EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1176

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1176/2008 tas- 27 ta’ Novembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 713/2005 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti antibjotiċi ta’ firxa wiesgħa li joriġinaw mill-Indja

ĠU L 319, 29.11.2008, p. 1–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/05/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1176/oj

29.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 319/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1176/2008

tas-27 ta’ Novembru 2008

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 713/2005 li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti antibjotiċi ta’ firxa wiesgħa li joriġinaw mill-Indja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 15 u 19 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

I.   Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri eżistenti

(1)

Il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 713/2005 (2), impona dazju kumpensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti antibjotiċi b’firxa wiesgħa, jiġifieri amoxicillin trihydrate, ampicillin trihydrate u cefalexin li ma tqegħdux f’dożi kkalkulati jew f’forom jew pakketti għal bejgħ bl-imnut (“il-prodott ikkonċernat”) li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi ex 2941 10 10, ex 2941 10 20 u ex 2941 90 00 li joriġinaw mill-Indja. Ir-rata tad-dazju tvarja bejn 17,3 % u 30,3 % għal esportaturi nominati individwalment b’rata ta’ dazju residwu ta’ 32 % impost fuq importazzjonijiet minn esportaturi oħrajn.

II.   Bidu ta’ reviżjoni interim parzjali

(2)

Wara l-impożizzjoni tad-dazju kumpensatorju definittiv il-Gvern tal-Indja (“GTI”) issottemetta li ċ-ċirkustanzi fir-rigward ta’ żewġ skemi ta’ sussidju (l-Iskema tal-Passbook għall-Intitolament tad-Dazju u l-Eżenzjoni mit-Taxxa fuq id-Dħul taħt it-Taqsima 80 HHC tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), inbidlu u dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema. Għaldaqstant, kien sostnut li l-livell ta’ sussidjar x’aktarx li kien naqas u għalhekk miżuri li ġew stabbiliti parzjalment fuq dawn l-iskemi għandhom jiġu riveduti.

(3)

Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza mressqa mill-GTI u qesitha biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu ta’ reviżjoni taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku. Wara li kkunsultat lill-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni bdiet permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3), reviżjoni interim parzjali ex officio tar-Regolament (KE) Nru 713/2005.

(4)

Il-fini tal-investigazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali hija li jiġi vvalutat il-bżonn għat-tkomplija, it-tneħħija jew l-emenda tal-miżuri eżistenti fir-rigward ta’ dawk il-kumpaniji li bbenefikaw minn waħda mill-iskemi ta’ sussidju mibdula jew mit-tnejn li huma, fejn kienet ipprovduta biżżejjed evidenza b’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-avviż ta’ bidu. L-investigazzjoni tar-reviżjoni interim parzjali tivvaluta wkoll il-bżonn, abbażi tal-konklużjonijiet mir-reviżjoni, biex ikunu riveduti l-miżuri applikabbli għal kumpaniji oħra li kkooperaw fl-investigazzjoni li stabbilew il-livell tal-miżuri eżistenti u/jew il-miżura residwi applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha.

III.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni

(5)

L-investigazzjoni kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2006 sal-31 ta’ Marzu 2007 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni għal reviżjoni” jew il-“PIR”).

IV.   Partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(6)

Il-Kummissjoni infurmat lill-GTI u lil dawk il-produtturi esportaturi Indjani li kkooperaw fl-investigazzjoni preċedenti, li kienu msemmija fir-Regolament (KE) Nru 713/2005 u li kienu elenkati fl-avviż ta’ bidu tar-reviżjoni interim parzjali, li nstab li jibbenefikaw minn kwalunkwe waħda miż-żewġ skemi ta’ sussidju allegatament mibdula, kif ukoll lill-produtturi Komunitarji bil-bidu tal-investigazzjoni għal reviżjoni interim parzjali. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu fehmiethom bil-miktub u li jitolbu seduta. Il-kummenti bil-miktub u bil-fomm ippreżentati mill-partijiet kienu kkunsidrati u, meta kien xieraq, ingħata kas tagħhom.

(7)

Fid-dawl tal-għadd apparenti ta’ partijiet involuti f’din ir-reviżjoni, l-użu ta’ teknika ta’ kampjunament għall-investigazzjoni tal-issussidjar kien previst taħt l-Artikolu 27 tar-Regolament bażiku.

(8)

Żewġ produtturi esportaturi biss ippreżentaw ruħhom u pprovdew it-tagħrif mitlub għat-teħid ta’ kampjuni. Għalhekk, l-użu ta’ teknika ta’ kampjunament ma tqiesx li kien hemm bżonnu.

(9)

Madankollu, wieħed mill-produtturi esportaturi msemmija hawn fuq stqarr fit-tweġiba tiegħu għat-teħid tal-kampjuni li ma rċeviex benefiċċji taħt iż-żewġ skemi ta’ sussidju allegatament mibdula (jiġifieri l-Iskema ta’ Passbook għall-Intitolament tad-Dazju u l-Eżenzjoni mit-Taxxa fuq id-Dħul taħt it-Taqsima 80 HHC tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul) jew waqt il-perjodu ta’ investigazzjoni li wassal għall-miżuri fis-seħħ jew il-PIR. Barra minn hekk, din il-kumpanija ma kkooperatx fl-investigazzjoni oriġinali, u ma kien hemm l-ebda bżonn identifikat biex tadatta l-miżura residwa applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha, inkluża din. B’hekk, il-kumpanija ma ssodisfatx id-dispożizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-ambitu tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni interim parzjali kif stabbilit fil-punt (4) tal-avviż ta’ bidu u għalhekk ma setgħetx tipparteċipa f’din l-investigazzjoni ta’ reviżjoni. Il-kumpanija meqjusa kienet informata b’dan.

(10)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-uniku produttur esportatur li kkoopera li kien eleġibbli għal din ir-reviżjoni (Ranbaxy Laboratories Ltd) u l-GTI. Waslu tweġibiet kemm mingħand dak il-produttur u kemm mill-GTI.

(11)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat it-tagħrif kollu li qieset meħtieġ għad-determinazzjoni tal-issussidjar. Saru żjajjar ta’ verifika fl-istabbilimenti tal-partijiet ikkonċernati li ġejjin:

(1)

Il-Gvern tal-Indja

Il-Ministeru tal-Kummerċ, New Delhi.

(2)

Produtturi esportaturi fl-Indja

Ranbaxy Laboratories Ltd., New Delhi.

VI.   Żvelar u kummenti dwar il-proċedura

(12)

Il-GTI u l-partijiet interessati l-oħrajn kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien hemm il-ħsieb li tiġi proposta l-emenda għar-rata applikabbli tad-dazju għall-uniku produttur Indjan li kkoopera u jittawlu l-miżuri eżistenti għall-kumpaniji l-oħrajn kollha li ma kkooperawx ma’ din ir-reviżjoni interim parzjali. Huma ngħataw ukoll żmien raġonevoli biex jikkummentaw. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti kollha tqiesu sew kif stabbilit hawn taħt.

B.   IL-PRODOTT KONĊERNAT

(13)

Il-prodott kopert minn din ir-reviżjoni huwa l-istess prodott bħal dak ikkonċernat mir-Regolament tal-Kunsill, (KE) Nru 713/2005, jiġifieri amoxicillin trihydrate, ampicillin trihydrate u cefalexin li ma tqegħdux f’dożi kkalkulati jew f’forom jew pakketti għal bejgħ bl-imnut li jaqgħu fi ħdan il-kodiċi ex 2941 10 10, ex 2941 10 20 u ex 2941 90 00 u li joriġinaw mill-Indja.

C.   SUSSIDJI

I.   Introduzzjoni

(14)

Abbażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-GTI u l-uniku produttur esportatur li kkoopera u t-tweġibiet tal-kwestjonarju tal-Kummissjoni, l-iskemi li ġejjin, li allegatament jinvolvu l-għoti ta’ sussidji, ġew investigati:

(a)

L-Iskema ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem (li qabel kienet magħrufa bħala l-Iskema ta’ Liċenzja bil-Quddiem);

(b)

L-Iskema ta’ Passbook għall-Intitolament tad-Dazju;

(ċ)

L-Iskema tal-Oġġetti Kapitali għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni;

(d)

L-Iskema ta’ Suq Iffukat;

(e)

L-Iskema tat-Taxxa fuq id-Dħul:

L-Iskema ta’ Eżenzjoni mit-Taxxa fuq id-Dħul għall-Esportazzjoni,

Inċentiv tat-Taxxa fuq id-Dħul għar-Riċerka u l-Iżvilupp;

(f)

L-Iskema ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni.

(15)

L-iskemi (a) sa (d) speċifikati hawn fuq huma bbażati fuq l-Att dwar il-Kummerċ Barrani (Żvilupp u Regolamentazzjoni) tal-1992 (Nru 22 tal-1992) li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Awwissu 1992 (l-“Att dwar il-Kummerċ Barrani”). L-Att dwar il-Kummerċ Barrani jawtorizza lill-GTI biex joħroġ notifiki dwar il-politika ta’ esportazzjoni u importazzjoni. Dawn jinsabu miġbura fil-qosor fid-dokumenti “Politika ta’ Esportazzjoni u Importazzjoni”, li l-Ministeru tal-Kummerċ joħroġ kull ħames snin u jaġġorna regolarment. Dokument wieħed ta’ Politika ta’ Esportazzjoni u Importazzjoni huwa rilevanti għall-PIR ta’ dan il-każ; jiġifieri l-pjan ta’ ħames snin relatat mal-perjodu mill-1 ta’ Settembru 2004 sal-31 ta’ Marzu 2009 (“politika-EXIM 04-09”). Barra minn hekk, il-GTI jistipula l-proċeduri li jirregolaw il-politika EXIM 04-09 f’“Manwal ta’ Proċeduri - mill-1 ta’ Settembru 2004 sal-31 ta’ Marzu 2009, Volum I” (“HOP I 04-09”). Il-Manwal ta’ Proċedura jkun aġġornat ukoll fuq bażi regolari.

(16)

L-Iskemi tat-Taxxa fuq id-Dħul speċifikati hawn fuq taħt (e) huma bbażati fuq l-Att tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1961, li tkun emendata kull sena mill-Att tal-Finanzi.

(17)

L-Iskema ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni speċifikata taħt (f) hija bbażata fuq it-taqsimiet 21 u 35 A tal-Att tal-1949 dwar ir-Regolamentazzjoni tal-Attività Bankarja, li tippermetti lill-Bank ta’ Riserva tal-Indja (“BRI”) jidderieġi lill-banek kummerċjali fil-qasam tal-krediti għall-esportazzjoni.

(18)

Taħt l-Artikolu 11(10) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni stiednet lill-GTI għal konsultazzjonijiet addizzjonali fir-rigward kemm ta’ skemi mibdula u kemm ta’ skemi li baqgħu l-istess bl-għan li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni fattwali fir-rigward tal-iskemi allegati u li jaslu għal soluzzjoni li jaqblu magħha t-tnejn. Wara dawn il-konsultazzjonijiet, u fin-nuqqas ta’ soluzzjoni maqbula mit-tnejn fir-rigward ta’ dawn l-iskemi, il-Kummissjoni inkludiet dawn l-iskemi kollha fl-investigazzjoni tal-issussidjar.

II.   Skemi Speċifiċi

1.   Skema ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem (“AAS”)

(a)   Bażi ġuridika

(19)

Id-deskrizzjoni ddettaljata tal-iskema tinsab fil-paragrafi 4.1.1 sa 4.1.14 tal-politika EXIM 04-09 u l-kapitoli 4.1 sa 4.30 tal-HOP I 04-09. Din l-iskema kienet tissejjaħ Skema ta’ Liċenzja bil-Quddiem matul l-investigazzjoni ta’ reviżjoni preċedenti li wasslet għall-impożizzjoni mir-Regolament (KE) Nru 713/2005 tad-dazju kumpensatorju definittiv fis-seħħ bħalissa.

(b)   Eliġibbiltà

(20)

L-AAS tikkonsisti f’sitt sottoskemi, kif deskritt f’iktar dettall fil-premessa (23). Dawk is-sottoskemi jvarjaw fost l-oħrajn fl-ambitu tal-eliġibbiltà. Il-fabbrikanti-esportaturi u n-negozjanti-esportaturi “marbuta ma’” fabbrikanti sostenituri huma eliġibbli għall-AAS għall-esportazzjonijiet fiżiċi u għall-AAS għall-ħtieġa annwali. Il-fabbrikanti-esportaturi li jfornu lill-esportatur finali huma eliġibbli għall-AAS għall-provvisti intermedji. Il-kuntratturi ewlenin li jfornu lill-kategoriji “meqjusa bħala esportati” msemmija fil-paragrafu 8.2 tal-politika EXIM 04-09, bħall-fornituri ta’ unità orjentata lejn l-esportazzjoni (“EOU”), huma eliġibbli għall-AAS għall-meqjusa bħala esportati. Eventwalment, il-fornituri intermedji għall-fabbrikanti-esportaturi huma eliġibbli għal benefiċċji “meqjusa bħala esportati” taħt is-sottoskemi Ordni għar-Rilaxx bil-Quddiem (“ARO”) u ittra ta’ kreditu interna wara l-oħra.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(21)

Awtorizzazzjonijiet bil-quddiem jistgħu jinħarġu għal:

(i)

Esportazzjonijiet fiżiċi: Din hija s-sottoskema ewlenija. Hija tippermetti l-importazzjoni bla dazju tal-materjali li jidħlu fil-produzzjoni tal-prodott speċifiku li jirriżulta għall-esportazzjoni. “Fiżiku” f’dan il-kuntest tfisser li l-prodott għall-esportazzjoni jrid iħalli t-territorju Indjan. Permess għall-importazzjoni u obbligu għall-esportazzjoni inkluż it-tip ta’ prodott għall-esportazzjoni jkunu speċifikati fl-awtorizzazzjoni.

(ii)

Rekwiżit annwali: Awtorizzazzjoni bħal din mhix marbuta ma’ prodott għall-esportazzjoni speċifiku, imma ma’ grupp usa’ ta’ prodotti (eż. prodotti kimiċi u dawk relatati). Id-detentur tal-awtorizzazzjoni jista’ – sa ċertu limitu fil-valur stabbilit mill-esportazzjonijiet preċedenti – jimporta bla dazju dak kollu li jkun se jintuża fil-manifattura ta’ kwalunkwe oġġett li jaqa’ taħt dan il-grupp ta’ prodotti. Huwa jkun jista’ jagħżel li jesporta kwalunkwe prodott li jirriżulta li jidħol f’dan il-grupp ta’ prodotti billi juża dan il-materjal eżentat mid-dazju.

(iii)

Provvisti intermedji: Din is-sottoskema tkopri l-każijiet meta żewġ fabbrikanti jkun beħsiebhom jipproduċu prodott wieħed għall-esportazzjoni u jaqsmu l-proċess ta’ produzzjoni. Il-fabbrikant-esportatur li jipproduċi l-prodott intermedju jista’ jimporta bla dazju l-materjal li jidħol fil-prodott u jista’ jikseb għal din il-fini l-AAS għall-provvisti intermedji. L-esportatur finali jwassal fit-tmiem il-produzzjoni u jkun obbligat li jesporta l-prodott mitmum.

(iv)

Meqjusa bħala esportati: Din is-sottoskema tippermetti lill-kuntrattur ewlieni li jimporta bla dazju materjali li jidħlu fil-produzzjoni tal-oġġetti li se jinbigħu bħala “meqjusa bħala esportati” lill-kategoriji ta’ klijenti msemmija fil-paragrafu 8.2.(b) sa (f), (g), (i) u (j) tal-politika-EXIM 04-09. Taħt il-GTI, oġġetti meqjusa bħala esportati jirriferu għal dawk it-tranżazzjonijiet fejn l-oġġetti fornuti ma jħallux il-pajjiż. Għadd ta’ kategoriji ta’ provvisti huma kkunsidrati meqjusa bħala esportazzjonijiet sakemm l-oġġetti jiġu ffabbrikati fl-Indja, eż. provvista ta’ oġġetti lil EOU jew lil kumpanija li tkun tinsab f’żona ekonomika speċjali (“SEZ”).

(v)

ARO: Id-detentur tal-AAS li jkun beħsiebu li jġib il-materjal li jidħol fil-prodott minn sorsi indiġeni, minflok ma jimporta direttament, ikollu l-għażla li jġibhom kontra l-AROs. F’każijiet bħal dawn l-Awtorizzazzjonijiet bil-Quddiem ikunu vvalidati bħala AROs u jkunu endorsjati lill-fornitur indiġenu mal-kunsinna tal-oġġetti speċifikati fihom. L-endorsjar tal-ARO jintitola l-fornitur indiġenu għall-benefiċċji ta’ dawk meqjusa bħala esportati kif stabbilit fil-paragrafu 8.3 tal-politika EXIM 04-09 (jiġifieri l-AAS għall-provvisti intermedji/meqjusa bħala esportati, ħlas lura ta’ dazju mħallas fuq oġġetti meqjusa bħala esportati u rifużjoni ta’ dazju tas-sisa finali). Il-mekkaniżmu tal-ARO jirrifondi taxxi u dazji lill-fornitur minflok ma jirrifondihom lill-esportatur finali fil-forma ta’ ħlas lura/rifużjoni ta’ dazji. Ir-rifużjoni ta’ taxxi/dazji hija disponibbli għall-materjali li jidħlu fil-prodott kemm jekk ikunu indiġeni u kemm jekk ikunu importati.

(vi)

Ittra ta’ kreditu interna wara l-oħra: Din is-sottoskema għal darba oħra tkopri l-provvisti indiġeni lil detentur ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem. Id-detentur ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem jista’ javviċina bank biex jiftaħ ittra ta’ kreditu interna favur il-fornitur indiġenu. L-awtorizzazzjoni titħassar mill-bank għall-importazzjoni diretta, b’konnessjoni biss mal-valur u l-volum tal-oġġetti miġjuba minn sorsi indiġeni minflok ma jkunu importati. Il-fornitur indiġenu jkun intitolat għall-benefiċċji ta’ dawk meqjusa bħala esportati kif stipulat fil-paragrafu 8.3 tal-politika EXIM 04-09 (jiġifieri AAS għall-provvisti intermedji/oġġetti meqjusa bħala esportati, ħlas lura ta’ dazju mħallas fuq oġġetti meqjusa bħala esportati u rifużjoni ta’ dazju tas-sisa finali).

Kien stabbilit li waqt il-PIR, l-esportatur li kkoopera kiseb biss konċessjonijiet taħt żewġ sottoskemi marbuta mal-prodott ikkonċernat, jiġifieri (i) AAS għall-esportazzjonijiet fiżiċi u (ii) AAS għall-provvisti intermedji. Għalhekk m’hemmx bżonn li jiġi stabbilit kumpens għas-sottoskemi mhux użati li jifdal.

(22)

Wara l-impożizzjoni mir-Regolament (KE) Nru 713/2005 tad-dazju kumpensatorju definittiv fis-seħħ bħalissa, il-GTI mmodifika s-sistema ta’ verifika applikabbli għall-AAS. F’termini konkreti, għal finijiet ta’ verifika mill-awtoritajiet Indjani, id-detentur ta’ Awtorizzazzjoni bil-Quddiem huwa obbligat legalment li jżomm “rendikont veru u proprju tal-konsum u l-użu ta’ oġġetti importati bla dazju/miksuba lokalment” f’format speċifikat (kapitoli 4.26, 4.30 u l-Appendiċi 23 HOP I 04-09), jiġifieri reġistru tal-konsum effettiv. Dan ir-reġistru għandu jkun ivverifikat minn kontabilist estern imqabbad/kontabilist tal-ispejjeż u x-xogħlijiet li joħroġ ċertifikat li jgħid li r-reġistri preskritti u r-rekords rilevanti ġew eżaminati u t-tagħrif fornut taħt l-Appendiċi 23 huwa minnu u korrett f’kull rigward. Madankollu, id-dispożizzjonijiet msemmija qabel japplikaw biss għal Awtorizzazzjonijiet bil-Quddiem maħruġa nhar it-13 ta’ Mejju 2005 jew wara. Għall-Awtorizzazzjonijiet bil-Quddiem kollha jew għal-Liċenzji bil-Quddiem maħruġa qabel dik id-data, id-detenturi huma mitluba jsegwu d-dispożizzjonijiet ta’ verifika applikabbli preċedentement, jiġifieri li jinżamm rendikont veru u proprju tal-konsum tal-liċenzji u użu ta’ oġġetti importati fil-format speċifikat tal-Appendiċi 18 (kapitolu 4.30 u Appendiċi 18 HOP I 02-07).

(23)

Fir-rigward tas-sottoskemi użati matul il-PIR mill-uniku produttur esportatur li kkoopera, jiġifieri esportazzjonijiet fiżiċi u provvisti intermedji, kemm il-kwota permessa għall-importazzjoni kif ukoll l-obbligu tal-esportazzjoni huma ffissati fil-volum u fil-valur mill-GTI u huma dokumentati fuq l-Awtorizzazzjoni. Barra minn hekk, fil-waqt tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni, it-tranżazzjonijiet korrispondenti jridu jkunu dokumentati mill-uffiċjali tal-Gvern fuq l-Awtorizzazzjoni. Il-volum tal-importazzjonijiet permess taħt din l-iskema jkun iddeterminat mill-GTI fuq il-bażi tan-normi standard ta’ dħul-ħruġ (“SIONs”). Is-SIONs jeżistu għall-biċċa l-kbira tal-prodotti inkluż il-prodott ikkonċernat u huma ppubblikati fil-HOP II 04-09. Wara l-impożizzjoni mir-Regolament (KE) Nru 713/2005 tad-dazju kumpensatorju definittiv fis-seħħ bħalissa, in-normi SION għall-prodott ikkonċernat kienu applikabbli biss sa Settembru 2005. Ħarġu normi ġodda f’Settembru 2006 (għal amoxicillin trihydrate) u f’April 2007 (għal ampicillin trihydrate u cefalexin). Sadattant, applikaw normi ad hoc.

(24)

Il-materjali importati biex jidħlu fil-prodott mhumiex trasferibbli u jridu jintużaw biex jinħadem il-prodott għall-esportazzjoni li jirriżulta. L-obbligu tal-esportazzjoni jrid ikun sodisfatt fi żmien preskritt wara l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni (24 xahar b’żewġ estensjonijiet possibbli ta’ 6 xhur kull waħda).

(25)

L-investigazzjoni tar-reviżjoni stabbiliet li l-materja prima kienet importata taħt awtorizzazzjonijiet/liċenzji differenti u normi SION differenti u mbagħad tħalltu u ġew inkorporati fiżikament fil-proċess ta’ produzzjoni tal-istess oġġett esportat. Wara li tqies dan ta’ hawn fuq, ma kienx possibbli li jiġi stabbilit jekk ir-rekwiżiti tan-normi SION, stipulati taħt awtorizzazzjonijiet/liċenzji speċifiċi, fir-rigward ta’ materjali bla dazju li jidħlu fil-prodott jeċċedux il-materjal meħtieġ biex tiġi prodotta l-kwantità ta’ referenza tal-prodott għall-esportazzjoni li jirriżulta.

(26)

L-investigazzjoni tar-reviżjoni stabbiliet ukoll li r-rekwiżiti tal-verifika stipulati mill-awtoritajiet Indjani jew ma kinux onorati jew ma ġewx ittestjati fil-prattika. Għal-Liċenzji bil-Quddiem maħruġa qabel it-13 ta’ Mejju 2005 r-reġistri tal-ħażna u l-konsum proprju meħtieġa (jiġifieri l-Appendiċi 18) ma kinux jeżistu. Għall-Awtorizzazzjonijiet bil-Quddiem maħruġa wara t-13 ta’ Mejju 2005 r-reġistri tal-ħażna u l-konsum proprju neċessarji ntużaw imma l-GTI kien għadu ma vverifikax il-konformità ta’ dawn ir-reġistri mar-rekwiżiti tal-politika EXIM. F’dan l-aħħar każ, ir-reġistri kienu vverifikati biss minn kontabilist estern mqabbad kif mitlub mil-leġiżlazzjoni Indjana rilevanti msemmija fil-premessa (22). Madankollu, ma kien hemm l-ebda reġistri miżmuma la mill-kumpanija u lanqas mill-kontabilista mqabbad dwar kif seħħ dan il-proċess ta’ ċertifikazzjoni. Ma kien hemm l-ebda pjan ta’ verifika jew kwalunkwe materjal ta’ sostenn ieħor tal-verifika li saret, l-ebda tagħrif irreġistrat dwar il-metodoloġija użata u r-rekwiżit speċifiku meħtieġ għal xogħol skrupluż ta’ dan it-tip li jirrikjedi għarfien tekniku dettaljat dwar il-proċessi tal-produzzjoni, ir-rekwiżiti tal-politika EXIM u l-proċedura tal-kontabbiltà. Wara li tqieset din is-sitwazzjoni, huwa kkunsidrat li l-esportatur investigat ma kienx kapaċi juri li d-dispożizzjonijiet EXIM rilevanti kienu sodisfatti.

(d)   Kummenti dwar l-iżvelar

(27)

L-uniku produttur li kkoopera bagħat kummenti dwar l-AAS. Il-kumpanija sostniet li minkejja s-sitwazzjoni deskritta fil-premessa (24) kien possibbli li jiġi stabbilit jekk rekwiżiti ta’ normi SION stipulati taħt awtorizzazzjonijiet speċifiċi jeċċedux il-materjali meħtieġa biex tiġi prodotta kwantità ta’ referenza tal-prodott għall-esportazzjoni li jirriżulta u li l-kumpanija żammet reġistri tal-konsum proprju b’mod metikoluż ħafna. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li r-reġistri ta’ produzzjoni proprja kkonfermaw li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit punt ta’ riferiment affidabbli għal kull awtorizzazzjoni mogħtija (jiġifieri materjali meħtieġa għall-produzzjoni tal-kwantità ta’ referenza) wara li jitqiesu d-diversi normi SION applikabbli u t-taħlita inkoerenti ta’ materja prima użata għall-produzzjoni. Barra minn hekk, instab li xi materji primi koperti mill-iskema ntużaw għal prodotti li mhumiex il-prodott ikkonċernat. B’hekk, kwalunkwe attentat ta’ kalkolu tar-riżultati tat-trendija għall-prodott fl-investigazzjoni jsiru virtwalment impossibbli. Barra minn hekk, bi ksur tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-GTI, il-kumpanija ma żammitx ir-reġistru ta’ konsum mitlub mill-politika EXIM (jiġifieri l-Appendiċi 18) li l-għan tagħha hu li jinstab mod komprensibbli ta’ monitoraġġ u verifika ta’ konsum proprju. Il-kumpanija sostniet ukoll li l-Artikolu 26(1) tar-Regolament bażiku ma jagħtix is-setgħa lill-Kummissjoni li teżamina r-reġistri tal-kontabilista indipendenti mqabbad. Skont il-kumpanija, iċ-ċertifikat irid ikun aċċettat sakemm ma jkunx hemm raġunijiet biex jitwemmen li l-kontabilista mqabbad għamel ċertifikazzjoni falza. F’dan ir-rigward ta’ min ifakkar li l-proċess ta’ verifika li sar mill-kontabilista mqabbad u l-ħruġ taċ-ċertifikat rilevanti jifforma parti mis-sistema ta’ verifika introdotta mill-GTI fil-politika EXIM tagħha, kif deskritt fil-premessa (22). Il-Kummissjoni għalhekk kienet obbligata teżamina jekk is-sistema ta’ verifika msemmija qabel kinitx applikata b’mod effettiv. Barra minn hekk, b’konformità mal-Artikolu 11(8) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kellha teżamina t-tagħrif fornut matul l-investigazzjoni li l-konklużjonijiet huma bbażati fuqhom.

Il-fatt li la l-kumpanija u lanqas il-kontabilista imqabbad assenjat ma għandhom l-ebda reġistru dwar il-kontrolli li saru sabiex jinħareġ iċ-ċertifikat stipulat mill-politika EXIM juri li l-kumpanija ma kinitx f’pożizzjoni li tipprova li d-dispożizzjonijiet ta’ politika EXIM rilevanti ġew sodisfatti. Il-kumpanija ddisputat il-fatt li l-GTI għadu ma vverifikax il-konformità tar-reġistri tagħha mar-rekwiżiti tal-politika EXIM imma ma pprovdiet l-ebda evidenza konkreta dwar il-pretensjoni tagħha. Kien argumentat ukoll li l-konsum proprju tal-uniku produttur li kkoopera kien ogħla min-normi SION għal kull materjal li jidħol fil-prodott u li ma kien hemm l-ebda remissjoni eċċessiva tad-dazji. Madankollu, wara li tqieset is-sitwazzjoni reali li nstabet fuq il-post (jiġifieri taħlita ta’ materjali li jidħlu fil-prodott u prodotti ffabbrikati, l-użu ta’ normi SION differenti, in-nuqqas tar-reġistri tal-konsum proprji stipulati mill-politika EXIM) u sakemm jintlaħqu l-passi ta’ verifika finali neċessarji mill-GTI, kwalunkwe kalkolu fir-rigward tal-konsum proprju u remissjoni eċċessiva ta’ dazji konsegwenti għal kull awtorizzazzjoni/liċenzja u norma SION ma kienx fattibbli. Għalhekk, il-pretensjonijiet kollha msemmija hawn fuq kellhom jiġu miċħuda. Finalment, il-kumpanija pprovdiet kummenti dwar żball ta’ kalkolu li tqies li hu spjegabbli u kien rikonoxxut fil-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju.

(e)   Konklużjoni

(28)

L-eżenzjoni mid-dazji ta’ importazzjoni hija sussidju fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, jiġifieri kontribut finanzjarju tal-GTI li tagħti benefiċċju lill-esportatur investigat.

(29)

Barra minn hekk, l-AAS għall-esportazzjoni fiżika u l-AAS għall-provvisti intermedji huma b’mod ċar assoċjati fil-liġi mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni, u għalhekk huma meqjusa li jkunu speċifiċi u jistgħu jiġu kumpensati taħt l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku. Mingħajr impenn għall-esportazzjoni kumpanija ma tkunx tista’ tikseb benefiċċji taħt dawn l-iskemi.

(30)

L-ebda waħda miż-żewġ sottoskemi użati fil-każ preżenti ma jistgħu jitqiesu bħala sistemi permissibbli ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistemi alternattivi għall-ħlas lura ta’ dazju fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Huma mhumiex konformi mar-regoli stipulati fl-Anness I partita (i), fl-Anness II (definizzjoni u regoli għall-ħlas lura ta’ dazju) u fl-Anness III (definizzjoni u regoli għal sistemi li jissostitwixxu l-ħlas lura ta’ dazju) tar-Regolament bażiku. Il-GTI ma applikax effettivament is-sistema jew il-proċedura ta’ verifika tiegħu biex jikkonferma jekk u f’liema ammonti l-materja għall-produzzjoni ġietx ikkunsmata fil-produzzjoni tal-prodott esportat (l-Anness II(II)(4) tar-Regolament bażiku u, fil-każ ta’ skemi alternattivi għall-ħlas lura ta’ dazju, l-Anness III(II)(2) tar-Regolament bażiku). Is-SIONs innifishom ma jistgħux jitqiesu sistema ta’ verifika tal-konsum proprju, peress li materjali bla dazju li jidħlu fil-prodott importati taħt awtorizzazzjonijiet/liċenzji b’rendita tas-SIONs differenti jitħalltu fl-istess proċess ta’ produzzjoni għal oġġett ta’ esportazzjoni. Dan it-tip ta’ proċess ma jippermettix lill-GTI biex jivverifika bi preċiżjoni suffiċjenti liema ammonti ta’ materjali li jidħlu fil-prodott kienu kkunsmati fil-produzzjoni tal-esportazzjoni u ma’ liema punt ta’ riferiment SION għandhom jitqabblu. Barra minn hekk, kontroll effettiv li jsir mill-GTI bbażat fuq ir-reġistru tal-konsum proprju miżmum b’mod korrett jew ma sarx jew għadu ma tlestiex. Iktar minn hekk, il-GTI m’għamilx eżami ulterjuri bbażat fuq il-materjali li jidħlu fil-prodott effettivament involuti, għalkemm dan normalment ikollu jsir fin-nuqqas ta’ sistema ta’ verifika applikata b’mod effettiv (l-Anness II(II)(5) u l-Anness III(II)(3) tar-Regolament bażiku). Fl-aħħar nett, l-involviment ta’ kontabilisti mqabbda fil-proċess ta’ verifika ma wassalx għal titjib fis-sistema ta’ verifika peress li ma jeżistu l-ebda regoli dettaljati dwar kif il-kontabilisti mqabbda għandhom iwettqu l-ħidmiet fdati lilhom u t-tagħrif ippreżentat matul l-investigazzjoni mhuwiex biżżejjed biex jissodisfa r-regoli msemmija hawn fuq stipulati fir-Regolament bażiku.

(31)

Dawn iż-żewġ sottoskemi għalhekk jistgħu jiġu kumpensati.

(f)   Kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(32)

Fin-nuqqas ta’ sistemi ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistemi ta’ sostituzzoni ta’ ħlas lura permessi, il-benefiċċju li jista’ jiġi kumpensat huwa r-remissjoni ta’ dazji ta’ importazzjoni totali normalment dovuti mal-importazzjoni tal-materjali li jidħlu fil-prodott. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li r-Regolament bażiku ma jipprovdix biss għall-kumpens għal remissjoni “tal-eċċess” tad-dazji. Taħt l-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Anness I(i) tar-Regolament bażiku remissjoni tal-eċċess tad-dazji tista’ tkun kumpensata, sakemm il-kundizzjonijiet tal-Annessi II u III tar-Regolament bażiku jkunu sodisfatti. Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma kinux sodisfatti fil-każ preżenti. Għalhekk, jekk ikun stabbilit nuqqas ta’ proċess ta’ monitoraġġ adegwat, l-eċċezzjoni ta’ hawn fuq għal skemi ta’ ħlas lura mhix applikabbli u tapplika r-regola normali tal-kumpens għall-ammont ta’ dazji mhux imħallsa (dħul maħfur), iktar milli kwalunkwe remissjoni ta’ eċċess li sar. Kif stabbilit fl-Annessi II(II) u III(II) tar-Regolament bażiku, il-piż tal-kalkolu ta’remissjoni ta’ eċċess bħal dan ma jaqax fuq l-awtorità investigattiva. Kuntrarjament, taħt l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku hija jkollha biss tistabbilixxi biżżejjed evidenza biex tirrifjuta l-adegwatezza ta’ sistema ta’ verifika allegata.

(33)

L-ammont ta’ sussidju għall-esportatur li uża l-AAS kien ikkalkulat abbażi ta’ dazji ta’ importazzjoni maħfura (dazju bażiku tad-dwana u dazju tad-dwana speċjali addizzjonali) fuq il-materjal importat taħt iż-żewġ sottoskemi użati għall-prodott ikkonċernat matul il-PIR (nominatur). Taħt l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku, id-drittijiet li neċessarjament riedu jitħallsu biex jinkiseb is-sussidju tnaqqsu mill-ammont ta’ sussidju meta saru talbiet ġustifikati. Taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta’ sussidju kien allokat fuq il-fatturat mill-esportazzjoni ġġenerat mill-prodott ikkonċernat matul il-PIR bħala denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa assoċjat mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet fabbrikati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

(34)

Ir-rata stabbilita tas-sussidju fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-PIR għall-uniku produttur li kkoopera jammonta għal 8,2 %.

2.   L-Iskema tal-Passbook għall-Intitolar tad-Dazji (“DEPBS”)

(a)   Bażi ġuridika

(35)

Id-deskrizzjoni dettaljata tad-DEPBS tinsab fil-paragrafu 4.3 tal-politika-EXIM 04-09 u fil-kapitolu 4 tal-HOP I 04-09.

(b)   Eliġibbiltà

(36)

Kwalunkwe fabbrikant-esportatur jew negozjant-esportatur huwa eliġibbli għal din l-iskema.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika tad-DEPBS

(37)

Esportatur eliġibbli jista’ japplika għall-krediti tad-DEPBS li jkunu kkalkulati bħala perċentwali tal-valur tal-prodotti esportati taħt din l-iskema. Dawn ir-rati tad-DEPBS kienu stabbiliti mill-awtoritajiet Indjani għall-biċċa l-kbira tal-prodotti, inkluż il-prodott ikkonċernat. Huma jkunu ddeterminati fuq il-bażi tas-SIONs, billi jkun kunsidrat il-kontenut preżunt importat ta’ dak li ddaħħal fil-prodott għall-esportazzjoni u l-inċidenza tad-dazju doganali fuq din l-importazzjoni preżunta irrispettivament minn jekk id-dazji ta’ importazzjoni kinux effettivament tħallsu jew le.

(38)

Biex tkun eliġibbli għall-benefiċċji taħt din l-iskema, il-kumpanija trid tesporta. Fil-mument li tkun qed issir l-esportazzjoni, trid issir dikjarazzjoni mill-esportatur lill-awtoritajiet fl-Indja li tindika illi l-esportazzjoni qed issir taħt id-DEPBS. Sabiex l-oġġetti jkunu esportati, l-awtoritajiet doganali Indjani joħorġu, waqt il-proċedura tad-dispaċċ, il-polza tat-tagħbija tal-esportazzjoni. Dan id-dokument juri, fost l-oħrajn, l-ammont tal-kreditu tad-DEPBS li jrid jingħata għal dik it-tranżazzjoni ta’ esportazzjoni. F’dan il-mument, l-esporatur ikun jaf il-benefiċċju li jkun se jirċievi. Ladarba l-awtoritajiet doganali joħorġu l-polza tat-tagħbija tal-esportazzjoni, il-GTI ma jkollu l-ebda diskrezzjoni dwar l-għoti tal-kreditu tad-DEPBS. Ir-rata tad-DEPBS rilevanti biex ikun ikkalkulat il-benefiċċju hija dik applikata fiż-żmien li ssir id-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni. Għalhekk, ma jkun hemm l-ebda possibbiltà li l-livell tal-benefiċċju jkun emendat b’mod retroattiv.

(39)

Il-krediti tad-DEPBS huma trasferibbli liberament u validi għal perjodu ta’ 12-il xahar mid-data ta’ ħruġ. Dawn jistgħu jintużaw biex jitħallsu d-dazji doganali fuq importazzjonijiet sussegwenti ta’ kwalunkwe oġġetti li jistgħu jkunu importati mingħajr ostakolu, ħlief l-oġġetti kapitali. L-oġġetti importati kontra dawn il-krediti jistgħu jinbiegħu fis-suq domestiku (suġġetti għat-taxxa fuq il-bejgħ) jew jintużaw mod ieħor.

(40)

Applikazzjonijiet għal krediti DEPBS jiġu ffajljati u jistgħu jkopru ammont illimitat ta’ tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni. De facto ma jeżistu l-ebda skadenzi stretti biex wieħed japplika għall-krediti DEPBS. Is-sistema elettronika użata għall-ġestjoni ta’ DEPBS ma teskludix awtomatikament tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni li jaqbżu l-perjodi ta’ skadenza għas-sottomissjonijiet fil-kapitolu 4.47 HOP I 04-09. Barra minn hekk, kif stipulat b’mod ċar fil-kapitolu 9.3 HOP I 04-09 applikazzjonijiet li jaslu wara l-iskadenza taż-żmien għas-sottomissjoni jistgħu dejjem jiġu kkunsidrati bl-impożizzjoni ta’ ħlas minuri ta’ penalità (jiġifieri 10 % fuq l-intitolament).

(d)   Kummenti dwar l-Iżvelar

(41)

Mal-iżvelar l-uniku produttur li kkoopera bagħat kummenti dwar id-DEPBS. Il-kumpanija sostniet li l-benefiċċju DEPB m’għandux ikun kumpensat minħabba li ma tteħidx vantaġġ minnu għall-prodott ikkonċernat. Madankollu, il-kumpanija ma pprovdiet l-ebda argument li jista’ jiddisputa l-implimentazzjonijiet prattiċi tal-iskema kif espressa fil-premessi (37) sa (40). Il-kumpanija sostniet ukoll li l-ammont ta’ kreditu biss tal-esportazzjonijiet li saru matul il-PIR għandhom jintużaw għall-kalkolu tal-benefiċċju tad-dazju mogħti imma naqset milli tissustanzja għala l-metodoloġija tal-kalkolu użata kemm fl-investigazzjoni preżenti u kemm f’dik preċedenti li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti mhumiex konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dawk il-pretensjonijiet kellhom jiġu miċħuda. Finalment, il-kumpanija pprovdiet kummenti dwar żball ta’ kalkolu li tqies li hu spjegabbli u kien rikonoxxut fil-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju.

(e)   Konklużjonjiet dwar id-DEPBS

(42)

Id-DEPBS jipprovdi s-sussidji fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Kreditu DEPBS huwa kontribut finanzjarju mill-GTI, peress li l-kreditu se jintuża eventwalment biex ipaċi d-dazji ta’ importazzjoni, b’hekk jitnaqqas id-dħul mid-dazju tal-GTI li inkella jkun dovut. Barra minn hekk, il-kreditu DEPBS jagħti benefiċċju lill-esportatur, għaliex itejjeb il-likwidità tiegħu.

(43)

Id-DEPBS huwa assoċjat fil-liġi mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni, u għalhekk huwa meqjus bħala speċifiku u jista’ jiġi kumpensat taħt l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(44)

Din l-iskema ma tistax titqies bħala sistema ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistema li tissostitwixxi l-ħlas lura ta’ dazju permissibbli fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Hija mhix konformi mar-regoli stretti stipulati fl-Anness I partita (i), fl-Anness II (definizzjoni u regoli għall-ħlas lura ta’ dazju) u fl-Anness III (definizzjoni u regoli għal sistemi li jissostitwixxu l-ħlas lura ta’ dazju) tar-Regolament bażiku. L-esportatur m’għandu l-ebda obbligu li fil-fatt jikkonsma fil-proċess tal-produzzjoni l-oġġetti importati bla dazju u l-ammont tal-kreditu mhux ikkalkulat b’konnessjoni mal-oġġetti li fil-fatt intużaw. Barra minn hekk, m’hemm l-ebda sistema jew proċedura fis-seħħ biex tikkonferma liema materjali kienu kkunsmati fil-proċess tal-produzzjoni tal-prodott esportat jew jekk kienx sar ħlas żejjed ta’ dazji ta’ importazzjoni fl-ambitu tat-tifsira tal-partita (i) tal-Anness I u l-Annessi II u III tar-Regolament bażiku. Finalment, l-esportatur ikun eliġibbli għall-benefiċċji DEPBS irrispettivament minn jekk jimportax oġġetti biex jidħlu fil-prodott jew le. Sabiex jikseb il-benefiċċju, ikun biżżejjed għall-esportatur li sempliċiment jesporta l-oġġetti mingħajr ma juri li kien importat materjal biex jidħol fil-prodott. B’hekk, anke esportaturi li jakkwistaw lokalment dak kollu li jidħol fil-prodott u ma jimportaw l-ebda oġġett li jista’ jintuża fil-prodott jibqgħu intitolati li jibbenifikaw mid-DEPBS.

(f)   Kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(45)

Taħt l-Artikoli 2(2) u 5 tar-Regolament bażiku u l-metodoloġija ta’ kalkolu użata għal din l-iskema fir-Regolament (KE) Nru 713/2005, l-ammont ta’ sussidji kumpensatorji kien ikkalkulat fit-termini tal-benefiċċju li jingħata lil min jirċevih, li nstab li jeżisti matul il-PIR. F’dan ir-rigward, huwa kkunsidrat illi l-benefiċċju jingħata lil min jirċevih fil-mument meta t-tranżazzjoni tal-esportazzjoni ssir taħt din l-iskema. F’dan il-ħin, il-GTI ikun suġġett li jċedi id-dazji doganali, li jikkostitwixxi kontribut finanzjarju fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Ladarba l-awtoritajiet tad-dwana joħorġu polza tat-tagħbija tal-esportazzjoni li turi, fost l-oħrajn, l-ammont ta’ kreditu DEPBS li jrid jingħata għal dik it-tranżazzjoni tal-esportazzjoni, il-GTI m’għandu l-ebda diskrezzjoni dwar jingħatax jew le s-sussidju u m’għandha l-ebda diskrezzjoni dwar l-ammont ta’ sussidju. Kwalunkwe bidla fir-rati DEPBS bejn l-esportazzjoni proprja u l-ħruġ ta’ liċenzja DEPBS ma għandha l-ebda effett retroattiv fuq il-livell tal-benefiċċju mogħti. Barra minn hekk, l-uniku produttur esportatur li kkoopera bbukkja l-krediti DEPBS fuq bażi tad-dovuti bħala dħul fl-istadju ta’ tranżazzjoni tal-esportazzjoni.

(46)

Meta saru talbiet ġustifikati, id-drittijiet li neċessarjament riedu jitħallsu biex jinkiseb is-sussidju tnaqqsu mill-krediti hekk stabbiliti, biex wieħed jasal għall-ammonti tas-sussidju bħala n-numeratur, taħt l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku. Taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku dan l-ammont ta’ sussidju kien allokat fuq il-fatturat tal-esportazzjoni totali matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni bħala d-denominatur xieraq, għaliex is-sussidju huwa assoċjat mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet fabbrikati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

(47)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-PIR għall-uniku produttur li kkoopera jammonta għal 2,1 %.

3.   Skema tal-Oġġetti Kapitali għall-Promozzjoni tal-Esportazzjoni (“EPCGS”)

(a)   Bażi ġuridika

(48)

Id-deskrizzjoni dettaljata tal-EPCGS tinsab fil-kapitolu 5 tal-politika-EXIM 04-09 u fil-kapitolu 5 tal-HOP I 04-09.

(b)   Eliġibbiltà

(49)

Il-fabbrikanti-esportaturi, in-negozjanti-esportaturi “marbuta ma” fabbrikanti sekondarji u dawk li jipprovdu servizz huma eliġibli għal din l-iskema.

(ċ)   Implimentazzjoni prattika

(50)

Bil-kondizzjoni ta’ obbligu ta’ esportazzjoni, kumpanija titħalla timporta oġġetti kapitali (ġodda u - minn April 2003 - oġġetti kapitali diġà użati li għandhom inqas minn 10 snin) b’rata ta’ dazju mnaqqsa. Għal dan il-għan il-GTI joħroġ liċenzja EPCGS mal-applikazzjoni u l-ħlas ta’ dritt. Minn April 2000, l-iskema tipprovdi għal rata ta’ dazju ta’ importazzjoni mnaqqsa ta’ 5 % applikabbli għall-oġġetti kapitali kollha importati taħt l-iskema. Sal-31 ta’ Marzu 2000, kienet applikabbli rata ta’ dazju effettiva ta’ 11 % (inkluż ħlas ta’ soprataxxa ta’ 10 %) u, fil-każ ta’ importazzjonijiet ta’ valur għoli, kienet tapplika rata ta’ dazju ta’ żero. Sabiex ikun sodisfatt l-obbligu tal-esportazzjoni, l-oġġetti kapitali importati jridu jintużaw biex jipproduċu ċertu ammont ta’ oġġetti għall-esportazzjoni matul ċertu perjodu.

(51)

Id-detentur tal-liċenzja tal-EPCGS jista’ wkoll iġib l-oġġetti kapitali minn pajjiżu stess. F’każ bħal dan, il-fabbrikant indiġenu ta’ oġġetti kapitali jista’ jieħu vantaġġ mill-benefiċċju għal importazzjoni ħielsa mid-dazju ta’ komponenti meħtieġa għall-fabbrikazzjoni ta’ oġġetti kapitali. Alternattivament, il-fabbrikant indiġenu jista’ jiddikjara l-benefiċċju ta’ meqjusa bħala esportati fir-rigward ta’ provvista ta’ oġġetti kapitali għal detentur tal-liċenzja EPCGS.

(d)   Kummenti dwar l-iżvelar

(52)

Mal-iżvelar l-uniku produttur li kkoopera bagħat kummenti dwar l-EPCGS. Il-kumpanija sostniet li fuq il-bażi tal-prinċipji ta’ kontabbiltà ġeneralment aċċettati l-oġġetti kapitali jkunu kkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li l-kumpanija naqset milli tissustanzja din il-pretensjoni billi ssemmi espliċitament l-hekk imsejħa prinċipji ta’ kontabbiltà ġeneralment aċċettabbli u milli tipprovdi analiżi b’relazzjoni mad-dispożizzjonijiet EPCGS rilevanti tal-politika EXIM kif ukoll bħala definizzjoni tal-materjali li jiġu kkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni, kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament bażiku. Hija argumentat ukoll li l-perjodu ta’ deprezzament tal-kumpanija kellu jintuża bħala l-perjodu ta’ deprezzament normali. Madankollu, approċċ bħal dan imur kontra d-dispożizzjoni rilevanti tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, dawn il-pretensjonijiet kellhom jiġu miċħuda. Finalment, il-kumpanija pprovdiet kummenti dwar żball ta’ kalkolu li tqies li hu spjegabbli u kien rikonoxxut fil-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju.

(e)   Konklużjoni dwar l-Iskema tal-EPCG

(53)

L-EPCGS jipprovdi s-sussidji fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. It-tnaqqis fid-dazju jikkostitwixxi kontribut finanzjarju mill-GTI, billi din il-konċessjoni tnaqqas id-dħul mid-dazju tal-GTI, li kieku kien ikun dovut. Barra minn hekk, it-tnaqqis fid-dazju jagħti benefiċċju lill-esportatur, għaliex id-dazji ffrankati mal-importazzjoni jtejbu l-likwidità tiegħu.

(54)

Iktar minn hekk, l-EPCGS hija assoċjata fil-liġi mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni, billi dawn il-liċenzji ma jistgħux jinkisbu mingħajr impenn ta’ esportazzjoni. Għalhekk, titqies bħala speċifika u li tista’ tiġi kumpensata taħt l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(55)

Eventwalment, din l-iskema ma tistax titqies bħala sistema ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistema li tissostitwixxi l-ħlas lura ta’ dazju permissibbli fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. L-oġġetti kapitali mhumiex koperti mill-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ sistemi permissibbli bħal dawn, kif stabbilit fl-Anness I, partita (i), tar-Regolament bażiku, għaliex ma jiġux ikkunsmati fil-produzzjoni tal-prodotti esportati.

(f)   Kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(56)

L-ammont ta’ sussidju kien ikkalkulat, taħt l-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tad-dazju doganali li ma tħallasx fuq l-oġġetti kapitali importati mifrux fuq perjodu li jirrefletti l-perjodu normali ta’ deprezzament ta’ dawn l-oġġetti kapitali fl-industrija tal-antibijotiċi. Skont il-prassi stabbilita, l-ammont ikkalkulat hekk, li huwa attribwibbli għall-PIR, kien aġġustat billi ngħaddu miegħu l-interessi ta’ matul dan il-perjodu sabiex jirrifletti l-valur tal-benefiċċju tul iż-żmien. Ir-rata ta’ interess kummerċjali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni fl-Indja tqieset bħala xierqa għal din il-fini. Fejn saru pretensjonijiet ġustifikati, id-drittijiet li neċessarjament riedu jitħallsu biex jinkiseb is-sussidju tnaqqsu taħt l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament bażiku minn din is-somma biex wieħed jasal għall-ammont ta’ sussidju bħala numeratur. Taħt l-Artikolu 7(2) u 7(3) tar-Regolament bażiku, dan l-ammont ta’ sussidju kien allokat fuq il-fatturat għall-esportazzjoni matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq, għax is-sussidju huwa assoċjat mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet fabbrikati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

(57)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-PIR għall-uniku produttur li kkoopera jammonta għal 0,1 %.

4.   Skema tal-Kreditu għall-Esportazzjoni (“ECS”)

(a)   Bażi ġuridika

(58)

Id-dettalji ta’ l-iskema huma stipulati fiċ-Ċirkulari Prinċipali DBOD Nru DIR.(Exp).BC 01/04.02.02/2007-08 tal-Bank tar-Riserva tal-Indja (“RBI”), li huma indirizzati lill-banek kummerċjali kollha fl-Indja.

(b)   Eliġibbiltà

(59)

Il-fabbrikanti esportaturi u n-negozjanti esportaturi huma eliġibbli għal din l-iskema.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(60)

Taħt din l-iskema, l-RBI jiffissa b’mod obbligatorju l-limiti massimi ta’ rati ta’ interess applikabbli għall-krediti għall-esportazzjoni, kemm fir-Rupee Indjan u kemm f’muniti barranin, li l-banek kummerċjali jistgħu jiċċarġjaw lill-esportatur. L-ECS tikkonsisti f’żewġ sottoskemi, l-Iskema ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni qabel l-Oġġetti Jintbagħtu Barra (“kreditu għall-ippakkjar”), li tkopri krediti pprovduti lill-esportatur biex jiffinanzja x-xiri, l-ipproċessar, il-fabbrikazzjoni, l-ippakkjar u/jew it-trasport tal-oġġetti qabel ikunu esportati, u l-Iskema ta’ Kreditu għall-Esportazzjoni wara li l-Oġġetti Jintbagħtu Barra, li tistipula għal self ta’ kapital għall-ħidma bil-fini li jiġu iffinanzjati l-ammonti riċevibbli tal-esportatazzjoni. L-RBI jordna wkoll lill-banek biex jipprovdu ċertu ammont mill-kreditu bankarju nett tagħhom għall-finanzjament tal-esportazzjoni.

(61)

Bħala riżultat taċ-Ċirkulari Prinċipali RBI, l-esportaturi jistgħu jiksbu krediti għall-esportazzjoni b’rati ta’ interess preferenzjali meta mqabbla mar-rati ta’ interess għall-kreditu kummerċjali ordinarji (“kreditu f’kontanti”), li huma ffissati purament taħt il-kondizzjonijet tas-suq. Id-differenzi fir-rati jistgħu jonqsu għall-kumpaniji bi klassifikazzjonijiet ta’ kreditu tajbin. Fil-fatt, kumpaniji bi klassifikazzjoni għolja jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jiksbu krediti ta’ esportazzjoni u krediti f’kontanti bl-istess kundizzjonijiet.

(d)   Kummenti dwar l-iżvelar

(62)

Mal-iżvelar l-uniku produttur li kkoopera bagħat kummenti dwar l-ECS. Il-kumpanija argumentat li (i) m’hemm l-ebda finanzjament pubbliku fl-għoti ta’ kreditu ta’ esportazzjoni f’munita barranija, (ii) ir-rati baxxi tagħha għall-kreditu ta’ esportazzjoni f’munita barranija kien dovut għall-klassifikazzjoni bi kreditu għoli tal-kumpanija u (iii) ir-rata ta’ interess użata bħala punt ta’ riferiment għall-kreditu f’munita barranija ma għandux ikun l-istess bħal dak użat għall-kreditu bir-rupee Indjan. F’dan ir-rigward ta’ min jinnota li kemm il-kreditu ta’ esportazzjoni bir-rupee Indjan u kemm dak f’munita barranija jagħmlu parti mill-istess Ċirkulari Prinċipali RBI, bl-implimentazzjonijiet prattiċi deskritti fil-premessi (60) u (61), li d-dispożizzjonijiet dettaljati u restrittivi tagħha juru li l-finanzjament u r-rati ta’ interess intaxxati għal kreditu għall-esportazzjoni f’munita barranija huma marbuta b’mod ċar ma’ direttivi imposti mill-gvern. Fir-rigward tar-rata tal-punt ta’ riferiment, ta’ min jinnota li dan kien irrappurtat mill-kumpanija fuq il-kreditu f’rupees Indjani u, b’konformità mal-politiki rilevanti taċ-Ċirkulari Prinċipali RBI, l-esportaturi għandhom il-kapaċità li jgħaddu liberament bħala l-istess tranżazzjoni ta’ esportazzjoni minn kreditu f’rupees għal kreditu f’munita barranija. Għalhekk tqies xieraq li tintuża bħala punt ta’ riferiment l-unika rata rrapportata mill-kumpanija bħala r-rata ta’ interess Indjana normali. Għalhekk, dawk il-pretensjonijiet kellhom jiġu miċħuda. Finalment, il-kumpanija pprovdiet kummenti dwar żball ta’ kalkolu li tqies li hu spjegabbli u kien rikonoxxut fil-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju.

(e)   Konklużjoni dwar l-ECS

(63)

Ir-rati ta’ interess preferenzjali ta’ kreditu ECS stabbiliti miċ-Ċirkulari Prinċipali RBI msemmi fil-premessa (58) jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-interessi ta’ esportatur kif imqabbla mal-ispejjeż ta’ kreditu stabbiliti purament mill-kundizzjonijiet tas-suq u jikkonferixxu f’dan il-każ benefiċċju fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku fuq esportatur bħal dan. Il-finanzjament ta’ esportazzjoni mhuwiex per se iktar sikur mill-finanzjament domestiku. Fil-fatt, normalment jitqies bħala iktar riskjuż u l-ammont ta’ sikurezza meħtieġa għal ċertu kreditu, irrispettivament mill-oġġett finanzjarju, hija purament deċiżjoni kummerċjali ta’ bank kummerċjali partikolari. Differenzi fir-rati fir-rigward ta’ banek differenti huma r-riżultat tal-metodoloġija tal-RBI biex jiffissa rati massimi ta’ self għal kull bank kummerċjali individwalment. Barra minn hekk, banek kummerċjali ma jkunux obbligati li jgħaddu lis-selliefa ta’ finanzjament ta’ esportazzjoni rati ta’ interess iktar vantaġġjużi għal krediti ta’ esportazzjoni f’munita barranija.

(64)

Minkejja l-fatt li l-krediti preferenzjali taħt l-ECS jingħataw mill-banek kummerċjali, dan il-benefiċċju huwa kontribut finanzjarju mill-gvern fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku. F’dan il-kuntest, ta’ min jinnota li la l-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku u lanqas l-ASCM ma jirrikjedu ħlas fuq il-kontijiet pubbliċi, eż. rimborż lill-banek kummerċjali mill-GTI, biex jiġi stabbilit sussidju, imma biss direzzjoni mill-gvern biex jitwettqu funzjonijiet illustrati fil-punti (i), (ii) jew (iii) tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament bażiku. L-RBI huwa istituzzjoni pubblika u li taqa’ għalhekk taħt id-definizzjoni ta’ “gvern” kif stabbilit fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament bażiku. Huwa 100 % proprjetà tal-gvern, għandu għanijiet ta’ politika pubblika, eż. politika monetarja, u t-tmexxija tiegħu hija appuntata mill-GTI. L-RBI jidderieġi l-entitajiet privati, fl-ambitu tat-tifsira tat-tieni inċiż tal-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku, peress li l-banek kummerċjali huma marbuta bil-kundizzjonijiet li huwa jimponi, fost l-oħrajn, fir-rigward tal-limiti massimi għar-rati ta’ interess fuq krediti ta’ esportazzjoni imposti fiċ-Ċirkulari Prinċipali RBI u d-dispożizzjonijiet RBI li l-banek kummerċjali għandhom jipprovdu ċertu ammont tal-kreditu bankarju nett lejn il-finanzjament tal-esportazzjoni. Din id-direzzjoni tobbliga lill-banek kummerċjali jwettqu funzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)(a)(i) tar-Regolament bażiku, f’dan il-każ self fil-forma ta’ finanzjament ta’ esportazzjoni preferenzjali. Trasferiment dirett ta’ fondi bħal dan fil-forma ta’ self b’ċerti kundizzjonijiet normalment jaqa’ f’idejn il-gvern, u l-prassi ma tvarja bl-ebda mod reali mill-prassi li normalment isegwu l-gvernijiet fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku. Dan is-sussidju jitqies li hu speċifiku u jista’ jiġi kumpensat peress li r-rati ta’ interess preferenzjali huma disponibbli biss f’relazzjoni mal-finanzjament ta’ tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni u għalhekk huma marbuta ma’ kif tkun marret l-esportazzjoni, taħt l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(f)   Kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(65)

L-ammont ta’ sussidju kien ikkalkulat fuq il-bażi tad-differenza bejn l-interessi mħallsa fuq il-krediti għall-esportazzjoni użat matul il-PIR u r-rata ta’ interessi li kieku kienet tkun trid titħallas għal krediti kummerċjali ordinarji użati mill-uniku produttur esportatur li kkoopera. Dan l-ammont ta’ sussidju (nominatur) kien allokat fuq il-fatturat totali mill-esportazzjoni matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, għax is-sussidju huwa assoċjat mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet fabbrikati, prodotti esportati jew ittrasportati.

(66)

Ir-rata stabbilita tas-sussidju fir-rigward ta’ din l-iskema għall-PIR għall-uniku produttur esportatur li kkoopera jammonta għal 1,3 %.

5.   Skemi tat-Taxxa fuq id-Dħul

(a)   Skema ta’ Eżenzjoni tat-Taxxa fuq id-Dħul (“ITES”)

It-Taqsima 80HHC tal-Att dwar it-Taxxa fuq id-Dħul tal-1961 (“ITA”)

(67)

B’din l-iskema l-esportaturi jistgħu jieħdu vantaġġ mill-benefiċċju ta’ eżenzjoni parzjali mit-taxxa fuq id-dħul fuq il-profitti li ġejjin mill-bejgħ b’esportazzjoni. Il-bażi ġuridika għal din l-eżenzjoni kienet stabbilita fit-Taqsima 80 HHC tal-ITA.

(68)

Din id-dispożizzjoni kienet tħassret għas-sena ta’ stima 2005-2006 (jiġifieri għas-sena finanzjarja mill-1 ta’ April 2004 sal-31 ta’ Marzu 2005) ‘il quddiem u għalhekk 80HHC tal-ITA ma jikkonferixxi l-ebda benefiċċji wara l-31 ta’ Marzu 2004. L-uniku produttur esportatur li kkoopera ma ħa vantaġġ mill-ebda benefiċċji taħt din l-iskema matul il-PIR. Għaldaqstant, peress li l-iskema kienet irtirata, hija m’għandhiex għalhekk tiġi kumpensata, taħt l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

(b)   Inċentiv tat-Taxxa fuq id-Dħul għar-Riċerka u l-Iżvilupp (“ITIRAD”)

(i)   Bażi ġuridika

(69)

Id-deskrizzjoni dettaljata tal-ITIRAD hija stabbilita fit-taqsima 35(2AB) tal-ITA.

(ii)   Eliġibbiltà

(70)

Il-kumpaniji involuti fin-negozju tal-bijoteknoloġija jew tal-fabbrikazzjoni jew il-produzzjoni tad-drogi, farmaċewtiċi, kimiċi, tagħmir elettroniku, kompjuters, tagħmir ta’ telekomunikazzjoni, kimiċi jew kwalunkwe artikolu jew ħaġa oħra kif jista’ jkun nnotifikat huma eliġibbli għall-benefiċċji taħt din l-iskema.

(iii)   Implimentazzjoni prattika

(71)

Għal kwalunkwe nfiq (ħlief l-ispiża tal-art jew tal-bini) fuq riċerka interna u faċilitajiet ta’ żvilupp kif approvati mid-Dipartiment tar-Riċerka Xjentifika u Industrijali tal-GTI, jista’ jsir tnaqqis ta’ somma ta’ daqs 150 % tal-ispejjeż de facto mġarrba għal finijiet tat-taxxa fuq id-dħul. B’hekk, permezz ta’ tnaqqis ta’ 50 % tal-ispejjeż fittizji (jiġifieri spejjeż mhux effettivament imġarrba), il-bażi tat-taxxa fuq id-dħul u sussegwentement il-piż tat-taxxa fuq id-dħul jonqsu b’mod artifiċjali.

(iv)   Kummenti dwar l-iżvelar

(72)

Ma ntbagħtu l-ebda kummenti dwar l-ITIRAD wara l-iżvelar.

(v)   Konklużjoni dwar l-ITIRAD

(73)

L-ITIRAD jipprovdi s-sussidji fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. It-tnaqqis artifiċjali tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul skont it-taqsima 35(2AB) tal-ITA jikkostitwixxi kontribut finanzjarju mill-GTI, billi dan inaqqas id-dħul tal-GTI mit-taxxa fuq id-dħul, li kieku kien ikun dovut. Barra minn hekk, it-tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul jagħti benefiċċju lill-kumpanija, għax itejjeb il-likwidità tagħha.

(74)

L-għażla tal-kliem tat-taqsima 35(2AB) ITA tipprova li l-ITIRAD huwa de jure speċifiku fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament bażiku u għalhekk jista’ jiġi kumpensat. L-eliġibbiltà għal din l-iskema mhix iggvernata minn kriterji oġġettivi, li huma newtrali fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament bażiku. Il-benefiċċji minn din l-iskema huma disponiibbli biss għal ċerti industriji peress li l-GTI m’għamilx din l-iskema disponibbli għas-setturi kollha. Limitazzjoni bħal din tikkostitwixxi speċifiċità, peress li l-kategorija “grupp ta’ industriji” fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku tiddeskrivi sinonimament restrizzjonijiet tas-settur. Din ir-restrizzjoni mhix ekonomika fin-natura u orizzontali fl-applikazzjoni bħal restrizzjoni fuq l-għadd ta’ impjegati jew id-daqs tal-intrapriża.

(vi)   Kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(75)

L-ammont ta’ sussidju kien ikkalkulat fuq il-bażi tad-differenza bejn it-taxxa fuq id-dħul dovuta għall-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni bl-applikazzjoni tad-dispożizzjoni ta-taqsima 35(2AB) tal-ITA jew mingħajrha. Dan l-ammont ta’ sussidju (nominatur) kien allokat fuq il-fatturat totali matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, għax is-sussidju huwa relatat mal-bejgħ kollu, domestiku u esportat, u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet fabbrikati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

(76)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-PIR għall-uniku produttur esportatur li kkoopera jammonta għal 0,1 %.

6.   Skema ta’ Fokus fuq is-Suq (“FMS”)

(a)   Bażi ġuridika

(77)

Id-deskrizzjoni dettaljata tal-FMS tinsab fil-kapitolu 3.9 tal-politika-EXIM 04-09 u fil-kapitolu 3.20 tal-HOP I 04-09.

(b)   Eliġibbiltà

(78)

Kwalunkwe fabbrikant-esportatur jew negozjant-esportatur huwa eliġibbli għal din l-iskema.

(c)   Implimentazzjoni prattika

(79)

Taħt din l-iskema l-esportazzjonijiet tal-prodotti kollha lejn pajjiżi notifikati taħt l-Appendiċi-37-C ta’ HOP I 04-09 huma intitolati għal ekwivalenti ta’ kreditu fuq id-dazju ta’ 2,5 % tal-valur FOB tal-prodotti esportati taħt din l-iskema. Ċertu tip ta’ attivitajiet ta’ esportazzjoni huma esklużi mill-iskema, eż. esportazzjonijiet ta’ oġġetti importati jew oġġetti mibgħuta, oġġetti meqjusa bħala esportati, esportazzjonijiet ta’ servizzi u fatturat tal-esportazzjoni ta’ unitajiet li joperaw taħt żoni ekonomiċi speċjali/unitajiet li joperaw fl-esportazzjoni. Esklużi wkoll mill-iskema huma ċerti tipi ta’ prodotti, eż. djamanti, metalli prezzjużi, minerali, ċereali, zokkor u prodotti taż-żejt.

(80)

Il-krediti tad-dazju taħt l-FMS huma trasferibbli liberament u validi għal perjodu ta’ 24 xahar mid-data ta’ ħruġ taċ-ċertifikat ta’ intitolament tal-kreditu rilevanti. Dawn jistgħu jintużaw biex jitħallsu d-dazji doganali fuq importazzjonijiet sussegwenti ta’ kwalunkwe oġġetti li jidħlu fil-prodott jew oġġetti, inklużi oġġetti kapitali.

(81)

Iċ-ċertifikat ta’ intitolament ta’ kreditu jinħareġ mill-port minn fejn saru l-esportazzjonijiet u wara r-realizzazzjoni tal-esportazzjonijiet jew li jintbagħtu l-oġġetti. Sakemm l-applikant jipprovdi lill-awtoritajiet kopji tad-dokumentazzjoni tal-esportazzjoni rilevanti kollha (eż. ordni ta’ esportazzjoni, fatturi, poloz tat-tagħbija, ċertifikati ta’ realizzazzjoni mill-bank), il-GTI ma għandu l-ebda diskrezzjoni fuq l-għoti tal-krediti tad-dazju.

(d)   Kummenti dwar l-iżvelar

(82)

Mal-iżvelar l-uniku produttur li kkoopera bagħat kummenti dwar l-FMS. Il-kumpanija argumentat li l-iskema hija relatata ġeografikament ma’ pajjiżi oħrajn u ma tistax tkun kumpensata mill-KE. Madankollu, ma kinitx kapaċi tiddisputa la l-implimentazzjoniet prattiċi tal-iskema u lanqas il-mod kif jintuża l-benefiċċju tal-FMS, kif intqal fil-premessi (79) sa (81). Għalhekk, din il-pretensjoni kellha tiġi miċħuda. Finalment, il-kumpanija pprovdiet kummenti dwar żball ta’ kalkolu li tqies li hu spjegabbli u kien rikonoxxut fil-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju.

(e)   Konklużjoni dwar l-FMS

(83)

L-FMS jipprovdi s-sussidji fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku. Kreditu ta’ dazju tal-FMS huwa kontribut finanzjarju mill-GTI, billi l-kreditu se jintuża eventwalment biex ipaċi d-dazji ta’ importazzjoni, b’hekk jitnaqqas id-dħul mid-dazju tal-GTI li inkella kien ikun dovut. Barra minn hekk, il-kreditu tad-dazju tal-FMS jagħti benefiċċju lill-esportatur, għaliex itejjeb il-likwidità tiegħu.

(84)

Iktar minn hekk, l-FMS huwa assoċjat fil-liġi mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni, u għalhekk huwa meqjus bħala speċifiku u jista’ jiġi kumpensat taħt l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku.

(85)

Din l-iskema ma tistax titqies bħala sistema ta’ ħlas lura ta’ dazju jew sistema li tissostitwixxi l-ħlas lura ta’ dazju permissibbli fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku. Hija mhix konformi mar-regoli stretti stipulati fl-Anness I partita (i), fl-Anness II (definizzjoni u regoli għall-ħlas lura ta’ dazju) u fl-Anness III (definizzjoni u regoli għal sistemi li jissostitwixxu l-ħlas lura ta’ dazju) tar-Regolament bażiku. L-esportatur m’għandu l-ebda obbligu li fil-fatt jikkonsma fil-proċess tal-produzzjoni l-oġġetti importati bla dazju u l-ammont tal-kreditu mhux ikkalkulat b’konnessjoni mal-oġġetti li fil-fatt intużaw. M’hemm l-ebda sistema jew proċedura fis-seħħ biex tikkonferma liema materjali kienu kkunsmati fil-proċess tal-produzzjoni tal-prodott esportat jew jekk kienx sar ħlas żejjed ta’ dazji ta’ importazzjoni fl-ambitu tat-tifsira tal-partita (i) tal-Anness I u l-Annessi II u III tar-Regolament bażiku. Esportatur ikun eliġibbli għall-benefiċċji tal-FMS mingħajr ma jingħata kas jekk fil-fatt jimportax oġġetti biex jidħlu fil-prodott jew le. Sabiex jikseb il-benefiċċju, ikun biżżejjed għall-esportatur li sempliċiment jesporta l-oġġetti mingħajr ma juri li kien importat materjal biex jidħol fil-prodott. B’hekk, anke esportaturi li jakkwistaw lokalment dak kollu li jidħol fil-prodott u ma jimportaw l-ebda oġġett li jista’ jintuża fil-prodott jibqgħu intitolati li jibbenifikaw mill-FMS. Barra minn hekk, esportatur jista’ juża l-krediti tad-dazju FMS sabiex jimporta oġġetti kapitali għalkemm l-oġġetti kapitali mhumiex koperti mill-ambitu ta’ dawn is-sistemi permissibbli ta’ ħlas lura ta’ dazju, kif stabbilit fl-Anness I, partita (i), tar-Regolament bażiku, għaliex huma ma jiġux ikkunsmati fil-produzzjoni tal-prodotti esportati.

(f)   Kalkolu tal-ammont ta’ sussidju

(86)

L-ammont ta’ sussidji li jistgħu jiġu kumpensati kien ikkalkulat f’termini tal-benefiċċju li jingħata min jirċevih, li jinstab li jeżisti matul il-PIR kif prenotat mill-produttur esportatur li kkoopera fuq bażi ta’ żieda bħala dħul fl-istadju ta’ tranżazzjoni tal-esportazzjoni. Taħt l-Artikolu 7(2) u 7(3) tar-Regolament bażiku dan l-ammont ta’ sussidju (nominatur) kien allokat fuq il-fatturat għall-esportazzjoni matul il-PIR bħala d-denominatur xieraq, għax is-sussidju huwa assoċjat mal-mod kif tkun marret l-esportazzjoni u ma ngħatax b’referenza għall-kwantitajiet fabbrikati, prodotti, esportati jew ittrasportati.

(87)

Ir-rata ta’ sussidju stabbilita fir-rigward ta’ din l-iskema matul il-PIR għall-uniku produttur esportatur li kkoopera jammonta għal 0,1 %.

III.   Ammont ta’ sussidji li jistgħu jiġu kumpensati

(88)

Ta’ min ifakkar li fir-Regolament (KE) Nru 713/2005 l-ammont ta’ sussidji li jista’ jiġi kumpensat, espress ad valorem, instab li kien 35,1 % għall-uniku produttur esportatur li kkoopera mar-reviżjoni interim parzjali preżenti.

(89)

Matul ir-reviżjoni interim parzjali preżenti l-ammont ta’ sussidji kumpensatorji, espressi ad valorem, instab li kien 11,9 %, kif imniżżel hawn taħt:

SKEMA

KUMPANIJA

AAS

DEPBS

EPCGS

ECS

ITIRAD

FMS

Total

%

%

%

%

%

%

%

Ranbaxy Laboratories Ltd.

8,2

2,1

0,1

1,3

0,1

0,1

11,9

(90)

Wara li tqies dan ta’ hawn fuq il-konklużjoni kienet li l-livell ta’ sussidju fir-rigward tal-uniku produttur esportatur li kkoopera naqas.

IV.   Miżuri kumpensatorji

(91)

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-bażijiet ta’ din ir-reviżjoni interim parzjali mniżżla fil-punt 3 tal-avviż ta’ bidu, huwa stabbilit li l-livell ta’ sussidjar fir-rigward tal-uniku produttur li kkoopera naqas minn 35,1 % għal 11,9 % u, għalhekk, ir-rata ta’ dazju kumpensatorju, impost fuq dan il-produttur esportatur mir-Regolament (KE) Nru 713/2005 jrid jiġi emendat kif meħtieġ.

(92)

F’dan ir-rigward, ta’ min ifakkar li taħt ir-Regolament (KE) Nru 713/2005 r-rata ta’ sussidju ta’ Ranbaxy Laboratories Ltd. kienet ogħla mil-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara. Taħt l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, id-dazju iktar baxx li jirrifletti l-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara tqies adegwat biex titneħħa l-ħsara lill-industrija Komunitarja u għalhekk ir-rata ta’ dazju kumpensatorju applikabbli għall-importazzjonijiet minn Ranbaxy Laboratories Ltd. kien iffissat għal 30,3 %.

(93)

Wara li tqies dan ta’ hawn fuq u peress li r-rata ta’ sussidji issa hija iktar baxxa mil-livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara, ir-rata ta’ dazju kumpensatorju tal-kumpanija individwali applikabbli għall-uniku produttur esportatur li kkoopera, Ranbaxy Laboratories Ltd., huwa ffissat għal 11,9 %.

(94)

Fir-rigward tal-kumpaniji l-oħra kollha li ma kkooperawx mar-reviżjoni interim parzjali preżenti, ta’ min jinnota li l-modalitajiet tal-iskemi investigati u kemm jistgħu jkunu kumpensati ma nbidlux fir-rigward tal-investigazzjoni preċedenti. B’hekk m’hemm l-ebda mod biex jerġgħu jiġu kkalkulati s-sussidju u r-rati ta’ dazju tal-kumpaniji li ma kkooperawx mar-reviżjoni interim parzjali preżenti. Għaldaqstant, ir-rati tad-dazju applikabbli għall-partijiet l-oħrajn kollha ħlief Ranbaxy Laboratories Ltd imsemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 713/2005 jibqgħu l-istess.

(95)

Ir-rati tad-dazju kumpensatorju ta’ kumpanija individwali speċifikati f’dan ir-Regolament jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba waqt ir-reviżjoni interim parzjali. B’hekk, huma applikabbli biss għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott minn dawn il-kumpaniji. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fabbrikat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikatament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet konnessi ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenifikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(96)

Kull talba għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju kumpensatorju individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda għall-produzzjoni jew għall-bejgħ) għandha tkun indirizzata lill-Kummissjoni (4) minnufih bl-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, bejgħ domestiku jew għall-esportazzjoni, assoċjati, pereżempju, ma’ dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet għall-produzzjoni jew għall-bejgħ. Jekk ikun xieraq, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni hija b’dan mogħtija s-setgħa li temenda r-Regolament għal dik ir-raġuni billi taġġorna l-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati ta’ dazju individwali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 713/2005 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Ir-rata ta’ dazju applikabbli għall-prezz nett liberu fuq il-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju fuq l-importazzjonijiet prodotti fl-Indja mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkun kif ġej:

17,3 % għal KDL Biotech Ltd., Mumbai (kodiċi addizzjonali TARIC: A580),

28,1 % għal Nectar Lifesciences Ltd., Chandigarh (kodiċi addizzjonali TARIC: A581),

25,3 % għal Nestor Pharmaceuticals Ltd., New Delhi (kodiċi addizzjonali TARIC: A582),

11,9 % għal Ranbaxy Laboratories Ltd., New Delhi (kodiċi addizzjonali TARIC: 8221),

28,1 % għal Torrent Gujarat Biotech Ltd., Ahmedabad (kodiċi addizzjonali TARIC: A583),

28,1 % għal Surya Pharmaceuticals Ltd., Chandigarh (kodiċi addizzjonali TARIC: A584),

32 % għall-kumpaniji l-oħra kollha (kodiċi addizzjoniali TARIC: 8900).”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Novembru 2008.

Ghall-Kunsill

Il-President

M. ALLIOT-MARIE


(1)  ĠU L 288, 21.10.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 121, 13.5.2005, p. 1.

(3)  ĠU C 212, 11.9.2007, p. 10.

(4)  European Commission – Directorate General for Trade – Directorate B – J-79 4/23 – Rue de la Loi/Wetstraat 200 – B-1049 Brussels.


Top