Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0049

Direttiva 2009/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta’ Ġunju 2009 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE dwar ċerti rekwiżiti ta’ żvelar għal kumpaniji ta’ daqs medju u l-obbligu tal-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 164, 26.6.2009, p. 42–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/07/2013; Impliċitament imħassar minn 32013L0034

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/49/oj

26.6.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 164/42


DIRETTIVA 2009/49/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2009

li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE dwar ċerti rekwiżiti ta’ żvelar għal kumpaniji ta’ daqs medju u l-obbligu tal-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 44(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza tiegħu, il-Kunsill Ewropew tat-8 u tad-9 ta’ Marzu 2007 enfasizza li t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi huwa importanti sabiex l-ekonomija Ewropea tingħata spinta, speċjalment meta wieħed iqis il-benefiċċji li dan jista’ jġib lill-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju. Saħaq ukoll li jinħtieġ sforz konġunt qawwi kemm min-naħa tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Istati Membri biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi.

(2)

Il-kontabilità u l-verifika ġew identifikati bħala oqsma fejn il-piżijiet amministrattivi għall-kumpaniji fi ħdan il-Komunità jistgħu jitnaqqsu.

(3)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Lulju 2007 dwar ambjent ta’ negozju simplifikat għall-kumpaniji fl-oqsma tal-liġi tal-kumpaniji, il-kontabilità u l-verifika tidentifika l-emendi li għandhom isiru għar-Raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 fuq bażi tal-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpaniji (3) u s-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (4). Ingħatat attenzjoni partikolari biex jinkiseb aktar serħan mill-piż tar-rappurtar impost fuq kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju.

(4)

Fil-passat, saru għadd ta’ tibdiliet sabiex il-kumpaniji li jaqgħu fl-ambitu tad-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE jkunu jistgħu jużaw metodi ta’ kontabilità skont l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtaġġ Finanzjarju (IFRS). Skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (5), il-kumpaniji li t-titoli tagħhom ikunu aċċettati għall-kummerċ f’suq regolat ta’ xi Stat Membru għandhom jippreparaw il-kontijiet ikkonsolidati tagħhom b’konformità mal-IFRS, u b’konsegwenza jinħelsu mill-maġġoranza tar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE. Madankollu, dawn id-Direttivi għadhom jiffurmaw il-bażi għall-kontabilità tal-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju fil-Komunità.

(5)

Kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju ħafna drabi huma soġġetti għall-istess regoli bħall-kumpaniji l-kbar iżda l-ħtiġijiet speċifiċi tal-kontabilità ftit li xejn ġew indirizzati. B’mod partikolari l-għadd dejjem jiżdied tar-rekwiżiti taż-żvelar iqajjem tħassib għal kumpaniji bħal dawn. Regoli estensivi tar-rappurtar joħolqu piż finanzjarju u jistgħu jostakolaw l-użu effiċjenti tal-kapital għal skopijiet produttivi

(6)

L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 enfasizzat ukoll il-ħtieġa li tiġi kkjarifikata r-relazzjoni bejn l-istandards tal-kontabilità meħtieġa mid-Direttiva 83/349/KEE u l-IFRS.

(7)

Fejn l-ispejjeż tal-formazzjoni jistgħu jiġu trattati bħala attiv fil-karta tal-bilanċ, l-Artikolu 34(2) tad-Direttiva 78/660/KEE jirrikjedi li dawk l-ispejjeż jiġu spjegati fin-noti mal-kontijiet. Kumpaniji żgħar jistgħu jiġu eżentati minn dak ir-rekwiżit ta’ żvelar skont l-Artikolu 44(2) ta’ dik id-Direttiva. Sabiex jonqsu l-piżijiet amministrattivi bla bżonn, għandu jkun ukoll possibbli li l-kumpaniji ta’ daqs medju jiġu eżentati wkoll minn dak ir-rekwiżit ta’ żvelar.

(8)

Id-Direttiva 83/349/KEE tirrikjedi li impriża prinċipali tħejji l-kontijiet konsolidati wkoll meta s-sussidjarju waħdani tagħha jew inkella s-sussidjarji kollha globalment ma jkunux materjali għall-finijiet tal-Artikolu 16(3) ta’ dik id-Direttiva. Bħala konsegwenza dawk l-impriżi jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 u għalhekk ikollhom iħejju d-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsoldiati tagħhom f’konformità mal-IFRS. Dak ir-rekwiżit huwa meqjus bħala ta’ piż fejn impriża prinċipali jkollha biss sussidjarji mhux materjali. Għalhekk l-impriżi prinċipali għandhom jiġu eżentati mill-obbligu tal-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati u ta’ rapport annwali konsolidat jekk hija jkollha biss impriżi sussidjarji meqjusa bħal mhux materjali, kemm individwalment u globalment. Għalkemm dak l-obbligu statutorju għandu jitneħħa, impriża prinċipali tista’ xorta tfassal kontabilità konsolidata u rapport annwali konsolidat fuq l-inizjattiva tagħha.

(9)

Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi relatati ma’ ċerti rekwiżiti ta’ żvelar għal kumpaniji ta’ daqs medju u l-obbligu tal-preparazzjoni tal-kontijiet konsolidati għal ċerti kumpaniji fi ħdan il-Komunità, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba fl-iskala u l-effetti, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, bi qbil mal-prinċipju ta’ sussidarjeta stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat. B’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, stipulat f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(10)

Id-Direttivi 78/660/KEE u 83/1268/KEE għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan,

(11)

Bi qbil mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (6), l-Istati Membri huma mħeġġa jippreparaw, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom li juru, safejn ikun possibli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ transpożizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emenda għad-Direttiva Nru 78/660/KEE

Fl-Artikolu 45(2) tad-Direttiva 78/660/KEE, l-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu hija sostitwita b’dan li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 27 iħallu barra l-wiri tal-informazzjoni preskritt mill-Artikoli 34(2) u 43(1)(8).”.

Artikolu 2

Emenda għad-Direttiva 83/349/KEE

Fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 83/349/KE jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“(2a)   Bla ħsara għall-Artikolu 4(2) u l-Artikoli 5 u 6, kwalunkwe impriża prinċipali rregolata bil-liġi nazzjonali ta’ Stat Membru li jkollha biss impriżi sussidjarji meqjusa bħala mhux materjali (għall-finijiet tal-Artikolu 16(3), kemm individwalment kif ukoll globalment, għandha tkun eżenta mill-obbligu impost fuqha bl-Artikolu 1(1).”

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex titħares din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 2011. Huma għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni.

Meta jiġu adottati mill-Istati Membri, dawk il-miżuri għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Ġunju 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

Š. FÜLE


(1)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 37.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2009.

(3)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.

(4)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.

(5)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

(6)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


Top