Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0014

Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2009 li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimbors (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 68, 13.3.2009, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/07/2019; Imħassar b' 32014L0049

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/14/oj

13.3.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 68/3


DIRETTIVA 2009/14/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2009

li temenda d-Direttiva 94/19/KE dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti fir-rigward tal-livell ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimbors

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 47(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Ottubru 2008, il-Kunsill qabel li l-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja kif ukoll it-tħaddim kif suppost tas-settur finanzjarju għandhom jingħataw prijorità. Huwa impenja ruħu li jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex id-depożiti ta’ individwi li għandhom kontijiet ta’ tfaddil jiġu protetti u laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tressaq b’mod urġenti proposta adatta li tippromwovi l-konverġenza ta’ skemi ta’ garanzija għad-depożiti.

(2)

Id-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) diġà tipprevedi kopertura bażika għad-depożitanti. Madankollu, it-taqlib finanzjarju li għaddej bħalissa jesiġi titjib f’ dik il-kopertura.

(3)

Il-livell minimu attwali ta’ kopertura previst fid-Direttiva 94/19/KE huwa ffissat għal EUR 20 000 bil-fakultà li l-Istati Membri jiddeterminaw kopertura ogħla. Madankollu, intwera li għal għadd kbir ta’ depożiti fil-Komunità dan mhuwiex adegwat. Sabiex tinżamm il-fiduċja tad-depożitanti u tintlaħaq stabbiltà akbar fis-swieq finanzjarji, il-livell minimu ta’ kopertura għandu għalhekk jiżdied għal EUR 50 000. Sal-31 ta’ Diċembru 2010, il-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandu jkun iffissat għal EUR 100 000, ħlief jekk valutazzjoni tal-impatt mill-Kummissjoni, ippreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2009, tikkonkludi li din iż-żieda u din l-armonizzazzjoni mhumiex adegwati u finanzjarjament vijabbli għall-Istati Membri kollha biex ikun żgurat il-ħarsien tal-konsumatur u l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji fil-Kommunità kif ukoll biex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Fil-każ li l-valutazzjoni tal-impatt turi li din iż-żieda u din l-armonizzazzjoni mhumiex adatti, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti adatti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(4)

L-istess livell ta’ kopertura għandu japplika għad-depożitanti kollha irrispettivament minn jekk il-munita tal-Istat Membru hijiex l-euro jew le. L-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro għandhom il-possibbiltà li jaġġustaw l-ammonti li jirriżultaw minn din il-konverżjoni għall-eqreb numru sħiħ mingħajr ma jikkompromettu il-ħarsien ekwivalenti tad-depożitanti.

(5)

Ir-rapport li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-Kummissjoni għandu janalizza l-kwistjonijiet relatati kollha bħall-tpaċija u l-kontrotalbiet, id-determinazzjoni tal-kontributi għall-iskemi, l-ambitu tal-prodotti u depożitanti koperti, u l-effikaċja tal-kooperazzjoni transkonfini bejn l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti u r-rabta bejn l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti ma’ modi alternattivi għar-rimbors lid-depożitanti, bħall-mekkaniżmi ta’ rimbors ta’ emerġenza. Għall-fini ta’ dak ir-rapport, l-Istati Membri għandhom jiġbru d-data rilevanti u jippreżentawha lill-Kummissjoni fuq talba.

(6)

Xi Stati Membri stabbilixxew skemi ta’ garanzija għad-depożiti skont id-Direttiva 94/19/KE li jipprevedu kopertura sħiħa għal ċerti tipi ta’ depożiti fit-tul, bħal talbiet dwar il-pensjonijiet. Jeħtieġ li jiġu rispettati dawk id-drittijiet u l-aspettattivi tad-depożitanti fi skemi bħal dawn.

(7)

Xi Stati Membri stabbilixxew jew qed jippjanaw li jistabbilixxu skemi ta’ garanzija għad-depożiti skont id-Direttiva 94/19/KE li jipprovdu kopertura sħiħa għal ċerti tipi ta’ bilanċi tal-kontijiet li żdiedu temporanjament. Il-Kummissjoni għandha tevalwa, sal-31 ta’ Diċembru 2009, jekk għandhiex tinżamm jew tiġi introdotta kopertura sħiħa għal ċerti tipi ta’ bilanċi tal-kontijiet li żdiedu temporanjament.

(8)

Il-funzjonament ta’ sistemi li jipproteġu l-istituzzjoni ta’ kreditu nnifisha u, b’mod partikolari, jiżguraw il-likwidità u l-kapaċità għall-ħlas tagħha, li b’hekk jiggarantixxu ħarsien għad-depożitanti għall-inqas ekwivalenti għal dak provdut minn skema ta’ garanzija għad-depożiti, u sistemi volontarji ta’ kumpens għad-depożitanti li mhumiex introdotti jew rikonoxxuti uffiċjalment minn Stat Membru, m’għandhomx ikunu affettwati minn din id-Direttiva.

(9)

L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu skemi ta’ garanzija għad-depożiti li jikkunsidraw id-dħul fi ftehim jew it-titjib ta’ ftehim eżistenti dwar l-obbligi rispettivi tagħhom.

(10)

Il-perijodu ta’ tliet xhur previst attwalment għar-rimbors, li jista’ jiġġedded għal disa’ xhur, imur kontra l-ħtieġa li tinżamm il-fiduċja tad-depożitanti u ma jissodisfax il-ħtiġijiet tagħhom. Iż-żmien għar-rimbors għandu għalhekk jitnaqqas għal perijodu ta’ għoxrin jum ta’ xogħol. Dak il-perijodu għandu jkun estiż biss taħt ċirkostanzi eċċezzjonali u wara approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Sentejn mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva l-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-effettività u ż-żmien tal-proċeduri għar-rimbors li jevalwa jekk tnaqqis ieħor taż-żmien għal 10 ijiem ta’ xogħol ikunx adatt.

(11)

Barra dan, fil-każijiet fejn ir-rimbors iseħħ skont determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, il-perijodu ta’ deċiżjoni ta’ 21 jum previst attwalment għandu jitnaqqas għal ħamest ijiem ta’ xogħol sabiex ma jkunx imfixkel ir-rimbors rapidu. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom l-ewwel ikunu sodisfatti li istituzzjoni ta’ kreditu naqset milli tħallas lura depożiti li huma dovuti u pagabbli. Dik l-evalwazzjoni għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi tal-Istati Membri.

(12)

Id-depożiti jistgħu jitqiesu mhux disponibbli ladarba l-miżuri ta’ intervent bikri jew ta’ riorganizzazzjoni ma jkollhomx suċċess. Dan m’għandux iżomm lill-awtoritajiet kompetenti milli jagħmlu aktar sforzi ta’ ristrutturar matul il-perijodu ta’ rimbors.

(13)

L-Istati Membri għandu jkollhom l-għan li jiżguraw il-kontinwità tas-servizzi bankarji u l-aċċess għal-likwidità tal-banek, partikolarment f’perijodi ta’ diffikultà finanzjarja. Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma mħeġġa jagħmlu arranġamenti malajr kemm jista’ jkun sabiex jiżguraw il-ħlas ta’ emerġenza ta’ ammonti adegwati meta ssir applikazzjoni tad-depożitant affettwat, fi żmien mhux aktar minn tlett ijiem minn din l-applikazzjoni. Minħabba li t-tnaqqis taż-żmien attwali għar-rimbors, li hu ta’ tliet xhur, ser ikollu impatt pożittiv fuq il-fiduċja tad-depożitanti u l-iffunzjonar tajjeb tas-swieq finanzjarji, l-Istati Membri u l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti tagħhom għandhom jiżguraw li ż-żmien għar-rimbors ikun kemm jista’ jkun qasir.

(14)

Id-Direttiva 94/19/KE tipprevedi l-possibbiltà li l-Istati Membri jillimitaw il-kopertura għal persentaġġ speċifikat. Intwera li dik il-fakultà timmina l-fiduċja tad-depożitanti u għalhekk għandha titwaqqaf.

(15)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 94/19/KE għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (4).

(16)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li taġġusta l-livell ta’ kopertura skont l-inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea abbażi ta’ bidliet fl-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsumatur ippubblikat mill-Kummissjoni. Billi dik il-miżura għandha kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u hija mfassla biex temenda l-elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 94/19/KE, din għandha tiġi adottata skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(17)

Minħabba li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-armonizzazzjoni tal-livelli ta’ kopertura u taż-żmien għar-rimbors, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba l-għadd kbir ta’ regoli differenti li jeżistu fis-sistemi legali tad-diversi Stati Membri u għalhekk jistgħu jintlaħqu aħjar f’livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(18)

Għalhekk, id-Direttiva 94/19/KE għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

(19)

Skont il-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (5), l-Istati Membri huma mħeġġa biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom stess li juru, safejn ikun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 94/19/KE

Id-Direttiva 94/19/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

fil-punt 3(i) tal-Artikolu 1, it-tieni paragrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni malajr kemm jista’ jkun u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol wara li l-ewwel ikunu sodisfatti li istituzzjoni ta’ kreditu tkun naqset milli tħallas lura depożiti li huma dovuti u pagabbli; jew”;

(2)

l-Artikolu 4 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 5 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 sa 4, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti jikkooperaw ma’ xulxin.”,

(b)

għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-funzjonament ta’ dan l-Artikolu għall-inqas kull sentjen u, jekk xieraq, tipproponi emendi għalih.”;

(3)

L-Artikolu 7 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandha tkun ta’ mill-anqas EUR 50 000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

1a.   Sal-31 ta’ Diċembru 2010, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kopertura għad-depożiti aggregati ta’ kull depożitant għandha tkun iffissata għal EUR 100 000 fil-każ li d-depożiti ma jkunux disponibbli.

Jekk fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 12, il-Kummissjoni tikkonkludi li din iż-żieda u din l-armonizzazzjoni mhumiex xierqa u finanzjarjament vijabbli għall-Istati Membri kollha sabiex jiġu żgurati l-ħarsien tal-konsumatur u l-istabilità finanzjarja fil-Komunità u biex jiġu evitati distorsjonijiet transkonfini bejn l-Istati Membri, hija għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta biex jiġi emendat l-ewwel subparagrafu.

1b.   L-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li jaqilbu l-ammonti espressi f’euro msemmijin fil-paragrafu 1 u 1a fil-muniti nazzjonali tagħhom għandhom jiżguraw li l-ammonti fil-muniti nazzjonali effettivament imħallsa lid-depożitanti huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”;

(b)

il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-paragrafu 1a m’għandux jipprekludi ż-żamma ta’ dispożizzjonijiet li kienu joffru, qabel l-1 ta’ Jannar 2008, notevolment għal konsiderazzjonijiet soċjali, kopertura sħiħa għal ċerti tipi ta’ depożiti.”;

(c)

il-paragrafu 4 għandu jitħassar;

(d)

il-paragrafu li ġej għandu jiżdied:

“7.   Il-Kummissjoni tista’ taġġusta l-ammonti msemmija fil-paragrafi 1 u 1a skont l-inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea abbażi tal-bidliet fl-indiċi armonizzat tal-prezzijiet tal-konsumatur ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea.

Dik il-miżura, imfassla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, għandha tkun adottata skont il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 7a(2).”;

(4)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 7a

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Banek Ewropej, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/10/KE (*).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikolu 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (**) għandhom japplikaw, b’konsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

(*)  ĠU L 3, 7.1.2004, p. 36."

(**)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.”;"

(5)

fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jagħmlu disponibbli lid-depożitanti attwali u lil dawk li jkollhom l-intenzjoni li jagħmlu depożitu, l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazjoni tal-iskema ta’ garanzija għad-depożiti li tagħha l-istituzzjoni jew il-fergħat huma membri fil-Komunità jew xi arranġament alternattiv previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) jew fl-Artikolu 3(4). Id-depożitanti għandhom jiġu infurmati bid-dispożizzjonijiet tal-iskema ta’ garanzija għad-depożiti jew kwalunkwe arranġament alternattiv applikabbli, inkluż l-ammont u l-iskop tal-kopertura offruti mill-iskema ta’ garanzija għad-depożitu. Meta depożitu ma jkunx garantit permezz ta’ skema ta’ garanzija għad-depożitu skont l-Artikolu 7(2), l-istituzzjoni ta’ kreditu għandha tinforma lid-depożitant kif meħtieġ. L-informazzjoni kollha għandha tkun disponibbli b’mod faċli u komprensibbli.

L-informazzjoni dwar il-kondizzjonijiet għall-kumpens u l-formalitajiet li għandhom jitlestew biex jingħata l-kumpens għandha tingħata fuq talba.”;

(6)

L-Artikolu 10 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti għandhom ikunu f’qagħda li jħallsu t-talbiet debitament ivverifikati magħmulin minn depożitanti fir-rigward ta’ depożiti li ma jkunux disponibbli fi żmien għoxrin jum ta’ xogħol mid-data li fiha l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jagħmlu d-determinazzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1(3)(i) jew li fih awtorità ġudizzjarja tagħti s-sentenza kif imsemmija fl-Artikolu 1(3)(ii). Dak il-limitu ta’ żmien jinkludi l-ġbir u t-trażmissjoni ta’ data preċiża dwar id-depożitanti u d-depożiti, li huma meħtieġa għall-verifika tat-talbiet.

F’ċirkostanzi kompletament eċċezzjonali, skema ta’ garanzija għad-depożiti tista’ tagħmel applikazjoni lill-awtoritajiet kompetenti għal estenzjoni tal-limitu taż-żmien. Din l-estensjoni m’għandhiex teċċedi għaxart ijiem ta’ xogħol.

Sas-16 ta' Marzu 2011, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-effettività u ż-żmien tal-proċeduri ta’ rimbors li jevalwa jekk tnaqqis għal 10 ijiem taż-żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu jistax jiġi implimentat.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti jwettqu testijiet regolari tas-sistemi tagħhom u li, jekk xieraq, jiġu infurmati fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti jiskopru problemi f’istituzzjoni ta’ kreditu li x’aktarx jagħtu lok għall-intervent ta’ skemi ta’ garanzija għad-depożiti.”;

(b)

il-paragrafu 2 għandu jitħassar;

(7)

l-Artikolu 12 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 12

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2009 rapport dwar:

(a)

l-armonizzazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament ta’ skemi ta’ garanzija għad-depożiti li jindirizza, b’mod partikolari, l-effetti ta’ nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-każ ta’ kriżi transkonfini, fir-rigward tad-disponibbiltà tar-rimborsi ta’ kumpens tad-depożitu u fir-rigward tal-kompetizzjoni ġusta, u l-benefiċċji u l-ispejjeż ta’ dan it-tip ta’ armonizzazzjoni;

(b)

il-konvenjenza u l-modalitajiet li tiġi pprovduta kopertura sħiħa għal ċerti tipi ta’ bilanċi tal-kontijiet li żdiedu temporanjament;

(c)

mudelli possibbli għall-introduzzjoni ta’ kontribuzzjonijiet ibbażati fuq ir-riskju;

(d)

il-benefiċċji u l-ispejjeż ta’ introduzzjoni possibbli ta’ skema Komunitarja ta’ garanzija għad-depożiti;

(e)

l-impatt ta’ leġislazzjonijiet diverġenti rigward it-tpaċija, fejn il-kreditu ta’ depożitant jiġi bbilanċjat kontra d-djun tiegħu, fuq l-effiċjenza tas-sistema u distorsjonijiet possibbli, filwaqt li jitqies l-istralċ transkonfini;

(f)

l-armonizzazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodotti u d-depożitanti koperti, inklużi l-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u tal-awtoritajiet lokali;

(g)

ir-rabta bejn l-iskemi ta’ garanzija għad-depożiti u modi alternattivi għar-rimbors lid-depożitanti, bħall-mekkaniżmu ta’ rimbors ta’ emerġenza.

Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tressaq proposti adegwati biex temenda din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tal-Banek Ewropej jekk ikollhom l-intenzjoni li jbiddlu l-kamp ta’ applikazzjoni jew il-livell ta’ kopertura għad-depożiti u dwar kwalunkwe diffikultà li jiltaqgħu magħha meta jikkooperaw mal-Istati Membri l-oħrajn.”;

(8)

l-Anness II għandu jitħassar.

Artikolu 2

Transpożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 2009.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mat-tieni paragrafu tal-punt 3 (i) tal-Artikolu 1, l-Artikolu 7(1a) u (3) u l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19/KE, kif emendata b’din id-Direttiva, sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandha tiġi inkluża referenza għal din id-Direttiva jew magħhom għandu jkun hemm din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strażburgu, 11 ta’ Marzu 2009.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

A. VONDRA


(1)  ĠU C 314, 9.12.2008, p. 1.

(2)  L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 u tal-5 ta’ Marzu 2009.

(3)  ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5.

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(5)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


Top