EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0646

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 646/2012 tas- 16 ta’ Lulju 2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar multi u ħlasijiet penali perjodiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 187, 17.7.2012, p. 29–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2012/646/oj

17.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/29


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 646/2012

tas-16 ta’ Lulju 2012

li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar multi u ħlasijiet penali perjodiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 għandu l-għan li jistabbilixxi u jżomm livell għoli u uniformi ta' sikurezza fl-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa. Dak ir-Regolament jipprovdi l-mezzi sabiex jintlaħaq dak il-għan u għanijiet oħrajn fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili.

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (‘l-Aġenzija’) hija responsabbli biex tiċċertifika ċerti prodotti, persuni u impriżi. F’dawk l-oqsma li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, l-Aġenzija trid tiżgura li dawk il-prodotti, dawk il-persuni u dawk l-impriżi jkunu konformi mar-rekwiżiti applikabbli, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu.

(3)

F’każijiet fejn nuqqasijiet potenzjali identifikati ma jiġux solvuti b’mod adegwat waqt il-proċess eżistenti ta’ sorveljanza, l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex, fuq talba tal-Aġenzija, timponi multi jew ħlasijiet penali perjodiċi fuq id-detenturi taċ-ċertifikati maħruġa mill-Aġenzija fir-rigward ta' ksur intenzjonat jew bi traskuraġni ta’ kwalunkwe wieħed mill-obbligi stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew fir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu.

(4)

Permezz tal-introduzzjoni ta’ multi u ta’ ħlasijiet penali perjodiċi, il-Kummissjoni għandu jkollha għodda supplimentari, li permezz tagħha tkun tista’ tagħti risposta iktar sottili, flessibbli u gradwata għal ksur tar-regoli, meta pparagunata mal-irtirar ta’ ċertifikat li tkun ħarġet l-Aġenzija.

(5)

Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar proċeduri, inkjesti, miżuri assoċjati u rappurtar mill-Aġenzija kif ukoll regoli ta’ proċedura għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kwantifikazzjoni u l-ġbir tal-multi u tal-ħlasijiet penali perjodiċi. Jeħtieġ ukoll li jiġu stabbiliti kriterji dettaljati biex ikun stabbilit l-ammont tal-multi jew tal-ħlasijiet penali perjodiċi.

(6)

Dawn ir-regoli u dawn il-proċeduri għandhom ikunu ggwidati mill-ħtieġa li jkunu żgurati l-ogħla standards possibbli ta’ sikurezza u ta’ protezzjoni ambjentali; mill-ħtieġa li jitħeġġeġ it-twettiq effettiv tal-fażijiet tal-inkjesta u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet kif ukoll mill-ħtieġa li jkun ggarantit li jkun hemm ġustizzja u trasparenza tal-proċeduri u fl-impożizzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet penali perjodiċi.

(7)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jistgħu jiġu infurzati b’mod effikaċi biss f’qafas ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenzija. Għal dak il-għan, jeħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti għall-konsultazzjoni u għall-kooperazzjoni ta’ bejniethom sabiex ikun żgurat li l-inkjesta u l-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-allegati ksur jitwettqu b'mod effikaċi.

(8)

Huwa xieraq li, għall-iskopijiet li tinbeda u titmexxa l-proċedura għal nuqqas ta’ konformità u għall-kwantifikazzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet penali perjodiċi, il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom iqisu proċeduri oħrajn kontra l-istess detentur taċ-ċertifikat li jkunu nbdew jew li jkunu ġew konklużi minn Stat Membru jew minn pajjiżi terzi.

(9)

Il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom iqisu wkoll kwalunkwe proċedura pendenti li tkun inbdiet jew kwalunkwe deċiżjoni li tkun ittieħdet mill-Aġenzija dwar emendi fiċ-ċertifikat rilevanti skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew dwar il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tiegħu.

(10)

Mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li ma tippermettix l-użu ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza bi skop li tingaħta l-ħtija jew responsabbiltà, b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2012 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (2) u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2003 dwar rapporti ta' okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili (3), kwalunkwe setgħa ta’ sorveljanza mogħtija mil-liġi tal-Unjoni lill-Kummissjoni jew lill-Aġenzija fir-rigward taċ-ċertifikati maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tista’ tintuża matul l-investigazzjoni jew matul l-istadji tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fi proċedura għal nuqqas ta’ konformità bħal din. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi jew ħlasijiet penali perjodiċi għandha tkun ibbażata fuq l-inkjesta tal-Aġenzija, fuq l-osservazzjonijiet tad-detentur taċ-ċertifikat soġġett għall-proċedura għal nuqqas ta’ konformità, u meta jkun xieraq, fuq informazzjoni oħra mressqa quddiem l-Aġenzija u l-Kummissjoni.

(11)

Huwa xieraq li d-detenturi taċ-ċertifikati jingħataw l-opportunità, f'limitu ta’ żmien speċifikat, biex b’mod volontarju jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u mar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, f’liema każ il-Kummissjoni ma għandha timponi l-ebda multa jew l-ebda ħlas penali perjodiku. Madankollu, din il-possibbiltà li tintwera konformità volontarja għandha tkun limitata fiż-żmien.

(12)

Id-deċiżjonijiet li jimponu multi u ħlasijiet penali perjodiċi għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq raġunijiet li d-detentur taċ-ċertifikat ikkonċernat seta’ jikkummenta dwarhom.

(13)

Il-multi u l-ħlasijiet penali perjodiċi imposti għandhom ikunu effikaċi, proporzjonati u dissważivi, billi jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-każ speċifiku.

(14)

Jidher li huwa xieraq li jkun hemm proċedura speċifika f’każijiet fejn il-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li timponi ħlasijiet penali perjodiċi minħabba li detentur ta’ ċertifikat soġġett għal proċedura għal nuqqas ta’ konformità jkun naqas milli jikkoopera mal-Kummissjoni jew mal-Aġenzija dwar miżuri ta’ inkjesta jew dwar talbiet oħrajn għal informazzjoni.

(15)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari f'dak li jirrigwarda d-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Sabiex tkun żgurata ċ-ċertezza legali fit-twettiq tal-proċedura għal nuqqas ta’ konformità, jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati biex jiġu kkalkolati l-limiti ta’ żmien u l-perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni u għall-infurzar ta' multi u ta' ħlasijiet penali perjodiċi.

(17)

Id-deċiżjonijiet li jimponu multi u ħlasijiet penali perjodiċi għandhom ikunu jistgħu jiġu infurzati skont l-Artikolu 299 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għandhom ikunu soġġetti għal eżami min-naħa tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(18)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 65(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 li jirrigwardaw il-kriterji li permezz tagħhom jiġu stabbiliti l-ammont tal-multa jew tal-ħlas penali perjodiku, il-proċeduri għal inkjesti, il-miżuri assoċjati u r-rappurtar kif ukoll regoli proċedurali għat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tad-difiża, l-aċċess għall-fajl, ir-rappreżentanza legali, il-kunfidenzjalità u dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni kif ukoll il-kwantifikazzjoni u l-ġbir ta’ multi u ta’ ħlasijiet penali perjodiċi.

2.   Dan ir-Regolament japplika għall-impożizzjoni ta’:

(a)

multi fuq persuni u fuq impriżi li l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (‘l-Aġenzija’) tkun ħarġitilhom ċertifikat (‘detentur taċ-ċertifikat’) meta, bi ħsieb jew bi traskuraġni, ikunu nkisru d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew ir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu u meta jkunu involuti l-interessi tal-Unjoni;

(b)

ħlasijiet penali perjodiċi fuq id-detenturi ta' ċertifikat imsemmija fil-punt (a) sabiex ikunu mġiegħela jikkonformaw mar-Regolament (KE)Nru 216/2008 jew mar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu.

KAPITOLU II

PROĊEDURA GĦAL NUQQAS TA’ KONFORMITÀ

TAQSIMA 1

Inkjesta

Artikolu 2

Il-proċedura għal nuqqas ta’ konformità

1.   Il-proċedura għal nuqqas ta’ konformità stabbilita f’dan il-Kapitolu tkopri l-istadji amministrattivi kollha ta’ investigazzjoni ta' ksur li jista’ jkun hemm tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew tar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu.

2.   L-Aġenzija tista’ tagħti bidu għall-proċedura għal nuqqas ta’ konformità b'inizjattiva tagħha stess jew wara talba mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru.

3.   Meta l-bidu tal-proċedura għal nuqqas ta’ konformità jsir wara talba mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, il-Kummissjoni jew l-Istat Membru jiġu infurmati mill-Aġenzija dwar kif qed tiġi indirizzata t-talba tagħhom.

Artikolu 3

Talbiet għal informazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-bidu u tat-twettiq ta’ proċedura għal nuqqas ta’ konformità, l-Aġenzija tista’ tuża kwalunkwe informazzjoni miksuba fl-eżerċizzju ta’ kwalunkwe setgħa ta’ sorveljanza mogħtija lilha mil-liġi tal-Unjoni fir-rigward taċ-ċertifikati maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008. Dan l-għoti ta’ setgħa huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni li ma tippermettix l-użu ta’ informazzjoni sabiex tingħata ħtija jew responsabbiltà.

2.   Qabel ma tinbeda l-proċedura għal nuqqas ta’ konformità, l-Aġenzija tista’ titlob mingħand id-detentur taċ-ċertifikat ikkonċernat informazzjoni dwar l-allegat ksur.

L-Aġenzija għandha tiddikjara xi jkun l-iskop tat-talba u l-fatt li tkun qed issir skont dan ir-Regolament, u għandha tistipula limitu ta’ żmien għall-għoti tal-informazzjoni.

Artikolu 4

Notifika

1.   L-Aġenzija tibgħat notifika bil-miktub dwar il-bidu ta’ proċedura għal nuqqas ta’ konformità lid-detentur taċ-ċertifikat, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni tal-Istat(i) Membru(i) jew tal-pajjiż jew pajjiżi fejn id-detentur taċ-ċertifikat ikollu s-sede prinċipali tiegħu u fejn ikun seħħ il-ksur kif ukoll, meta jkun xieraq, lill-awtoritajiet ajrunawtiċi ta’ pajjiżi terzi u lil organizzazzjonijiet internazzjonali li jkunu kompetenti fil-kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

2.   In-notifika għandha:

(a)

tistabbilixxi l-allegazzjonijiet kontra d-detentur taċ-ċertifikat, billi tispeċifika d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew tar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu li allegatament jkunu ġew miksura, u l-evidenza li fuqha jkunu ibbażati dawk l-allegazzjonijiet; u

(b)

tinforma lid-detentur taċ-ċertifikat li jistgħu jiġu imposti multa jew ħlas penali perjodiku.

Artikolu 5

Inkjesti

1.   Ladarba jkun ingħata bidu għall-inkjesta, l-Aġenzija tiċċara l-fatti u l-allegazzjonijiet.

2.   L-Aġenzija tista’ titlob lid-detentur taċ-ċertifikat sabiex jipprovdi spjegazzjonijiet, bil-miktub jew bil-fomm, jew dettalji jew dokumenti.

It-talbiet jiġu indirizzati bil-miktub lid-detentur taċ-ċertifikat. L-Aġenzija tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tiffissa limitu ta’ żmien li fih għandha tiġi pprovduta l-informazzjoni, u tinforma lid-detentur taċ-ċertifikat dwar il-ħlasijiet penali perjodiċi stipulati fl-Artikolu 16(1)(a) u (b) minħabba nuqqas ta’ konformità mat-talba jew minħabba li tkun ingħatat informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa.

3.   L-Aġenzija tista’ titlob lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni biex jikkooperaw fl-investigazzjoni u, b’mod partikolari, biex jipprovdu kwalunkwe informazzjoni relatata mal-allegat ksur.

It-talbiet jiddikjaraw il-bażi legali u l-iskop tat-talba u jistabbilixxu limitu ta’ żmien sabiex titressaq ir-risposta jew sabiex titwettaq il-miżura tal-inkjesta.

4.   L-Aġenzija tista’ titlob lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew lill-awtoritajiet ajrunawtiċi ta’ pajjiżi terzi biex jipprovdu informazzjoni relatata mal-allegat ksur.

It-talbiet jiddikjaraw il-bażi legali u l-iskop tat-talba u jistabbilixxu limitu ta’ żmien li fih għandha tingħata l-informazzjoni.

Artikolu 6

Konformità volontarja

1.   Man-notifika tal-bidu tal-proċedura għal nuqqas ta’ konformità jew sussegwentement: l-Aġenzija tiffissa limitu ta’ żmien li fih id-detentur taċ-ċertifikat jista’ jindika bil-miktub li huwa kkonforma b’mod volontarju jew, fejn ikun xieraq, li biħsiebu jikkonform, mad-dispożizzjonijiet miksura. Fil-każ ta’ konformità volontarja min-naħa tad-detentur taċ-ċertifikat qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien iffissat mill-Aġenzija, l-Aġenzija tiddeċiedi li tagħlaq il-proċedura mibdija għal nuqqas ta’ konformità.

L-Aġenzija ma għandhiex tkun obbligata tqis ir-risposti li tirċievi wara li jiskadi dak il-limitu ta’ żmien.

2.   Il-limitu ta’ żmien stipulat fil-paragrafu 1 fl-ebda każ ma għandu jiskadi iktar tard mid-data meta l-Aġenzija tinnotifika d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet skont kif stipulat fl-Artikolu 7.

Artikolu 7

Dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet

1.   Meta l-Aġenzija tkun stabbiliet il-fatti u tkun sabet li jkun hemm raġunijiet biex titkompla l-proċedura għal nuqqas ta' konformità, hija tinnotifika bil-miktub lid-detentur taċ-ċertifikat ikkonċernat bid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet. Id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet għandha tinkludi:

(a)

l-allegazzjonijiet kontra d-detentur taċ-ċertifikat, li jkunu jispeċifikaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew tar-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu li allegatament ikunu nksiru u l-evidenza li fuqha jkunu bbażati dawk l-allegazzjonijiet;

(b)

l-informazzjoni dwar il-possibilità li jiġu imposti multa jew ħlas penali perjodiku.

2.   Meta tinnotifika d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, l-Aġenzija tistieden lid-detentur taċ-ċertifikat biex b'risposta jressaq osservazzjonijiet bil-miktub. Dan tagħmlu bil-miktub, billi tindika limitu ta’ żmien sabiex jitressqu dawk l-osservazzjonijiet.

Artikolu 8

Seduta orali

1.   Fuq talba ta' detentur ta' ċertifikat, l-Aġenzija għandha tagħtih l-opportunità li jiżviluppa l-argumenti tiegħu waqt seduta orali.

2.   Meta jkun meħtieġ, l-Aġenzija tista’ tistieden lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni jew lil kwalunkwe persuna oħra biex tieħu sehem fis-seduta orali.

3.   Is-seduta orali ma tkunx pubblika. Kull persuna tista’ tinstema’ b’mod separat jew fil-preżenza ta’ persuni oħrajn li jkunu ġew mistiedna jattendu, billi jitqies l-interess leġittimu tad-detenturi taċ-ċertifikati u ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra.

Artikolu 9

Limiti ta’ żmien

Bil-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali fit-tmexxija tal-proċedura ta’ inkjesta, l-Aġenzija għandha tistabbilixxi regoli dettaljati biex jiġu ffissati l-limiti ta’ żmien.

Artikolu 10

Rapport

1.   L-Aġenzija tipprovdi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lid-detentur taċ-ċertifikat b’rapport li jiġbor fil-qosor is-sejbiet tagħha fid-dawl tal-inkjesta mwettqa skont din it-Taqsima. L-Aġenzija tressaq ukoll quddiem il-Kummissjoni l-fajl soġġett għall-inkjesta.

2.   Meta r-rapport tal-Aġenzija jikkonkludi li d-detentur taċ-ċertifikat ikun kiser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew ir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, ir-rapport għandu jinkludi wkoll:

(a)

valutazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

talba lill-Kummissjoni biex jiġu imposti multa jew ħlas penali perjodiku;

(c)

proposta motivata li tinkludi l-ammont tal-multa jew tal-ħlas penali perjodiku.

3.   L-Aġenzija tadotta r-rapport tagħha mhux iktar tard minn [12-il xahar] wara n-notifika tal-bidu tal-proċedura għal nuqqas ta’ konformità skont l-Artikolu 4, jew mhux aktar tard minn [6 xhur] wara n-notifika mill-Kummissjoni tar-ritorn tal-fajl skont l-Artikolu 12.

TAQSIMA 2

Teħid tad-deċiżjonijiet

Artikolu 11

Talbiet għal informazzjoni

1.   Meta, wara talba mill-Aġenzija skont l-Artikolu 10(2)(b), il-Kummissjoni tiddeċiedi li tkompli għaddejja bil-proċedura għal nuqqas ta’ konformità, hija tista’ titlob bil-miktub lid-detentur taċ-ċertifikat biex jipprovdi spjegazzjonijiet, bil-miktub jew bil-fomm, jew dettalji jew dokumenti. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni tinforma lid-detentur taċ-ċertifikat bil-ħlasijiet penali perjodiċi stipulati fl-Artikolu 16(1)(c) u (d) minħabba nuqqas ta’ konformità mat-talba jew minħabba li tkun ingħatat informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa.

Il-Kummissjoni tista’ anki titlob lill-Aġenzija, lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni jew lil kwalunkwe persuna fiżika jew legali biex tipprovdi informazzjoni relatata mal-allegat ksur.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-detentur taċ-ċertifikat ikun jista’ jipprovdi kwalunkwe spjegazzjoni bil-miktub jew kwalunkwe dettall jew kwalunkwe dokument biex jissostanzja l-każ tiegħu. Id-detenturi taċ-ċertifikati jistgħu jitolbu li ssir seduta orali imma l-Kummissjoni għandha d-dritt li taqbel ma’ talba bħal din biss meta tqis li din tkun meħtieġa.

Artikolu 12

Perjodu ta’ inkjesta ġdid

Wara li tikkunsidra r-rapport tal-Aġenzija, l-osservazzjonijiet tad-detentur taċ-ċertifikat fuq il-bażi ta’ dak ir-rapport u informazzjoni rilevanti oħra, il-Kummissjoni tista’ tqis li tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali u b’hekk hija tista’ tirritorna l-fajl lill-Aġenzija. Il-Kummissjoni għandha tindika b’mod ċar lill-Aġenzija l-punti ta’ fatt li l-Aġenzija jeħtieġ li tinvestiga ulterjorment u, jekk ikun xieraq, għandha tissuġġerixxi miżuri possibbli ta’ inkjesta għal dak il-għan, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 216/2008. It-Taqsima 1 tal-Kapitolu II ta' dan ir-Regolament tapplika għat-tmexxija tal-perjodu ta’ inkjesta ġdid.

TAQSIMA 3

Deċiżjonijiet dwar multi u ħlasijiet penali perjodiċi

Artikolu 13

Multi u ħlasijiet penali perjodiċi u ammonti massimi

1.   Meta wara t-teħid ta’ deċiżjonijiet stipulati fit-Taqsima 2, il-Kummissjoni ssib li d-detentur taċ-ċertifikat ikun kiser, bi ħsieb jew bi traskuraġni, ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew ir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, hija tista’ tadotta deċiżjoni li timponi multa li ma tkunx iktar minn 4 % tad-dħul jew tal-fatturat annwali tad-detentur taċ-ċertifikat fis-sena ta’ negozju preċedenti.

2.   Meta d-detentur taċ-ċertifikat ma jkunx temm il-ksur meta tkun ġiet adottata d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, f’dik id-deċiżjoni, tista’ timponi ħlasijiet penali perjodiċi għal kull jum li ma jkunux iktar minn 2,5 % tad-dħul jew tal-fatturat medju ta’ kuljum tad-detentur taċ-ċertifikat fis-sena ta’ negozju preċedenti.

Dawn il-ħlasijiet penali perjodiċi jistgħu jiġu imposti għal perjodu li jibda jiddekorri mid-data ta’ notifika tad-deċiżjoni sal-jum meta jintemm il-ksur.

3.   Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, is-sena ta’ negozju preċedenti tirreferi għas-sena ta’ negozju li tippreċedi d-data tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Il-multi u l-ħlasijiet penali perjodiċi huma ta' natura amministrattiva.

5.   Id-deċiżjoni li timponi multi u ħlasijiet penali perjodiċi hija eżegwibbli.

Artikolu 14

Kontenut tad-deċiżjonijiet

1.   Id-deċiżjoni stipulata fl-Artikolu 13 għandha tkun ibbażata esklużivament fuq raġunijiet li dwarhom id-detentur taċ-ċertifikat seta’ jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni tinforma lid-detentur taċ-ċertifikat bir-rimedji ġudizzjarji disponibbli.

3.   Il-Kummissjoni tinforma lill-Istati Membri u lill-Aġenzija dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni.

4.   Meta tippubblika d-dettalji tad-deċiżjoni tagħha u meta tinforma lill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tqis l-interess leġittimu tad-detenturi taċ-ċertifikati u ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 15

Kriterji li jirregolaw l-applikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet penali perjodiċi

1.   Meta tiġi biex tiddetermina jekk għandhiex timponi multi u ħlasijiet penali perjodiċi u l-ammont ta’ dawk il-multi u ta’ dawk il-ħlasijiet, il-Kummissjoni għandha tkun iggwidata mill-prinċipji tal-effikaċja, tal-proporzjonalità u tad-dissważjoni.

2.   F’kull każ, il-Kummissjoni għandha tqis, meta jkun rilevanti, iċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

is-serjetà u l-effetti tal-ksur u b’mod partikolari, l-implikazzjonijiet u l-effetti ta’ ksur bħal dan fuq is-sikurezza u l-ambjent;

(b)

il-grad ta’ diliġenza u ta’ kooperazzjoni li wera d-detentur taċ-ċertifikat fl-identifikazzjoni tal-ksur u fl-applikazzjoni tal-azzjoni korrettiva, jew waqt il-proċedura għal nuqqas ta’ konformità jew kwalunkwe ostaklu li jkun għamel id-detentur taċ-ċertifikat għall-identifikazzjoni ta’ ksur u għat-twettiq ta’ proċedura għal nuqqas ta’ konformità, jew kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mid-detentur taċ-ċertifikat mat-talbiet magħmula mill-Aġenzija, mill-Kummissjoni jew minn awtorità nazzjonali tal-avjazzjoni b’applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(c)

il-bona fidi tad-detentur taċ-ċertifikat fl-interpretazzjoni u fit-twettiq tal-obbligi konnessi mad-detenturi taċ-ċertifikati skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 jew ir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu jew kwalunkwe evidenza ta’ ingann intenzjonat min-naħa tad-detentur taċ-ċertifikat;

(d)

il-fatturat involut fil-każ u l-kapaċità ekonomika tad-detentur taċ-ċertifikat ikkonċernat;

(e)

il-ħtieġa li jkunu adottati miżuri provviżorji jew urġenti;

(f)

ir-repetizzjoni, il-frekwenza jew it-tul ta' żmien tal-ksur mid-detentur taċ-ċertifikat;

(g)

sanzjonijiet preċedenti, inklużi penali finanzjarji, imposti fuq l-istess detentur ta' ċertifikat.

3.   Meta tiġi biex tiddetermina l-ammont tal-multa u tal-ħlas penali perjodiku, il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe miżuri ta’ infurzar li diġà jkunu ttieħdu fil-konfront tad-detentur taċ-ċertifikat fil-livell nazzjonali jew mill-Aġenzija, u li jkunu msejsa fuq l-istess bażi legali u fuq l-istess fatti.

TAQSIMA 4

Nuqqas ta’ kooperazzjoni

Artikolu 16

Ħlasijiet penali perjodiċi għal nuqqas ta’ kooperazzjoni

1.   Fuq talba tal-Aġenzija jew b'inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi fuq id-detenturi taċ-ċertifikati ħlasijiet penali perjodiċi għal kull jum li ma jkunux iktar minn [0,5] % tad-dħul jew tal-fatturat medju ta’ kuljum tad-detentur taċ-ċertifikat fis-sena ta’ negozju preċedenti, meta bi ħsieb jew bi traskuraġni:

(a)

ma jikkonformawx ma’ miżura ta’ inkjesta adottata skont l-Artikolu 5;

(b)

jipprovdu informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa b’risposta għal miżura ta’ inkjesta adottata skont l-Artikolu 5;

(c)

ma jikkonformawx ma’ talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11;

(d)

jipprovdu informazzjoni mhux korretta jew qarrieqa b’risposta għal talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11.

Il-ħlasijiet penali perjodiċi jistgħu jiġu imposti għal perjodu li jiddekorri mid-data tan-notifika ta’ dik id-deċiżjoni sakemm jintemm in-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, is-sena ta’ negozju preċedenti tirreferi għas-sena ta’ negozju li tippreċedi d-data tad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 17

Proċedura

Meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tadotta deċiżjoni, kif jissemma fl-Artikolu 16(1), l-ewwel tinnotifika bil-miktub lid-detentur taċ-ċertifikat, fejn tiffissa limitu ta’ żmien li fih id-detentur taċ-ċertifikat jista’ jressaq osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni mhix obbligata tqis osservazzjonijiet bil-miktub li tirċievi wara li jkun skada dak il-limitu ta’ żmien.

Artikolu 18

Komplementarjetà tal-proċeduri

Bi skop li tinbeda u titmexxa l-proċedura għal nuqqas ta’ konformità, il-Kummissjoni u l-Aġenzija għandhom iqisu:

(a)

kwalunkwe proċedura għal nuqqas ta’ konformità li diġà tkun inbdiet jew li diġà tkun ġiet konkluża minn Stat Membru jew minn pajjiż terz kontra l-istess detentur taċ-ċertifikat u li tkun imsejsa fuq l-istess bażi legali u fuq l-istess fatti; u

(b)

kwalunkwe proċedura mibdija mill-Aġenzija skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 kontra l-istess detentur taċ-ċertifikat u msejsa fuq l-istess bażi legali u fuq l-istess fatti, bil-għan li jkun emendat, limitat, sospiż jew irrevokat iċ-ċertifikat rilevanti.

TAQSIMA 5

Artikolu 19

Irkupru ta’ multi u ta’ ħlasijiet penali perjodiċi

Il-Kummissjoni għandha tipproċedi bl-ikrupru tal-multi u tal-ħlasijiet penali perjodiċi billi tistabbilixxi l-ordni ta’ rkupru u toħroġ nota ta’ debitu indirizzata lid-detentur taċ-ċertifikat ikkonċernat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (4) u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 (5).

KAPITOLU III

AĊĊESS GĦALL-FAJL, RAPPREŻENTANZA LEGALI, KUNFIDENZJALITÀ U DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PRESKRIZZJONI

TAQSIMA 1

Drittijiet tad-difiża

Artikolu 20

Aċċess għall-fajl

1.   Wara notifika skont l-Artikolu 4, id-detentur taċ-ċertifikat għandu d-dritt, jekk jitlobu, li jkollu aċċess għad-dokumenti u għal materjali oħrajn miġbura mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija li jservu ta’ evidenza fir-rigward ta' allegat ksur.

2.   Id-dokumenti miksuba permezz ta’ aċċess għall-fajl għandhom jintużaw biss għall-finijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 21

Rappreżentanza legali

Id-detentur taċ-ċertifikat għandu jkollu d-dritt għal rappreżentanza legali waqt il-proċedura għal nuqqas ta’ konformità.

Artikolu 22

Kunfidenzjalità, segretezza professjonali, u d-dritt li wieħed jibqa’ sieket

1.   Mingħajr preġudizzju għall-iskambju u għall-użu tal-informazzjoni kif stipulat fl-Artikoli 5(3) u 11(1), il-proċedura għal nuqqas ta’ konformità titwettaq b'rispett tal-prinċipji ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali.

Il-Kummissjoni, l-Aġenzija u l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni, meta jkunu involuti skont l-Artikoli 5(3) u 11(1), l-uffiċjali tagħhom u persuni oħrajn li jaħdmu taħt is-superviżjoni tagħhom ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni miksuba jew skambjata minnhom skont dan ir-Regolament u informazzjoni tat-tip kopert mill-obbligu tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' aċċess għall-fajl, id-detentur taċ-ċertifikat ma għandux ikollu aċċess għal sigrieti kummerċjali, għal informazzjoni kunfidenzjali jew għal dokumenti interni miżmuma mill-Kummissjoni jew mill-Aġenzija.

3.   Kwalunkwe persuna li tressaq osservazzjonijiet jew informazzjoni skont dan ir-Regolament għandha tidentifika b’mod ċar kwalunkwe materjal meqjus kunfidenzjali, billi tagħti raġunijiet għal dan, u għandha tipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali separata mhux iktar tard mid-data ffissata mill-Kummissjoni jew mill-Aġenzija. Fin-nuqqas ta’ identifikazzjoni ta' dan it-tip, il-Kummissjoni tista’ tassumi li l-osservazzjonijiet imressqa jew l-informazzjoni mogħtija ma jinkludux informazzjoni kunfidenzjali.

4.   Id-detenturi taċ-ċertifikati għandhom id-dritt li jibqgħu siekta f’sitwazzjonijiet fejn jekk jitkellmu jistgħu jkunu mġiegħla jagħtu tweġibiet li jistgħu jinvolvu ammissjoni min-naħa tagħhom li kien hemm ksur.

TAQSIMA 2

Dispożizzjonijiet dwar il-preskrizzjoni

Artikolu 23

Applikazzjoni tal-limiti ta’ żmien

1.   Il-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom jibdew jiddekorru mill-għada li tiġi rċevuta komunikazzjoni jew li jiġi kkonsenjata personalment.

Meta jkun hemm skadenza biex id-detentur ta' ċertifikat jissottometti osservazzjonijiet jew informazzjoni, ikun biżżejjed li s-sottomissjoni tintbagħat bil-posta reġistrata qabel l-iskadenza tal-limitu ta' żmien.

2.   Meta l-limitu ta’ żmien ikun se jiskadi nhar ta' Sibt, nhar ta' Ħadd jew f’xi btala pubblika, huwa għandu jiġi estiż sa tmiem il-jum tax-xogħol ta' wara.

3.   Meta jiġu biex jiffissaw il-limiti ta’ żmien ipprovduti f’dan ir-Regolament, il-Kummissjoni u l-Aġenzija, skont kif jista’ jkun il-każ, iqisu kemm iż-żmien meħtieġ għall-preparazzjoni tas-sottomissjoni kif ukoll l-urġenza tal-każ.

4.   Meta jkun xieraq u fuq talba motivata magħmula qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien orġinali, il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi.

Artikolu 24

Perjodi ta’ preskrizzjoni biex jiġu imposti multi u ħlasijiet penali perjodiċi

1.   Id-dritt tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni li timponi multi u ħlasijiet penali perjodiċi skont l-Artikolu 13 jiskadi wara ħames snin.

Fil-każ tal-ħlasijiet penali perjodiċi stipulati fl-Artikolu 16, id-dritt tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjoni li timponi penali ta' dan it-tip għandu jiskadi wara tliet snin.

Iż-żmien għandu jibda jiddekorri minn dakinhar li jitwettaq il-ksur. Madankollu, fil-każ ta’ ksur kontinwu jew ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri minn dakinhar li l-ksur jintemm.

2.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Aġenzija għall-iskopijiet tal-investigazzjoni jew tal-proċedura għal nuqqas ta’ konformità għandha tinterrompi l-perjodi ta’ preskrizzjoni stipulati fil-paragrafu 1. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data meta l-azzjoni tiġi nnotifikata lid-detentur taċ-ċertifikat.

3.   Ma kull interruzzjoni d-dekorrenza taż-żmien terġa’ tibda mill-bidu. Madankollu, il-perjodu ta’ preskrizzjoni ma għandux ikun iktar minn darbtejn il-perjodu ta’ preskrizzjoni inizjali, ħlief meta l-preskrizzjoni tiġi sospiża skont il-paragrafu 4. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu il-preskrizzjoni kienet sospiża.

4.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni tal-ħlasijiet penali perjodiċi għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 25

Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-ġbir ta’ multi u ta’ ħlasijiet penali perjodiċi

1.   Id-dritt li tinbeda proċedura ta’ rkupru jiskadi sena wara li d-deċiżjoni skont l-Artikolu 13 jew l-Artikolu 16 tkun saret finali.

2.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tal-multi u tal-ħlasijiet penali perjodiċi jiġi interrott bi kwalunkwe azzjoni tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru, li jkun qed jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, maħsuba biex tinforza l-ħlas tal-multi jew tal-ħlas penali perjodiku.

3.   Ma kull interruzzjoni d-dekorrenza taż-żmien terġa’ tibda mill-bidu.

4.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-irkupru tal-multi u tal-ħlasijiet penali perjodiċi jiġi sospiża sakemm:

(a)

jitħalla żmien sabiex isir il-ħlas;

(b)

jiġi sospiż l-infurzar tal-ħlas skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

Applikazzjoni

Fil-każ ta’ ksur li jkun beda qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, dan ir-Regolament għandu japplika għall-parti tal-ksur li sseħħ wara dik id-data.

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35.

(3)  ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


Top