Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0113

2007/113/PESK: Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/113/PESK tal- 15 ta' Frar 2007 li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali

ĠU L 46, 16.2.2007, p. 83–85 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 105–107 (MT)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/02/2008

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/113/oj

8.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

105


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/113/PESK

tal-15 ta' Frar 2007

li temenda u testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-28 ta' Lulju 2005, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2005/588/PESK (1) li taħtar Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għall-Asja Ċentrali.

(2)

Fl-20 ta' Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/118/PESK li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali sat-28 ta' Frar 2007.

(3)

Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/670/PESK tal-5 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill ħatar lis-Sur Pierre Morel bħala r-RSUE għall-Asja Ċentrali.

(4)

Fis-7 ta' Ġunju 2006, il-Kunsill approva l-Politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà ta' Persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(5)

Abbażi ta' reviżjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 2005/588/PESK, il-mandat tar-RSUE għandu jiġi emendat u estiż għal perjodu ta' 12-il xahar.

(6)

L-UE tixtieq tiżviluppa koperazzjoni bilaterali dwar l-enerġija ma' sħab produtturi u ta' transitu importanti fl-Asja Ċentrali.

(7)

Ir-RSUE ser jimplementa l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni kif imniżżla fl-Artikolu 11 tat-Trattat,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Pierre MOREL bħala r-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Asja Ċentrali huwa b'dan estiż sat-29 ta' Frar 2008.

Artikolu 2

Objettivi ta' politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika ta’ l-UE fl-Asja Ċentrali. Dawn l-objettivi jinkludu:

(a)

il-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajba u mill-qrib bejn il-pajjiżi ta' l-Asja Ċentrali u l-Unjoni Ewropea abbażi ta’ valuri u interessi komuni kif imniżżla fi ftehim rilevanti;

(b)

il-kontribut għat-tisħiħ ta' l-istabbiltà u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi fir-reġjun;

(ċ)

il-kontribut għat-tisħiħ tad-demokrazija, l-istat ta' dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Asja Ċentrali;

(d)

l-indirizzar ta' riskji ewlenin, speċjalment ta' problemi speċifiċi b'implikazzjonijiet diretti għall-Ewropa;

(e)

it-titjib ta' l-effikaċja u l-viżibbiltà ta' l-Unjoni Ewropea fir-reġjun, inkluż permezz ta' koordinazzjoni iżjed mill-qrib ma' sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rilevanti, bħal l-OSCE.

Artikolu 3

Mandat

1.   Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

isegwi mill-qrib l-iżviluppi politiċi fl-Asja Ċentrali billi jiżviluppa u jżomm kuntatti mill-qrib mal-gvernijiet, il-parlamenti, il-ġudikatura, is-soċjetà ċivili u l-medja tal-massa;

(b)

jinkoraġġixxi lill-Kazakastan, ir-Repubblika tal-Kirgiztan, it-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Uzbekistan biex jikkoperaw fir-rigward ta' kwistjonijiet reġjonali ta' interess komuni;

(ċ)

jiżviluppa kuntatti u koperazzjoni adatti ma' l-atturi interessati ewlenin fir-reġjun, inkluż l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali rilevanti kollha;

(d)

jikkontribwixxi, f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-OSCE, għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' konflitti billi jiżviluppa kuntatti ma' l-awtoritajiet u ma' atturi lokali oħra (NGOs, partiti politiċi, minoritajiet, gruppi reliġjużi u l-mexxejja tagħhom);

(e)

jagħti kontribut għall-formulazzjoni ta' aspetti relatati mas-sigurtà ta' l-enerġija tal-PESK fir-rigward ta' l-Asja Ċentrali;

(f)

jippromwovi l-koordinazzjoni politika ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea fl-Asja Ċentrali u jiżgura l-konsistenza ta' l-azzjonijiet esterni ta' l-Unjoni Ewropea fir-reġjun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza Komunitarja;

(g)

jassisti lill-Kunsill fl-iżvilupp ulterjuri ta' politika komprensiva fir-rigward ta' l-Asja Ċentrali.

(h)

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-Linji Gwida ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tat-tfal u n-nisa f'żoni affetwati minn kunflitt, speċjalment permezz tal-monitoraġġ u l-indirizzar ta' l-iżviluppi f'dan ir-rigward.

2.   Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-reġjun u jaħdem f’koperazzjoni mill-qrib mal-Presidenza, mal-Kapijiet ta' Missjoni ta’ l-UE, mar-RSUE għall-Afganistan u mal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jżomm vista ġenerali ta' l-attivitajiet kollha ta' l-Unjoni Ewropea fir-reġjun.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont ta' l-infiq kollu lill-Kummissjoni.

2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jkollu rabta privileġġata mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u kontribut politiku lill-EUSR fil-qafas tal-mandat.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont finanzjarju ta' referenza maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE mill-1 ta' Marzu 2007 sad-29 ta' Frar 2008 għandu jkun ta' EUR 1 000 000.

2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntrattat bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. In-nefqa għandha tkun eliġibbli mill-1 ta' Marzu 2007.

4.   Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, skond il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 6

Formazzjoni tal-grupp

1.   Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tal-grupp tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistit mis-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jinforma lill-Presidenza u l-Kummssjoni dwar il-formazzjoni finali tal-grupp tiegħu.

2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu s-sekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Ir-remunerazzjoni tal-persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea għar-RSUE għandha tkun koperta mill-Istat Membru jew mill-istituzzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea kkonċernati rispettivament.

3.   Il-karigi kollha tat-tip A li ma jimtlewx permezz ta' ssekondar għandhom jiġu pubbliċizzati kif xieraq mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u notifikati ukoll lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu impjegati l-applikanti bl-aħjar kwalifiki.

4.   Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u għall-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.

Artikolu 7

Sigurtà

1.   Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta' sigurtà tal-Kunsill (2), b'mod partikolari fl-amministrazzjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-UE.

2.   Ir-RSUE għandu, skond il-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat, jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, jirregola l-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu ta' persunal lejn u fiż-żona tal-missjoni, il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra l-Unjoni Ewropea jkun kopert b'assigurazzjoni għal riskju għoli skond ma jkun mitlub mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni;

(ċ)

jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni Ewropea, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, jkunu rċevew taħriġ ta' sigurtà adatt qabel ma jaslu fiż-żona tal-missjoni jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill;

(d)

jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula wara valutazzjonijiet tas-sigurtà regolari jkunu implimentati u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' nofs it-term u ta' implimentazzjoni tal-mandat;

(e)

jiżgura, kif meħtieġ u fi ħdan ir-responsabbiltajiet tiegħu bħala parti mill-katina ta' kmand, li jittieħed approċċ koerenti fir-rigward tas-sigurtà tal-persunal fl-elementi kollha ta' l-Unjoni Ewropea preżenti f'operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżi jew f'operazzjonijiet fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

Artikolu 8

Rappurtar

Bħala regola, ir-RSUE għandu jirrapporta personalment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS u jista' jirrapporta wkoll lill-grupp ta' ħidma rilevanti. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ u tal-KPS, ir-RSUE jista’ jirrapporta lill-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni.

Artikolu 9

Koordinazzjoni

Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu koordinati ma’ dawk tas-SĠ/RGħ, tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni aġġornamenti regolari ta' informazzjoni. Fuq il-post, kollaborazzjoni mill-qrib għandha tinżamm mal-Presidenza, il-Kummissjoni u l-Kapijiet tal-Missjoni ta' l-UE li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implementazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll jikkollabora mar-RSUE għall-Afganistan u ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fil-kamp.

Artikolu 10

Reviżjoni

L-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni Ewroepa lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport dwar il-progress qabel l-aħħar ta' Ġunju 2007 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2007. Dawn ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta' ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjeramnet, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 12

Pubblikazzjoni

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 15 ta' Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

W. SCHÄUBLE


(1)  ĠU L 199, 29.7.2005, p. 100. Azzjoni Konġunta kif emendata mill-Azzjoni Konġunta 2006/118/PESK (ĠU L 49, 21.2.2006, p. 7).

(2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).


Top