Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0608

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2008 tas- 26 ta' Ġunju 2008 li jissospendi temporanjament id-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti ċereali għas-sena tas-suq 2008/2009

    ĠU L 166, 27.6.2008, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/10/2008; Imħassar b' 32008R1039

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/608/oj

    27.6.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 166/19


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 608/2008

    tas-26 ta' Ġunju 2008

    li jissospendi temporanjament id-dazji doganali fuq l-importazzjoni ta’ ċerti ċereali għas-sena tas-suq 2008/2009

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1), u partikolarment l-Artikolu 187 flimkien ma’ l-Artikolu 4 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex jiffavorixxi l-forniment tas-suq Komunitarju biċ-ċereali matul is-sena tas-suq 2007/2008, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2008 ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007 li jwassal għal sospensjoni temporanja tad-dazji tad-dwana fuq l-importazzjoni ta’ ċerti ċereali għas-sena finanzjarja ta’ bejgħ 2007/2008 (2) ssospenda d-dazji msemmija sat-30 ta' Ġunju 2008, filwaqt li ppreveda l-possibbiltà li dawn jerġgħu jiġu stabbiliti fil-każ ta' theddidiet jew taqlib fis-suq tal-Komunità. Il-qagħda tas-suq wara l-adozzjoni ta' din il-miżura u l-prospettivi ta' l-iżviluppi fi żmien qasir ma għandhomx iwasslu għall-istabbiliment mill-ġdid tad-dazji, minħabba s-sitwazzjoni osservata tal-prezzijiet. Is-sospensjoni tad-dazji għaldaqstant għandha tibqa' tapplika, abbażi ta' dan it-test, sa l-aħħar tas-sena tas-suq 2007/2008.

    (2)

    Il-prospettivi ta' żviluppi fis-suq taċ-ċereali għall-bidu tas-sena tas-suq li jmiss jagħtu lok għall-preżunzjoni li l-prezzijiet għandhom jibqgħu għoljin, fid-dawl tal-livelli baxxi ta' l-istokkijiet u ta' l-istat attwali ta' l-istimi tal-Kummissjoni rigward il-kwantitajiet li effettivament se jkunu disponibbli wara l-ħsad ta' l-2008. Biex tkun faċilitata ż-żamma tal-flussi ta' l-importazzjoni siewja għall-ekwilibriju tas-suq, tirriżulta għalhekk ta' ħtieġa l-garanzija ta' kontinwità fil-politika ta' l-importazzjoni taċ-ċereali billi tinżamm is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali ta' l-importazzjoni għas-sena tas-suq 2008/2009, għaċ-ċereali li fil-preżent qed igawdu minn din il-miżura. Barra minn hekk, sabiex ikunu applikati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ provvista tas-suq tal-Komunità għal ċerti ċereali oħra, jirriżulta tajjeb li l-miżura titwessa’ għall-prodotti koperti bil-kodiċijiet NM 1008 10 00 u NM 1008 20 00.

    (3)

    Is-sospensjoni tad-dazji għandha, madankollu, tkun tista' titneħħa bla dewmien fil-każ ta' taqlib jew theddidiet ta' taqlib fis-suq tal-Komunità, partikolarment fi rbit mal-kwantitajiet importati jew jekk iċ-ċereali tal-ħsad il-ġdid ikunu disponibbli fis-suq fi kwantitajiet suffiċjenti biex jiżguraw l-ekwilibriju tas-suq. Għalhekk, jeħtieġ li tkun prevista l-possibbiltà li Kummissjoni tieħu miżuri xierqa bla dewmien sabiex tistabbilixxi mill-ġdid id-dazji doganali, hekk kif il-qagħda tas-suq tkun tiġġustifika dan, u tiddetermina l-kriterji biex il-qagħda tas-suq titqies bħala tali.

    (4)

    Il-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma ressaqx fehemtu fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   L-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni tal-prodotti koperti bil-kodiċijiet NM 1001 90 99, NM 1001 10, NM 1002 00 00, NM 1003 00, NM 1005 90 00, NM 1007 00 9, NM 1008 10 00 u NM 1008 20 00 hija sospiża għas-sena tas-suq 2008/2009, għall-importazzjonijiet kollha ta’ dazju komuni mwettqa skond l-Artikolu 130 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, jew fil-kuntest tal-kwoti tariffarji b'dazju mnaqqas miftuħa skond l-Artikolu 144 tar-Regolament imsemmi.

    2.   Id-drittijiet doganali jistgħu jerġgħu jiġu stabbiliti b'deċiżjoni tal-Kummissjoni skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 195(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, fil-livelli u bil-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 136 tar-Regolament imsemmi, partikolarment f'wieħed mill-każijiet li ġejjin:

    a)

    meta, għal wieħed jew aktar mill-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-prezz fob, osservat fil-portijiet Komunitarji, jkun anqas minn 180% tal-prezz ta' referenza msemmi fl-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007;

    b)

    meta l-kwantitajiet disponibbli fis-suq tal-Komunità jirriżultaw suffiċjenti biex jiżguraw l-ekwilibriju tas-suq.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta' Lulju 2008.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Ġunju 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 510/2008 (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 61).

    (2)  ĠU L 1, 4.1.2008, p. 1.


    Top