Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1222

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1222/2012 tal- 14 ta’ Diċembru 2012 li jidderoga mir-Regolamenti (KE) Nru 2305/2003, (KE) Nru 969/2006, (KE) Nru 1067/2008, (KE) Nru 1964/2006, mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 480/2012, mir-Regolamenti (KE) Nru 828/2009 u (KE) Nru 1918/2006, fir-rigward tad-dati għat-tressiq tal-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-liċenzji ta’ importazzjoni fl-2013 skont il-kwoti tariffarji għaċ-ċereali, ir-ross, iz-zokkor u ż-żejt taż-żebbuġa, li jidderoga mir-Regolamenti (KE) Nru 951/2006, (KE) Nru 1518/2003, (KE) Nru 382/2008, (UE) Nru 1178/2010 u (UE) Nru 90/2011 fir-rigward tad-dati tal-ħruġ tal-liċenzji ta’ esportazzjoni fl-2013 fl-oqsma taz-zokkor u tal-isoglukożju li jaqbżu l-kwota, tal-laħam tal-majjal, tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, tal-bajd u tal-laħam tat-tjur u li jidderoga mir-Regolament (UE) Nru 1272/2009 dwar il-perjodu għall-eżami tal-offerti għax-xiri tal-qamħ komuni bi prezz fiss fil-qafas tal-intervent pubbliku

    ĠU L 349, 19.12.2012, p. 35–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/01/2014

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/1222/oj

    19.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 349/35


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1222/2012

    tal-14 ta’ Diċembru 2012

    li jidderoga mir-Regolamenti (KE) Nru 2305/2003, (KE) Nru 969/2006, (KE) Nru 1067/2008, (KE) Nru 1964/2006, mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 480/2012, mir-Regolamenti (KE) Nru 828/2009 u (KE) Nru 1918/2006, fir-rigward tad-dati għat-tressiq tal-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-liċenzji ta’ importazzjoni fl-2013 skont il-kwoti tariffarji għaċ-ċereali, ir-ross, iz-zokkor u ż-żejt taż-żebbuġa, li jidderoga mir-Regolamenti (KE) Nru 951/2006, (KE) Nru 1518/2003, (KE) Nru 382/2008, (UE) Nru 1178/2010 u (UE) Nru 90/2011 fir-rigward tad-dati tal-ħruġ tal-liċenzji ta’ esportazzjoni fl-2013 fl-oqsma taz-zokkor u tal-isoglukożju li jaqbżu l-kwota, tal-laħam tal-majjal, tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, tal-bajd u tal-laħam tat-tjur u li jidderoga mir-Regolament (UE) Nru 1272/2009 dwar il-perjodu għall-eżami tal-offerti għax-xiri tal-qamħ komuni bi prezz fiss fil-qafas tal-intervent pubbliku

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1095/96 tat-18 ta' Ġunju 1996, dwar l-implimentazzjoni tal-konċessjonijiet dikjarati fl-iskeda CXL imfassla bħala riżultat tal-konklużjoni tan-negozjati tal-FĠKT (GATT) XXIV.6 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 43(aa), 61, 144(1), 148, 156 u 161(3), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehim li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 tat-22 ta’ Lulju 2008 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati mill-1 ta’ Jannar 2009 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97 u (KE) Nru 1933/2006, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1100/2006 u (KE) Nru 964/2007 (4), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(7) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2305/2003 tad-29 ta' Diċembru 2003 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffali għall-importazzjoni ta' xgħir minn pajjiżi terzi (5), (KE) Nru 969/2006 tad-29 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi kwota tariffarja Komunitarja u mod għall-ġestjoni tagħha għall-importazzjoni tal-qamħirrum minn pajjiżi terzi (6) u (KE) Nru 1067/2008 tat-30 ta' Ottubru 2008 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffari Komunitarji għal qamħ komuni ta’ kwalità differenti minn dik superjuri oriġinanti minn pajjiżi terzi u li tidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (7) jipprevedu dispożizzjonijiet speċifiċi għat-tressiq tal-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-liċenzji ta' importazzjoni għax-xgħir skont il-kwota 09.4126, għall-qamħirrun skont il-kwota 09.4131 u għall-qamħ komuni ta’ kwalità differenti minn dik superjuri skont il-kwoti 09.4123, 09.4124, 09.4125 u 09.4133.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1964/2006 tat-22 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-ftuħ u l-amministrazzjoni ta' kwota għall-importazzjoni ta’ ross li joriġina mill-Bangladexx, b’applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3491/90 (8), u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 480/2012 tas-7 ta' Ġunju 2012 li jiftaħ u jipprovdi għat-tmexxija ta’ kwota ta’ tariffa għal ross miksur (broken rice) ta’ kodiċi NK 1006 40 00 għal produzzjoni ta’ tħejjijiet tal-ikel ta’ kodiċi NM 1901 10 00 (9), jipprevedu dispożizzjonijiet speċifiċi għat-tressiq tal-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-liċenzji ta' importazzjoni għar-ross li joriġina mill-Bangladexx skont il-kwota 09.4517 u għar-ross miksur skont il-kwota 09.4079.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 828/2009 tal-10 ta' Settembru 2009 li jistipula r-regoli ddettaljati ta’ applikazzjoni għas-snin tas-suq 2009/2010 sal-2014/2015 għall-importazzjoni u r-raffinar tal-prodotti taz-zokkor li jinsabu taħt l-intestatura tariffarja 1701 taħt ftehimiet preferenzjali (10) jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi għall-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-liċenzji ta' importazzjoni skont il-kwoti 09.4221, 09.4231, 09.4241 sa 09.4247.

    (4)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1918/2006 tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tariffarja għaż-żejt taż-żebbuġa li joriġina mit-Tuneżija (11) jipprevedi dispożizzjonijiet speċifiċi għat-tressiq tal-applikazzjonijiet u l-ħruġ tal-liċenzji ta' importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa skont il-kwota 09.4032.

    (5)

    Meta wieħed iqis il-btajjel tas-sena 2013, jeħtieġ li għal ċerti perjodi tingħata deroga mir-Regolamenti (KE) Nru 2305/2003, (KE) Nru 969/2006, (KE) Nru 1067/2008, (KE) Nru 1964/2006, u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 480/2012, u mir-Regolamenti (KE) Nru 828/2009 u (KE) Nru 1918/2006 f'dak li jirrigwarda d-dati għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji ta' importazzjoni u l-ħruġ ta' dawn il-liċenzji, biex ikun jista' jiġi żgurat ir-rispett tal-volumi tal-kwoti kkonċernati.

    (6)

    L-Artikolu 7d(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 951/2006 tat-30 ta' Ġunju 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 dwar il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi fis-settur taz-zokkor (12), jipprovdi li l-liċenzji tal-esportazzjoni taz-zokkor u l-isoglukożju barra mill-kwota jinħarġu mill-Ġimgħa ta' wara l-ġimgħa li matulha jkunu tressqu l-applikazzjonijiet għal-liċenzji, sakemm ma tkun ittieħdet l-ebda miżura partikolari matul dan il-perjodu mill-Kummissjoni.

    (7)

    L-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1518/2003 tat-28 ta’ Awwissu 2003 iniżżel ir-regoli dettaljati biex jimplimenta s-sistema tal-liċenzi ta' esportazzjoni fis-settur tal-laħam tal-majjal (13), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 382/2008 tal-21 ta’ April 2008 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni għal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella (14), l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1178/2010 tat-13 ta’ Diċembru 2010 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-liċenzi tal-esportazzjoni fis-settur tal-bajd (15) u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 90/2011 tat-3 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-liċenzi tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (16) jipprovdu li l-liċenzji tal-esportazzjoni jinħarġu l-Erbgħa ta’ wara l-ġimgħa li matulha jkunu tressqu l-applikazzjonijiet għal-liċenzji, sakemm ma tkun ittieħdet l-ebda miżura partikolari matul dan il-perjodu mill-Kummissjoni.

    (8)

    Meta wieħed iqis il-btajjel tas-sena 2013, u l-effetti fuq il-pubblikazzjoni ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jidher li l-perjodu minn meta jitressqu l-applikazzjonijiet sal-jum meta jinħarġu l-liċenzji huwa qasir wisq biex tkun żgurata ġestjoni tajba tas-suq. Għalhekk jeħtieġ li dan il-perjodu jiġi estiż.

    (9)

    Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1272/2009 tal-11 ta' Diċembru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 f'dak li għandu x'jaqsam max-xiri u l-bejgħ ta' prodotti agrikoli taħt intervent pubbliku (17) il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien jumejn ta' xogħol wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi Regolament u fi żmien ħamest ijiem ta' xogħol wara l-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 13(3) tal-imsemmi Regolament.

    (10)

    Meta wieħed iqis il-btajjel tas-sena 2013, u l-effetti fuq il-pubblikazzjoni ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-perjodu mogħti għall-eżami tal-offerti huwa qasir wisq biex tkun żgurata ġestjoni tajba tas-suq. Għalhekk jeħtieġ li dan jiġi estiż.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ċereali

    1.   B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 2305/2003, għas-sena 2013, ma jistgħux jitressqu aktar applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni tax-xgħir skont il-kwota 09.4126, wara l-Ġimgħa 13 ta' Diċembru 2013, fis-13.00, ħin ta' Brussell.

    2.   B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 969/2006, għas-sena 2013, ma jistgħux jitressqu aktar applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni tal-qamħirrun skont il-kwota 09.4131 wara l-Ġimgħa 13 ta' Diċembru 2013, fis-13:00, ħin ta' Brussell.

    3.   B’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1067/2008, għas-sena 2013, ma jistgħux jitressqu aktar applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni ta’ qamħ komuni ta’ kwalità differenti minn dik superjuri skont il-kwoti 09.4123, 09.4124, 09.4125 u 09.4133 wara l-Ġimgħa 13 ta' Diċembru 2013, fis-13.00, ħin ta' Brussell.

    Artikolu 2

    Ross

    1.   B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 1964/2006, għas-sena 2013, ma jistgħux jitressqu aktar applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni tar-ross li joriġina mill-Bangladexx skont il-kwota 09.4517 wara l-Ġimgħa 6 ta' Diċembru 2013, fis-13:00, ħin ta' Brussell.

    2.   B'deroga mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 480/2012, għas-sena 2013, ma jistgħux jitressqu aktar applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni tar-ross miksur fil-qafas tal-kwota 09.4079 wara l-Ġimgħa 6 ta' Diċembru 2013, fis-13:00, ħin ta' Brussell.

    Artikolu 3

    Zokkor

    B'deroga mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 828/2009, ma jistgħux jitressqu aktar applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni tal-prodotti tas-settur taz-zokkor skont il-kwoti 09.4221, 09.4231, 09.4241 sa 09.4247 wara l-Ġimgħa 13 ta' Diċembru 2013, fis-13:00, ħin ta' Brussell, u sal-Ġimgħa 27 ta' Diċembru 2013 fis-13:00, ħin ta' Brussell.

    Artikolu 4

    Żejt taż-żebbuġa

    B'deroga mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1918/2006, il-liċenzji tal-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet matul il-perjodi msemmija fl-Anness I ta' dan ir-Regolament, jingħataw fid-dati korrispondenti li jidhru hawnhekk, soġġetti għall-miżuri adottati skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (18).

    Artikolu 5

    Zokkor u isoglukożju li jaqbżu l-kwota

    B'deroga mill-Artikolu 7d(1) tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, il-liċenzji tal-esportazzjoni taz-zokkor u l-isoglukożju li jaqbżu l-kwota u li għalihom tressqu l-applikazzjonijiet matul il-perjodi msemmija fl-Anness II ta' dan ir-Regolament, jinħarġu fid-dati korrispondenti li jidhru hawnhekk, filwaqt li, fejn applikabbli, jitqiesu l-miżuri speċifiċi msemmija fl-Artikolu 9(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 951/2006, li jkunu ttieħdu qabel dawk id-dati tal-ħruġ.

    Artikolu 6

    Ċertifikati tal-esportazzjoni b'rifużjonijiet għas-setturi tal-laħam tal-majjal u l-laħam taċ-ċanga u l-vitella, tal-bajd u tal-laħam tat-tjur

    B’deroga mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1518/2003, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 382/2008, mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 1178/2010 u mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 90/2011, il-liċenzji tal-esportazzjoni li għalihom tressqu applikazzjonijiet matul il-perjodi msemmija fl-Anness III ta' dan ir-Regolament għandhom jinħarġu fid-dati korrispondenti speċifikati hemmhekk, filwaqt li jitqiesu, jekk applikabbli, il-miżuri speċifiċi msemmija fl-Artikolu 3(4) u (4a) tar-Regolament (KE) Nru 1518/2003, fl-Artikolu 12(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 382/2008, fl-Artikolu 3(4) u (5), tar-Regolament (UE) Nru 1178/2010 u fl-Artikolu 3(4) u (5), tar-Regolament (UE) Nru 90/2011, li jkunu ttieħdu qabel dawk id-dati tal-ħruġ.

    Artikolu 7

    Offerti għax-xiri ta' qamħ komuni bi press fiss skont l-intervent pubbliku

    B'deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009, għall-offerti tal-qamħ komuni, innotifikati matul il-perjodi msemmija fl-Anness IV ta' dan ir-Regolament, il-perjodu li fih il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni wara n-notifika msemmija fl-Artikolu 13(2), il-punt (b) u fl-Artikolu 13(3) tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009, jiskadi fid-data li tidher f'dak l-Anness.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan jiskadi fl-10 ta' Jannar 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

    José Manuel SILVA RODRÍGUEZ

    Direttur Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


    (1)  ĠU L 146, 20.6.1996, p. 1.

    (2)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

    (3)  ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1.

    (4)  ĠU L 211, 6.8.2008, p. 1.

    (5)  ĠU L 342, 30.12.2003, p. 7.

    (6)  ĠU L 176, 30.6.2006, p. 44.

    (7)  ĠU L 290, 31.10.2008, p. 3.

    (8)  ĠU L 408, 30.12.2006, p. 19.

    (9)  ĠU L 148, 8.6.2012, p. 1.

    (10)  ĠU L 240, 11.9.2009, p. 14.

    (11)  ĠU L 365, 21.12.2006, p. 84.

    (12)  ĠU L 178, 1.7.2006, p. 24.

    (13)  ĠU L 217, 29.8.2003, p. 35.

    (14)  ĠU L 115, 29.4.2008, p. 10.

    (15)  ĠU L 328, 14.12.2010, p. 1.

    (16)  ĠU L 30, 4.2.2011, p. 1.

    (17)  ĠU L 349, 29.12.2009, p. 1.

    (18)  ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13.


    ANNESS I

    Perjodi ta’ tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa

    Dati tal-ħruġ

    It-Tnejn 25 jew it-Tlieta 26 ta' Marzu 2013

    Il-Ġimgħa 5 ta' April 2013

    It-Tnejn 6 jew it-Tlieta 7 ta' Mejju 2013

    Il-Ħamis 16 ta' Mejju 2013

    It-Tnejn 13 jew it-Tlieta 14 ta' Mejju 2013

    L-Erbgħa 22 ta' Mejju 2013

    It-Tnejn 12 jew it-Tlieta 13 ta' Awwissu 2013

    L-Erbgħa 21 ta' Awwissu 2013

    It-Tnejn 28 jew it-Tlieta 29 ta' Ottubru 2013

    L-Erbgħa 6 ta' Novembru 2013


    ANNESS II

    Perjodi ta’ tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni taz-zokkor u tal-isoglukożju li jaqbżu l-kwota

    Dati tal-ħruġ

    Mit-Tnejn 18 sal-Ġimgħa 22 ta' Marzu 2013

    Il-Ħamis 4 ta' April 2013

    Mit-Tnejn 22 sal-Ġimgħa 26 ta' April 2013

    It-Tnejn 6 ta' Mejju 2013

    Mit-Tnejn 5 sal-Ġimgħa 9 ta' Awwissu 2013

    It-Tnejn 19 ta' Awwissu 2013

    Mit-Tnejn 16 sal-Ġimgħa 27 ta' Diċembru 2013

    L-Erbgħa 8 ta' Jannar 2014


    ANNESS III

    Perjodi ta’ tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-esportazzjoni fis-setturi tal-laħam tal-majjal, tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella, tal-bajd u tal-laħam tat-tjur

    Dati tal-ħruġ

    Mit-Tnejn 25 sal-Ġimgħa 29 ta' Marzu 2013

    Il-Ħamis 4 ta' April 2013

    Mit-Tnejn 22 sal-Ġimgħa 26 ta' April 2013

    Il-Ħamis 2 ta' Mejju 2013

    Mit-Tnejn 13 sal-Ġimgħa 17 ta' Mejju 2013

    Il-Ħamis 23 ta' Mejju 2013

    Mit-Tnejn 16 sal-Ġimgħa 27 ta' Diċembru 2013

    L-Erbgħa 8 ta' Jannar 2014


    ANNESS IV

    Data tan-notifika b'rabta mal-offerti tal-qamħ komuni, imsemmija fl-Artikolu 13(2), il-punt b tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009

    Perjodu tan-notifika b'rabta mal-offerti tal-qamħ komuni, imsemmija fl-Artikolu 13(3), tar-Regolament (UE) Nru 1272/2009

    Tmiem il-perjodu li fih il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-offerti tal-qamħ komuni wara dawk in-notifiki

    L-Erbgħa 27 ta' Marzu 2013

    Mit-Tnejn 25 ta' Marzu sat-Tnejn l-1 ta' April 2013

    Il-Ħamis l-4 ta' April 2013

    L-Erbgħa 8 ta' Mejju 2013

    Mit-Tnejn 6 sal-Ġimgħa 10 ta' Mejju 2013

    L-Erbgħa 15 ta' Mejju 2013

    L-Erbgħa 18 ta' Diċembru 2013

    L-Erbgħa 25 ta' Diċembru 2013

    L-Erbgħa l-1 ta' Jannar 2014

    Mill-Erbgħa 18 ta' Diċembru 2013 sal-Ġimgħa 3 ta' Jannar 2014

    L-Erbgħa 8 ta' Jannar 2014


    Top