljanza mill-ajru, fejn applikabbli)
Fuq bażi annwali, il-punti ta’ riferiment fil-mira li ġejjin (1) għandhom jintlaħqu għal spezzjonijiet fuq il-baħar tal-bastimenti tas-sajd impenjati fis-sajd tal-merluzz, il-barbun tat-tbajja’ u l-lingwata fiż-żona, fil-każ li l-ispezzjonijiet fuq il-baħar huma rilevanti b’rabta mal-fażi fil-katina tas-sajd u sakemm jiffurmaw parti mill-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju:
Punti ta’ riferiment kull sena (*) |
Livell ta’ riskju stmat għal bastimenti tas-sajd skont l-Artikolu 5(2) |
|
għoli |
għoli ħafna |
|
Sajd |
Spezzjoni fuq il-baħar ta’ mill-inqas 2,5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli” li għandhom fil-mira s-sajd konċernat |
Spezzjoni fuq il-baħar ta’ mill-inqas 5 % tal-vjaġġi tas-sajd minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli ħafna” li għandhom fil-mira s-sajd konċernat |
2. Livell ta’ spezzjonijiet fuq l-art (inklużi kontrolli u spezzjonijiet iddokumentati fil-portijiet jew mal-ewwel bejgħ)
Fuq bażi annwali, il-punti ta’ riferiment fil-mira li ġejjin (2) għandhom jintlaħqu għal spezzjonijiet fuq l-art (inkluż kontrolli u spezzjonijiet iddokumentati fil-portijiet jew mal-ewwel bejgħ) ta’ bastimenti tas-sajd u ta’ operaturi oħra involuti fis-sajd tal-merluzz, tal-barbun tat-tbajja’ u tal-lingwata fiż-żona, fil-każ li l-ispezzjonijiet fuq l-art huma rilevanti b’rabta mal-fażi fil-katina tas-sajd/tat-tqegħid fis-suq u huma parti tal-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju.
Punti ta’ riferiment kull sena (**) |
Livell ta’ riskju għal bastimenti tas-sajd u/jew għal operaturi oħra (l-ewwel xerrej) |
|
għoli |
għoli ħafna |
|
Sajd |
Spezzjoni fil-port ta’ mill-inqas 10 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli” |
Spezzjoni fil-port ta’ mill-inqas 15 % tal-kwantitajiet totali li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’livell ta’ riskju “għoli ħafna” |
B’mod partikolari, spezzjonijiet li jsiru wara l-ħatt l-art jew wara t-trasbord għandhom jintużaw bħala mekkaniżmu ta’ kontroverifika komplementari biex tiġi vverifikata l-affidabbiltà tal-informazzjoni rreġistrata u rrappurtata għall-qabdiet u għall-ħatt l-art.
(1) Għall-bastimenti li jdumu inqas minn 24 siegħa fuq il-baħar għal kull vjaġġ tas-sajd, u skont l-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju, il-punti ta’ riferiment fil-mira jistgħu jitnaqqsu bin-nofs.
(*) espress f’% ta’ vjaġġi tas-sajd fiż-żona skont ir-riskju għoli/għoli ħafna/fis-sena
(2) Għall-bastimenti li jħottu l-art inqas minn 10 tunnellati f’kull azzjoni tal-ħatt l-art, u skont l-istrateġija tal-ġestjoni tar-riskju, il-punti ta’ riferiment fil-mira jistgħu jitnaqqsu bin-nofs.
(**) espress f’% tal-kwantitajiet li jinħattu l-art minn bastimenti tas-sajd b’riskju għoli/għoli ħafna/fis-sena
ANNESS III
INFORMAZZJONI PERJODIKA DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PROGRAMM SPEĊIFIKU TA’ KONTROLL U SPEZZJONI
Format għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skont l-Artikolu 12 għal kull spezzjoni li għandha tiġi inkluża fir-rapport:
Isem |
Kodiċi |
Deskrizzjoni u kontenut |
Identifikazzjoni ta’ spezzjoni |
II |
Kodiċi ISO alfa2 tal-pajjiż + 9 numri, eż. DK201200000 |
Data ta’ spezzjoni |
DA |
SSSS-XX-JJ |
Tip ta’ spezzjoni jew kontroll |
IT |
Il-baħar, ix-xatt, it-trasport, id-dokument (indika) |
Identifikazzjoni ta’ kull bastiment tas-sajd, vettura jew operatur |
ID |
In-numru tar-reġistru tal-flotta tal-Unjoni tal-bastiment tas-sajd, l-identifikazzjoni tal-vettura, u/jew l-isem tal-kumpanija tal-operatur. |
Tip ta’ rkaptu tas-sajd |
GE |
Il-kodiċi tal-irkaptu skont il-Klassifikazzjoni Statistika Standard Internazzjonali tal-Irkaptu tas-Sajd |
Ksur serju |
SI |
I = iva, L = le |
Tip ta’ ksur serju osservat |
TS |
Indika t-tip ta’ ksur serju osservat, b’riferenza għan-numru (kolonna tax-xellug) fl-Anness XXX tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. Barra minn hekk, il-ksur serju msemmi fl-Artikolu 90(1)(a), (b) u (c) tar-Regolament ta’ Kontroll għandu jiġi identifikat rispettivament bin-numri “13”, “14” u “15”. |
Qagħda attwali tas-segwitu |
FU |
Indika l-qagħda attwali: PENDENTI, APPELL jew MAGĦLUQ |
Multa |
SF |
Multa f’EUR, pereżempju 500 |
Konfiska |
SC |
QABDA/IRKAPTU għal konfiska fiżika. L-ammont sekwestrat fil-każ tal-valur tal-qabda/irkaptu f’EUR, pereżempju 10 000 |
Oħrajn |
SO |
Fil-każ tal-irtirar tal-liċenzja/tal-awtorizzazzjoni, indika LI jew AU + l-għadd ta’ jiem, pereżempju AU30 |
Punti |
SP |
Għadd ta’ punti assenjati, pereżempju 12 |
Rimarki |
RM |
F’każ ta’ ebda azzjoni meħuda wara l-iskoperta ta’ ksur serju, spjegazzjoni għaliex fil-forma ta’ test liberu. |
ANNESS IV
KONTENUT TAR-RAPPORTI TA’ EVALWAZZJONI
Ir-rapporti ta’ evalwazzjoni għandhom mill-inqas jinkludu l-informazzjoni li ġejja:
I. Analiżi ġenerali tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru konċernat)
— |
Deskrizzjoni tar-riskji identifikati mill-Istat Membru konċernat u kontenut dettaljat tal-istrateġija tiegħu tal-ġestjoni tar-riskju, inkluża deskrizzjoni tal-proċess ta’ eżami u ta’ reviżjoni. |
— |
Tqabbil tat-tip ta’ għodod ta’ kontroll u spezzjoni użati u l-għadd ta’ mezzi ta’ spezzjoni impenjati/l-għadd ta’ mezzi pprovduti fl-eżekuzzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni, inklużi t-tul u l-oqsma ta’ eżerċizzju; |
— |
Tqabbil tat-tip ta’ għodod ta’ kontroll u spezzjoni użati u l-għadd ta’ attivitajiet ta’ kontroll u ta’ spezzjonijiet imwettqa (imla fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta skont l-Anness III)/l-għadd ta’ ksur serju osservat u, fejn possibbli, analiżi dwar ir-raġunijiet li wasslu għal dan il-ksur, |
— |
Sanzjonijiet imposti għal ksur serju (imla fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta skont l-Anness III). |
— |
Analiżi ta’ azzjonijiet oħra (separatament minn dawk ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar, eżempju sessjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ informazzjoni) maħsuba biex ikollhom impatt fuq il-konformità min-naħa ta’ bastimenti tas-sajd u/jew minn operaturi oħra [EŻEMPJU: l-għadd ta’ titjib fl-irkaptu selettiv użat, l-għadd ta’ kampjuni ta’ merluzz/ta’ ħut żgħir eċċ.] |
II. Analiżi dettaljata tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru konċernat)
1. |
Analiżi ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni fuq il-baħar (inkluż sorveljanza mill-ajru, fejn xieraq), b’mod partikolari:
|
2. |
Analiżi ta’ attivitajiet ta’ spezzjoni fuq l-art (inkluż kontrolli u spezzjonijiet iddokumentati fil-portijiet jew mal-ewwel bejgħ, jew trasbordi), b’mod partikolari:
|
3. |
Analiżi tal-punti ta’ riferiment fil-mira espressi f’termini ta’ livelli ta’ konformità (fejn applikabbli), b’mod partikolari:
|
4. |
Analiżi ta’ attivitajiet oħra ta’ spezzjoni u kontroll: trasbord, sorveljanza mill-ajru, importazzjoni/esportazzjoni, eċċ., kif ukoll azzjonijiet oħra bħal sessjonijiet ta’ taħriġ jew ta’ informazzjoni maħsuba biex ikollhom impatt fuq il-konformità min-naħa ta’ bastimenti tas-sajd u minn operaturi oħra |
III. Proposta/i sabiex titjieb l-effettività tal-attivitajiet imwettqa ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar (għal kull Stat Membru konċernat)