Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0311

2009/311/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta’ April 2009 li tippermetti lill-Istati Membri sabiex jestendu awtorizzazzjonijiet proviżorji għas-sustanzi attivi ġodda topramezone, fluworid tas-sulfuril u zucchini yellow mosaic virus - tal-varjazzjoni dgħajfa (notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 2348) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 91, 3.4.2009, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/311/oj

3.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 91/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ April 2009

li tippermetti lill-Istati Membri sabiex jestendu awtorizzazzjonijiet proviżorji għas-sustanzi attivi ġodda topramezone, fluworid tas-sulfuril u zucchini yellow mosaic virus - tal-varjazzjoni dgħajfa

(notifikata taħt id-dokument numru C(2009) 2348)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/311/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (1), u partikolarment ir-raba’ sottoparagrafu tal-Artikolu 8(1) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE, f’Mejju 2003 Franza rċeviet applikazzjoni minngħand BASF AG, għall-inklużjoni tas-sustanza attiva topramezone fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/850/KE (2) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li seta’ jitqies bħala sodisfaċenti, fil-prinċipju, għar-rekwiżiti ta’ dejta u ta’ informazzjoni fl-Anness II u Anness III ma’ dik id-Direttiva.

(2)

F’Lulju 2002 ir-Renju Unit irċieva applikazzjoni minn Dow AgroSciences Ltd rigward. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/305/KE (3) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li seta’ jitqies bħala sodisfaċenti, fil-prinċipju, għar-rekwiżiti ta’ dejta u ta’ tagħrif fl-Anness II u Anness III ma’ dik id-Direttiva.

(3)

F’Marzu 2005 r-Renju Unit irċieva applikazzjoni mil-Laboratorju Xjentifiku Ċentrali rigward zucchini yellow mosaic virus – tal-varjazzjoni dgħajfa. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/586/KE (4) kkonfermat li l-inkartament kien komplut u li seta’ jitqies bħala sodisfaċenti, fil-prinċipju, għar-rekwiżiti ta’ dejta u ta’ informazzjoni fl-Anness II u Anness III ma’ dik id-Direttiva.

(4)

Il-konferma tal-kompletezza tal-inkartamenti kienet meħtieġa sabiex dawn setgħu jiġu eżaminati fid-dettall u sabiex l-Istati Membri seta’ jkollhom il-possibbiltà li jagħtu awtorizzazzjonijiet proviżorji, sa perjodi ta’ tliet snin, għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati, filwaqt li jkunu konformi mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE u, partikolarment, il-kondizzjoni dwar il-valutazzjoni dettaljata tas-sustanzi attivi u tal-prodott għal protezzjoni tal-pjanti fid-dawl tar-rekwiżiti stipulati minn dik id-Direttiva.

(5)

Għal dawn is-sustanzi attivi, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ġew valutati, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-użu propost mill-applikanti. L-Istat Membru rapporteur ressaq l-abbozz tar-rapporti evalwattivi lill-Kummissjoni fil-21 ta’ Lulju 2006 (topramezone), fid-29 ta’ Ottubru 2004 () u fit-30 ta’ Ġunju 2006 (zucchini yellow mosaic virus – tal-varjazzjoni dgħajfa).

(6)

Wara li tressaq l-abbozz tar-rapport evalwattiv mill-Istat Membru rapporteur, instab li hemm il-ħtieġa li tintalab aktar informazzjoni mingħand l-applikant u li l-Istat Membru rapporteur jeżamina dik l-informazzjoni u jressaq il-valutazzjoni tiegħu. Għalhekk, l-eżaminazzjoni tad-dokument għadha għaddejja u mhux se jkun possibbli li l-evalwazzjoni titlesta fil-qafas ta’ żmien stipulat fid-Direttiva 91/414/KEE.

(7)

Minħabba li l-evalwazzjoni s’issa għadha ma identifikat l-ebda periklu imminenti, l-Istati Membri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji mogħtija għall-prodotti għal protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi attivi kkonċernati għal perjodu ta’ 24 xahar skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 91/414/KEE sabiex tkun tista’ titkompla l-eżaminazzjoni tal-inkartamenti. Huwa mistenni li l-evalwazzjoni u l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ deċiżjoni dwar il-possibbiltà li topramezone, fluworid tas-sulfuril u zucchini yellow mosaic virus - tal-varjazzjoni dgħajfa jiġu inklużi fl-Anness I, titlesta fi żmien 24 xahar.

(8)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji għall-prodotti għal protezzjoni tal-pjanti li fihom topramezone, u zucchini yellow mosaic virus - tal-varjazzjoni dgħajfa għal perijodu li ma jaqbiżx l-24 xahar mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 2 ta’ April 2009.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 322, 9.12.2003, p. 28.

(3)  ĠU L 112, 6.5.2003, p. 10.

(4)  ĠU L 236, 31.8.2006, p. 31.


Top