Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008E0632

Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/632/PESK tal- 31 ta’ Lulju 2008 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

ĠU L 205, 1.8.2008, p. 53–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/02/2011; Impliċitament imħassar minn 32011D0101

ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/632/oj

1.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 205/53


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2008/632/PESK

tal-31 ta’ Lulju 2008

li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Bil-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK (1), il-Kunsill ġedded il-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe, immirati b’mod partikolari biex iħeġġu lill-persuni li huma s-suġġett tagħhom biex jiċħdu l-politiki li joħonqu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta’ l-espressjoni u li jxekklu l-governanza tajba.

(2)

Wara l-atti ta’ vjolenza organizzati u mwettqa mill-awtoritajiet taż-Żimbabwe waqt il-kampanja għall-elezzjonijiet presidenzjali fl-2008, li minħabba fihom din il-votazzjoni rriżultat f’ċaħda tad-demokrazija, il-Kunsill iddeċieda li jżid ċerti persuni u entitajiet mal-lista li tinsab fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK billi fit-22 ta’ Lulju 2008 jadotta d-Deċiżjoni 2008/605/PESK.

(3)

Jeħtieġ ukoll li jissaħħu l-miżuri restrittivi dwar iċ-ċaħda tad-dħul jew tat-transitu fit-territorju ta’ l-Istati Membri tal-persuni fiżiċi elenkati fl-Anness tal-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

Il-Pożizzjoni Komuni 2004/161/PESK għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 4(1) għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimpedixxu d-dħul jew it-transitu fit-territorju tagħhom tal-membri tal-gvern taż-Żimbabwe u tal-persuni fiżiċi assoċjati magħhom, kif ukoll ta’ persuni fiżiċi oħrajn li l-attivitajiet tagħhom joħolqu minaċċja serja għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe. Il-persuni kkonċernati f’dan il-paragrafu jinsabu elenkati fl-Anness.”;

(2)

Fl-Artikolu 4(3), għandu jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

skond it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni (il-Patt tal-Lateran) konkluż fl-1929 mis-Santa Sede (l-Istat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.”;

(3)

L-Artikolu 4(5) u (6) jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“5.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu derogi mill-miżuri imposti fil-paragrafu 1 meta l-ivvjaġġar hu ġustifikat għal raġunijiet umanitarji urġenti u imperattivi, jew, f’każijiet eċċezzjonali, meta l-persuna tiċċaqlaq għal-raġuni ta’ attendenza f’laqgħat intergovernattivi, inklużi dawk il-laqgħat li jsiru bl-inizjattiva ta’ l-Unjoni Ewropea, fejn jiġi mmexxi djalogu politiku li jippromwovi b’mod dirett, immedjat u sinifikanti d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe.

6.   Kull Stat Membru li jixtieq jagħti derogi skond il-paragrafu 5 għandu jgħarraf lill-Kunsill bil-miktub. Id-deroga għandha titqies li ngħatat ħlief jekk membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw bil-miktub fi żmien 48 siegħa mir-riċevuta tan-notifika dwar id-deroga proposta. Jekk membru wieħed jew aktar tal-Kunsill joġġezzjonaw, id-deroga m’għandhiex tingħata, ħlief meta Stat Membru jixtieq jagħtiha għal raġunijiet umanitarji urġenti u imperattivi. F’dak il-każ, il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ jiddeċiedi li jagħti d-deroga proposta.”;

(4)

L-Artikolu 4(7) għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“7.   F’każijiet fejn, skond il-paragrafi 3 sa 6, Stat Membru jawtorizza d-dħul jew it-transitu fit-territorju tiegħu ta’ persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun strettament limitata għall-iskop li għalih hija ġiet mogħtija u għall-persuni kkonċernati direttament minnha.”;

(5)

L-Artikolu 5(1) għandu jiġi sostitwit bit-test li ġej:

“1.   Il-kapital u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-membri tal-gvern taż-Żimbabwe jew lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom kollha, jew li jappartjenu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn li l-attivitajiet tagħhom joħolqu minaċċja serja għad-demokrazija, għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe, għandhom jiġu ffriżati. Il-lista tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati f’dan il-paragrafu tinsab imniżżla fl-Anness.”.

Artikolu 2

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 31 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  ĠU L 50, 20.2.2004, p. 66. Il-Pożizzjoni Komuni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2008/605/PESK (ĠU L 194, 23.7.2008, p. 34).


Top