EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0117

Direttiva tal-Kunsill 2008/117/KE tas- 16 ta’ Diċembru 2008 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, sabiex tiġi miġġielda l-frodi fiskali marbuta ma’ transazzjonijiet intra-Komunitarji

ĠU L 14, 20.1.2009, p. 7–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/117/oj

20.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 14/7


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/117/KE

tas-16 ta’ Diċembru 2008

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, sabiex tiġi miġġielda l-frodi fiskali marbuta ma’ transazzjonijiet intra-Komunitarji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Il-frodi marbuta mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tolqot b’mod sostanzjali l-introjtu fiskali tal-Istati Membri u tiddisturba l-attività ekonomika fis-suq intern billi jinħolqu flussi ta’ prodotti mhux ġustifikati u jitqiegħdu fis-suq prodotti bi prezzijiet ferm aktar baxxi min-normal.

(2)

In-nuqqasijiet tal-arranġamenti intra-Komunitarji fil-qasam tal-VAT, u b’mod partikolari dawk fis-sistema għall-iskambju tal-informazzjoni dwar il-forniment ta’ prodotti fil-Komunità, kif stabbilita bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3), huma waħda mill-kawżi ta’ din il-frodi. B’mod partikolari, il-perijodu ta’ żmien li jgħaddi bejn meta ssir transazzjoni u l-iskambju ta’ l-informazzjoni korrispondenti fis-sistema tal-iskambju ta’ informazzjoni tal-VAT jikkostitwixxi xkiel għall-użu effettiv ta’ dik l-informazzjoni fil-ġlieda kontra l-frodi.

(3)

Bl-għan li l-frodi marbuta mal-VAT tiġi miġġielda b’mod effettiv, jeħtieġ li l-amministrazzjoni tal-Istat Membru fejn trid tinġabar il-VAT ikollha, mhux aktar tard minn perijodu ta’ xahar, l-informazzjoni dwar il-fornimenti intra-Komunitarji ta’ prodotti.

(4)

Sabiex il-kontroverifika tal-informazzjoni tkun utli għall-ġlieda kontra l-frodi, għandu jiġi żgurat li t-transazzjonijiet intra-Komunitarji jiġu ddikjarati, għall-istess perijodu fiskali, kemm mill-fornitur kif ukoll mix-xerrej jew il-klijent.

(5)

Fid-dawl tal-bidliet fl-ambjent tan-negozju u fl-għodda ta’ l-operaturi kummerċjali, jeħtieġ li jiġi żgurat li dawn id-dikjarazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru permezz ta’ proċeduri elettroniċi sempliċi bl-għan li jeħfief kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv.

(6)

Bl-għan li jinżamm il-bilanċ bejn l-għanijiet tal-Komunità fil-ġlieda kontra l-frodi fiskali u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-operaturi ekonomiċi, għandu jsir provvediment li jagħmilha possibbli għall-Istati Membri sabiex jawtorizzaw li l-operaturi jippreżentaw fuq bażi ta’ kull tliet xhur id-dikjarazzjonijiet rikapitolattivi dwar fornimenti intra-Komunitarji ta’ prodotti meta l-ammont tagħhom ma jkunx sinifikanti. L-Istati Membri li jixtiequ jorganizzaw l-introduzzjoni progressiva tal-applikazzjoni ta’ din il-possibbiltà, għandhom ikunu jistgħu, fuq bażi transitorja, jiffissaw dan l-ammont f’livell ogħla. Bl-istess mod, għandu jsir provvediment li jagħmilha possibbli għall-Istati Membri sabiex jawtorizzaw li l-operaturi jippreżentaw l-informazzjoni dwar il-forniment intra-Komunitarju tas-servizzi fuq bażi ta’ kull tliet xhur.

(7)

L-impatt tal-aċċellerazzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-kapaċità tal-Istati Membri sabiex jiġġieldu l-frodi marbuta mal-VAT kif ukoll il-metodi li jagħżlu għandhom jiġu evalwati mill-Kummissjoni wara sena ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi determinat jekk dawn il-metodi magħżula għandhomx jinżammu.

(8)

Ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva sabiex tiġi miġġielda l-frodi marbuta mal-VAT ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri li l-azzjoni tagħhom f’dan ir-rigward tiddipendi mill-informazzjoni miġbura mill-Istati Membri l-oħra, u għaldaqstant jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell Komunitarju, billi jeħtieġ li jkunu involuti l-Istati Membri kollha, il-Komunità tista’ tadotta miżuri konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(9)

Hu għalhekk opportun li tiġi emendata d-Direttiva 2006/112/KE kif meħtieġ.

(10)

Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (4), l-Istati Membri huma mħeġġa sabiex jistabbilixxu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li juru, kemm jista’ jkun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 64(2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Il-forniment ta’ servizzi li għalihom il-klijent għandu jħallas it-taxxa skont l-Artikolu 196, li jsir b’mod kontinwu matul perijodu ta’ aktar minn sena u li ma jirriżultax f’dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet jew pagamenti matul dak il-perijodu, għandu jitqies bħala komplut mat-tmiem ta’ kull sena kalendarja, sakemm ma jkunx intemm il-forniment tas-servizzi.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, f’ċerti każijiet ħlief f’dawk imsemmija fl-ewwel subparagrafu, il-forniment kontinwu ta’ prodotti jew servizzi matul perijodu ta’ żmien għandha titqies bħala kompluta mill-inqas f’intervalli ta’ sena.”.

(2)

Fl-Artikolu 66, għandu jiżdied it-tieni subparagrafu li ġej:

“Madankollu, id-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu m’għandhiex tapplika għall-forniment ta’ servizzi li għalihom il-klijent għandu jħallas it-taxxa skont l-Artikolu 196.”.

(3)

L-Artikolu 263 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 263

1.   Għandha ssir dikjarazzjoni rikapitolattiva għal kull xahar kalendarju f’perijodu ta’ mhux aktar minn xahar u konformement mal-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

1a.   Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw, bil-kondizzjonijiet u fil-limiti li jistgħu jistabbilixxu, lill-persuni taxxabbli li jippreżentaw id-dikjarazzjoni rikapitolattiva għal kull tliet xhur kalendarji, fi żmien perijodu li ma jaqbiżx ix-xahar li jibda minn tmiem it-tliet xhur, sakemm l-ammont totali tat-tliet xhur, minbarra l-VAT, tal-fornimenti tal-prodotti previsti fl-Artikolu 264(1)(d), u fl-Artikolu 265(1)(c) ma jaqbżux, la għat-tliet xhur inkwistjoni u għall-ebda wieħed mill-erba’ perijodi ta’ tliet xhur ta’ qabel, is-somma ta’ EUR 50 000 jew l-ekwivalenti tagħha fil-valuta nazzjonali.

Il-possibbiltà prevista fl-ewwel subparagrafu m’għandhiex tibqa’ tapplika minn tmiem ix-xahar li matulu l-ammont totali, minbarra l-VAT, tal-fornimenti ta’ prodotti previsti fl-Artikolu 264(1)(d) u fl-Artikolu 265(1)(c) jaqbeż, għall-perijodu tat-tliet xhur li jkun qed jiskorri, is-somma ta’ EUR 50 000 jew l-ekwivalenti tagħha fil-valuta nazzjonali. F’dan il-każ, għandha titfassal dikjarazzjoni rikapitolattiva għax-xahar jew xhur li għaddew mill-bidu tal-perijodu ta’ tliet xhur, fi żmien perijodu ta’ mhux aktar minn xahar.

1b.   Sal-31 ta’ Diċembru 2011, l-Istati Membri jistgħu jiffissaw l-ammont previst fil-paragrafu 1a għal EUR 100 000 jew l-ekwivalenti ta’ dan fil-munita nazzjonali.

1c.   L-Istati Membri jistgħu, konformement mal-kondizzjonijiet u l-limiti li jistgħu jistabbilixxu, jawtorizzaw lill-persuni taxxabbli, fil-każ tal-forniment tas-servizzi msemmi fl-Artikolu 264(1)(d), li jippreżentaw id-dikjarazzjoni rikapitolattiva għal kull tliet xhur kalendarji, f’limitu ta’ żmien ta’ mhux aktar minn xahar li jibda minn tmien it-tliet xhur.

L-Istati Membri jistgħu b’mod partikolari jeħtieġu lill-persuni taxxabbli li jwettqu fornimenti ta’ prodotti u li joffru servizzi msemmija fl-Artikolu 264(1)(d) li jippreżentaw id-dikjarazzjoni rikapitolattiva fil-limitu ta’ żmien li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-paragrafi minn 1 sa 1b.

2.   L-Istati Membri għandhom jippermettu, u jistgħu jirrikjedu, li d-dikjarazzjoni rikapitolattiva msemmija fil-paragrafu 1 tintbagħat permezz ta’ trasferiment elettroniku ta’ reġistru, konformement mal-kondizzjonijiet stabbiliti minnhom.”

(4)

L-Artikolu 264(2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 (c), għandu jiġi ddikjarat għall-perijodu ta’ preżentazzjoni stabbilit konformement mal-Artikolu 263(1) sa (1c), li matulu t-taxxa tkun saret pagabbli.

L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 (f), għandu jiġi ddikjarat għall-perijodu ta’ preżentazzjoni stabbilit konformement mal-Artikolu 263(1), sa (1c), li matulu r-regolarizzazzjoni għandha tiġi notifikata lix-xerrej.”

(5)

L-Artikolu 265(2) għandu jinbidel b’dan li ġej:

“2.   L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 (c), għandu jiġi ddikjarat għall-perijodu ta’ preżentazzjoni stabbilit konformement mal-Artikolu 263(1) sa (1b), li matulu t-taxxa tkun saret pagabbli.”.

Artikolu 2

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, l-Kummissjoni għandha tippreżenta, mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2011, rapport li janalizza l-impatt tal-Artikolu 263(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, dwar il-kapaċità tal-Istati Membri sabiex jiġġieldu kontra l-frodi marbuta mal-VAT marbuta mal-forniment ta’ prodotti u l-prestazzjoni ta’ servizzi intra-Komunitarji kif ukoll l-utilità tal-għażliet previsti fil-paragrafi 1 sa 1c ta’ l-imsemmi Artikolu, akkumpanjat mill-proposti leġislattivi adatti konformement mal-konklużjonijiet tar-rapport.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet kif ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk il-miżuri u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam regolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 16 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

R. BACHELOT-NARQUIN


(1)  L-Opinjoni mogħtija fl-4 ta’ Diċembru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  L-Opinjoni mogħtija fit-22 ta’ Ottubru 2008 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(4)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


Top