Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012D0767

    2012/767/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 7 ta’ Diċembru 2012 li tinnomina laboratorju ta’ referenza tal-UE għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/393/KE (notifikata bid-dokument numru C(2012) 8901) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 337, 11.12.2012, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2018; Imħassar b' 32018D0136

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2012/767/oj

    11.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 337/54


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-7 ta’ Diċembru 2012

    li tinnomina laboratorju ta’ referenza tal-UE għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer u li tħassar id-Deċiżjoni 2006/393/KE

    (notifikata bid-dokument numru C(2012) 8901)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2012/767/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta’ Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka d-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjoni 89/531/KEE u 91/665/KEE u tammenda d-Direttiva 92/46/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 69(1) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2003/85/KE tistipula miżuri minimi ta’ kontroll li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer u ċerti miżuri preventivi bl-għan li jiżdiedu l-kuxjenza u t-tħejjija mill-awtoritajiet kompetenti u mill-komunità agrikola għal dik il-marda.

    (2)

    Id-Direttiva 2003/85/KE tistipula, fost affarijiet oħra, li għandu jiġi nominat laboratorju ta’ referenza tal-UE għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer sabiex iwettaq il-funzjonijiet u d-dmirijiet stabbiliti fl-Anness XVI tiegħu.

    (3)

    Il-Kummissjoni, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, ħarġet offerta għall-għażla ta’ dak il-laboratorju ta’ referenza tal-UE, waqt li qieset il-kriterji tal-kompetenza teknika u xjentifika u tal-kompetenza tal-persunal.

    (4)

    Wara t-tlestija tal-proċedura tal-għażla, il-laboratorju li ntgħażel, l-Istitut għas-Saħħa tal-Annimali, Pirbright Laboratory sponsorizzat mill-Kunsill tar-Riċerka tal-Bijoteknoloġija u tax-Xjenzi Bioloġiċi (BBSRC), ġie nnominat, bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/393/KE (2), bħala l-laboratorju ta’ referenza tal-UE għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer għal perjodu ta’ ħames snin li jibda mis-7 ta’ Ġunju 2006.

    (5)

    Id-Direttiva 2003/85/KE tistipula wkoll li l-Kummissjoni għandha tirrevedi n-nomina tal-laboratorju ta’ referenza tal-UE għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer fid-dawl tal-konformità tiegħu mal-funzjonijiet u d-dmirijiet ta’ dak il-laboratorju speċifikat fl-Anness XVI tagħha.

    (6)

    Il-valutazzjoni, mibdija mill-Kummissjoni u mlestija f’April 2011, ikkonkludiet li l-Istitut għas-Saħħa tal-Annimali, Pirbright Laboratory, jaqdi sew il-funzjonijiet u d-dmirijiet kollha tal-laboratorju ta’ referenza tal-UE għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer kif stipulat fl-Anness XVI tad-Direttiva 2003/85/KE u tar-responsabilitajiet tal-laboratorji ta’ referenza tal-UE kif stipulat fl-Artikolu 32(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (3).

    (7)

    In-nomina ta’ dak il-laboratorju bħala laboratorju ta’ referenza tal-UE għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer għandha għalhekk tiġġedded għal perjodu ta’ żmien indefinit.

    (8)

    Barra minn hekk, ir-Renju Unit informa uffiċjalment lill-Kummissjoni li l-Istitut għas-Saħħa tal-Annimali, Pirbright Laboratory, issa jismu Pirbright Institute.

    (9)

    Biex jiġi evitat kull xkiel fl-attivitajiet tal-laboratorju ta’ referenza tal-UE għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer, huwa xieraq li l-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni japplikaw retroattivament, mis-7 ta’ Ġunju 2011.

    (10)

    Għall-finijiet taċ-ċarezza u s-semplifikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, id-Deċiżjoni 2006/393/KE għandha tiġi revokata u sostitwita b’din id-Deċiżjoni.

    (11)

    Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-Pirbright Institute, tal-Kunsill ta’ Riċerka tal-Bijoteknoloġija u tax-Xjenzi Bioloġiċi (BBSRC) fir-Renju Unit, huwa nominat bħala l-laboratorju ta’ referenza tal-UE għall-marda tal-ilsien u d-dwiefer.

    2.   Ir-regoli li jistabbilixxu l-funzjonjiet u d-dmirijiet tal-laboratorju ta’ referenza tal-UE msemmi fil-paragrafu 1 huma stabbiliti fl-Anness XVI tad-Direttiva 2003/85/KE.

    Artikolu 2

    Id-Deċiżjoni 2006/393/KE hija b’dan revokata.

    Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tapplika mis-7 ta’ Ġunju 2011.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Diċembru 2012.

    Għall-Kummissjoni

    Tonio BORG

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 152, 7.6.2006, p. 31.

    (3)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.


    Top