EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0727

2009/727/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 30 ta’ Settembru 2009 dwar miżuri ta’ emerġenza li japplikaw għall-krustaċji importati mill-Indja u li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali (notifikata bid-dokument numru C(2009) 7388) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 258, 1.10.2009, p. 31–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/07/2010; Imħassar b' 32010D0381 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/727/oj

1.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Settembru 2009

dwar miżuri ta’ emerġenza li japplikaw għall-krustaċji importati mill-Indja u li huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 7388)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/727/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u li jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw b’mod ġenerali l-ikel u l-għalf, u b’mod partikolari s-sigurtà tal-ikel u l-għalf, fil-livell Komunitarju u dak nazzjonali. Dan jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fejn huwa evidenti li ikel jew għalf importat minn pajjiż terz x’aktarx huwa ta’ riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, għas-saħħa tal-annimali jew għall-ambjent, u li riskju bħal dan ma jistax jitrażżan b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri meħuda mill-Istat Membru/Stati Membri kkonċernat/i.

(2)

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/23/KE tad-29 ta’ April 1996, dwar miżuri għall-monitoraġġ ta’ ċerti sustanzi u residwi tagħhom f’annimali ħajjin u prodotti tal-annimali (2), tistipula li l-proċess tal-produzzjoni tal-annimali u tal-prodotti primarji li joriġinaw mill-annimali għandu jkun sorveljat bil-għan li jinstabu ċerti residwi u sustanzi f’annimali ħajjin, fil-ħmieġ tagħhom u fis-sustanzi fluwidi ta’ ġisimhom u fit-tessuti, fil-prodotti tal-annimali, fl-għalf tal-annimali u fl-ilma tax-xorb. L-Artikolu 29 tad-Direttiva 96/23/KE jirrikjedi li l-garanziji pprovduti minn pajjiżi terzi jrid ikollhom effett tal-anqas ekwivalenti daqs dawk ipprovduti f’din id-Direttiva.

(3)

Ir-riżultati tal-aħħar viżita ta’ spezzjoni Komunitarja fl-Indja rrivelaw nuqqasijiet fir-rigward tas-sistema tal-kontroll tar-residwi fl-annimali ħajjin u fil-prodotti tal-annimali.

(4)

Minkejja garanziji pprovduti mill-Indja, l-Istati Membri rrappurtaw lill-Kummissjoni żidiet fis-sejbiet ta’ nitrofurani u l-metaboliti tagħhom fi krustaċji importati mill-Indja u intiżi għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali. Il-preżenza ta’ dawn is-sustanzi fl-ikel hija pprojbita mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2377/90 (3) u dawn huma ta’ riskju serju għas-saħħa tal-bniedem.

(5)

Dawn il-prodotti li ġejjin mill-annimali huma użati wkoll fil-manifattura tal-għalf għall-annimali tal-akkwakultura. In-nitrofurani u l-metaboliti tagħhom mhumiex awtorizzati bħala addittiv tal-għalf skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn dan, dawn il-prodotti li ġejjin mill-annimali li fihom in-nitrofurani huma esklużi mill-għalf għall-annimali tal-irziezet meta użati bħala sustanzi anti-batteriċi, billi dawn huma prodotti ta’ residwu ta’ kategorija 2 li ġejjin mill-annimali skont ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(6)

Għaldaqstant huwa xieraq li jiġu adottati, fuq livell Komunitarju, ċerti miżuri ta’ emerġenza applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ krustaċji tal-akkwakultura li ġejjin mill-Indja sabiex wieħed jiżgura l-ħarsien effettiv u uniformi tas-saħħa tal-bniedem fl-Istati Membri kollha.

(7)

Bl-istess mod, l-Istati Membri għandhom jippermettu biss l-importazzjonijiet ta’ krustaċji tal-akkwakultura li ġejjin mill-Indja jekk jista’ jkun ippruvat li dawn kienu suġġetti għal test analitiku tal-oriġini biex ikun verifikat li l-konċentrazzjoni ta’ nitrofurani jew il-metaboliti tagħhom ma taqbiżx il-limitu deċisiv tal-metodu analitiku ta’ konferma użat, skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/657/KE (6).

(8)

Madankollu, huwa xieraq li tiġi awtorizzata l-importazzjoni ta’ kunsinni li ma jkollhomx magħhom ir-riżultati tat-testijiet analitiċi tal-oriġini, sakemm l-Istati Membri ta’ importazzjoni jiżguraw li dawn il-kunsinni jkunu ttestjati mal-wasla tagħhom fuq il-fruntiera Komunitarja u li jinżammu taħt kontroll uffiċjali sakemm ir-riżultati jsiru disponibbli.

(9)

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fid-dawl tal-garanziji offruti mill-Indja u abbażi tar-riżultati tat-testijiet analitiċi imwettqa mill-Istati Membri.

(10)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tapplika għall-kunsinni ta’ krustaċji tal-akkwakultura importati mill-Indja u intiżi għall-konsum mill-bniedem jew għall-għalf tal-annimali (minn hawn ’il quddiem imsemmija “il-kunsinni ta’ krustaċji”).

Artikolu 2

(1)   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni lejn il-Komunità tal-kunsinni ta’ krustaċji sakemm dawn ikollhom magħhom ir-riżultati ta’ test analitiku tal-oriġini biex ikun żgurat li dawn mhumiex ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem.

(2)   It-test analitiku għandu jkun imwettaq, b’mod partikolari, bil-għan li tkun identifikata l-preżenza ta’ nitrofurani jew il-metaboliti tagħhom skont id-Deċiżjoni 2002/657/KE.

Artikolu 3

(1)   B’deroga mill-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjoni ta’ kunsinni ta’ krustaċji li ma jkollhomx magħhom ir-riżultati tat-test analitiku sakemm l-Istat Membru ta’ importazzjoni jiżgura li kull kunsinna tgħaddi mill-verifiki xierqa kollha mal-wasla tagħha fuq il-fruntiera Komunitarja biex ikun żgurat li din mhijiex ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem.

(2)   Il-kunsinni msemmija f’paragrafu 1 għandhom jinżammu mal-fruntiera Komunitarja sakemm it-testijiet tal-laboratorju juru li m’hemmx preżenza ta’ metaboliti tan-nitrofurani li taqbeż il-Limitu Minimu Komunitarju Mitlub ta’ Prestazzjoni (MRPL - Minimum Required Performance Limit) ta’ 1 μg/kg skont id-Deċiżjoni 2002/657/KE.

Artikolu 4

(1)   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni jekk it-test analitiku msemmi fl-Artikolu 3(2) jiżvela l-preżenza ta’ metaboliti tan-nitrofurani b’konċentrazzjoni li taqbeż il-limitu deċisiv (CC-alpha) tal-metodu analitiku ta’ konferma użat skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2002/657/KE.

(2)   Jekk it-test analitiku jiżvela l-preżenza ta’ nitrofurani jew tal-metaboliti tagħhom b’konċentrazzjoni li taqbeż l-MRPL tal-Komunità, il-kunsinni ma jistgħux jitpoġġew fis-suq.

(3)   Għall-fini tas-sottomissjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jużaw is-sistema rapida ta’ twissija għall-ikel u l-għalf stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 178/2002.

(4)   Kull tliet xhur l-Istati Membri għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni rapport tar-riżultati kollha tat-testijiet analitiċi. Għandu jintuża l-format komuni ta’ rapport, stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

(5)   Dan ir-rapport għandu jitressaq matul ix-xahar ta’ wara kull kwart tas-sena (April, Lulju, Ottubru, u Jannar).

Artikolu 5

In-nefqa kollha li tkun saret biex tiġi applikata din id-Deċiżjoni għandha tiġi mħallsa mill-kunsinnatur, mid-destinatarju jew mill-aġent ta’ wieħed minnhom.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri li jieħdu biex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi riveduta fid-dawl tal-garanziji offruti mill-Indja u abbażi tar-riżultati tat-testijiet analitiċi mwettqa mill-Istati Membri.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 125, 23.5.1996, p. 10.

(3)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 1.

(4)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(5)  ĠU L 273, 10.10.2002, p. 1.

(6)  ĠU L 221, 17.8.2002, p. 8.


ANNESS

FORMAT KOMUNI TAR-RAPPORT KIF IMSEMMI FL-ARTIKOLU 4(4)

Ir-riżultati tal-kontrolli fuq kunsinni ta’ krustaċji mill-Indja fir-rigward tan-nitrofurani u l-metaboliti tagħhom

Tip ta’ krustaċji

Kodiċi tal-kampjun

Data tal-analiżi:

(jj/xx/ssss)

Riżultat

(μg/kg)

Cca tal-metodu ta’ konferma

> MRPL (1 μg/kg)

I/L

Deċiżjoni (Imwarrba/Mibgħuta lura/Meqruda/Impoġġija fis-suq)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


Top