Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1289

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1289/2006 tal- 25 ta’ Awwissu 2006 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' ċerti refriġeraturi side-by-side li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea

    ĠU L 236, 31.8.2006, p. 11–17 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 76M, 16.3.2007, p. 268–274 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1289/oj

    16.3.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    268


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1289/2006

    tal-25 ta’ Awwissu 2006

    li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta' ċerti refriġeraturi side-by-side li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikulari l-Artikolu 9 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    A.   MIŻURI PROVVIŻORJI

    (1)

    Fit-2 ta' Ġunju 2005, il-Kummissjoni ppubblikat notifika (2) li fetħet proċedura anti-dumping fir-rigward ta' l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' ċerti refriġeraturi side-by-side li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea. Fl-1 ta' Marzu 2006, il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 355/2006 (3) (“ir-Regolament provviżorju”) imponiet dazju provviżorju anti-dumping fuq l-istess prodott.

    B.   IL-PROĊEDURA SUSSEGWENTI

    (2)

    Sussegwentement għar-rivelazzjoni tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali, fuq il-bażi li fuqha kien deċiż li jkunu imposti miżuri provviżorji kontra d-dumping, għadd ta' partijiet interessati għamlu sottomissjonijiet bil-miktub sabiex juru l-fehmiet tagħhom dwar il-konklużjonijiet provviżorji. Dawk il-partijiet li talbu, ngħataw l-opportunità li jinstemgħu.

    (3)

    Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għall-konklużjonijiet definittivi.

    (4)

    Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-impożizzjoni tad-dazji definittivi kontra d-dumping fuq importazzjonijiet ta' ċerti refriġeraturi side-by-side li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u l-ġbir definittiv ta' l-ammonti li ġew żgurati permezz tad-dazju provviżorju. Ġew mogħtija wkoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet sussegwenti għar-rivelazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġew imposti l-miżuri.

    (5)

    Ġew kunsidrati l-kummenti orali u miktuba sottomessi mill-partijiet interessati u, fejn kien il-każ, il-konklużjonijiet ġew modifikati skond dawn.

    C.   PRODOTT KONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

    (6)

    L-istess produttur esportatur imsemmi taħt il-premessi (11) u (12) tar-Regolament provviżorju tenna u elabora aktar l-argumenti tiegħu dwar il-kwistjoni tal-firxa tal-prodott.

    (7)

    B'mod partikolari, dan l-esportatur stqarr li l-firxa tal-prodott kellha tkopri ir-refriġeraturi-freezers kombinati (“FFK”) kbar kollha b'kapaċità ta' 'l fuq minn 400 litru, minħabba li s-segmentazzjoni ta' dawk ir-refriġeraturi tkun inkonsistenti mal-prattika preċedenti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji, tkun qiegħda tinjora l-evidenza minn partijiet interessati oħra, u tkun qiegħda tinjora r-realtà tas-suq (stqarrija (i)).

    (8)

    Dan l-esportatur stqarr ukoll li jekk it-talba (i) tiġi rifjutata, kull tentattiv sabiex jiġi ssegmentat is-suq tal-FFK għandu jeskludi mudelli bi tliet bibien ġenb ma' ġenb (kif deskritti fil-premessa (12) tar-Regolament provviżorju) mill-firxa tal-prodott konċernat. Fl-essenza, dan l-esportatur argumenta li m'humiex il-karatteristiċi esterni (notevolment il-bibien) tal-mudelli li huma relevanti, iżda l-konfigurazzjoni interna. B'mod partikolari, l-esportatur ikkunsidra li l-allinjament tal-kompartiment ta' l-ikel frisk u tal-kompartiment tal-freezer kienet il-karatteristika bażika essenzjali li tiddistingwi refriġeratur side-by-side (stqarrija (ii)).

    1.   Talba (i)

    (9)

    Hija prattika stabbilita ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji meta jiddefinixxu l-prodott konċernat li l-ewwel jikkunsidraw il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-prodott imsemmi. Aktar minn hekk, il-mudelli klassifikati f'segmenti differenti tal-prodott huma normalment kunsidrati li jiffurmaw prodott uniku sakemm ma jeżistux linji ta' diviżjoni ċari bejn is-segmenti varji.

    (10)

    Wara li ingħatat l-attenzjoni xierqa lis-sottomissjonijiet li saru mill-partijiet kollha interessati f'dawn il-proċedimenti, l-investigazzjoni identifikat li s-suq tal-FFK huwa tradizzjonalment maqsum fi tliet partijiet: is-segment ta' refriġeraturi tat-tip bottom-mount (jiġifieri bil-kompartiment ta' l-ikel frisk imqiegħed fuq il-kompartiment tal-freezer), is-segment ta' refriġeraturi tat-tip top-mount (jiġifieri bil-kompartment tal-freezer imqiegħed fuq il-kompartiment ta' l-ikel frisk) u s-segment ta' refriġeraturi side-by-side (jiġifieri żewġ bibien ġenb ma' ġenb li jiftħu fuq żewġ kompartimenti mqiegħda ma' ġenb xulxin). Din il-kategorizzazzjoni tas-suq fi tliet segmenti distinti mhijiex qiegħda tiġi kkontestata u hija familjari ma' l-operaturi kollha f'dan in-negozju partikolari. Ġiet aċċettata wkoll mill-esportatur imsemmi f'għadd ta' sottomissjonijiet bil-miktub. Aktar minn hekk, it-talba hija bbażata fuq “evidenza minn partijiet oħra interessati” li fil-fatt tirrifletti qari selettiv minn dan l-esportatur ta' framment ta' sottomissjoni minn produttur ta' tagħmir domestiku li jappoġġa l-miżuri iżda ma jimmanifatturax il-prodott konċernat (ara l-premessi (10) u (104) tar-Regolament provviżorju). F'din is-sottomissjoni, il-manifattur ta' tagħmir domestiku jindika li ġie milqut minn effett negattiv fuq il-bejgħ tiegħu tal-prodott li m'humiex simili fil-Komunità minħabba l-importazzjonijiet iddampjati. Madankollu, il-fatt li dan il-manifattur allegatament sofra telf minħabba tali effett negattiv fih innifsu mhuwiex evidenza li l-FFK b'kapaċità kbira ta' 'l fuq minn 400 litru għandhom ikunu kunsidrati bħala l-prodott konċernat indipendentement mis-segmenti deskritti hawn fuq li taħthom huma jaqgħu. Fil-fatt, kien ġiet stabbilit li l-karatteristiċi teknoloġiċi u fiżiċi li jissottolineaw dawn iż-żewġ prodotti huma totalment differenti.

    (11)

    Huwa għalhekk kunsidrat li teżisti linja diviżorja ċara bejn it-tliet segmenti li jikkostitwixxu l-univers tas-suq tal-FFK. Qiegħed ikun konkluż li m'hemm ebda ġustifikazzjoni għal espansjoni tal-firxa tal-prodott konċernat sabiex jinkludi l-FFK kollha kif mitlub minn dan l-esportatur. Bħala konsegwenza, it-talba (i) kellha tiġi rifjutata.

    2.   Talba (ii)

    (12)

    Fit-talba (ii), l-istess esportatur ifittex l-esklużjoni mill-firxa tal-prodott konċernat ta' mudell partikolari ta' FFK (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-mudell bi tliet bibien”) li diġà kien ġie deskritt fil-premessa (12) tar-Regolament provviżorju.

    (13)

    Mill-bidu ta' dan il-proċediment, il-Kummissjoni kienet iddefinixxiet il-firxa tal-prodott fuq il-bażi tal-karatteristiċi esterni, prinċipalment il-preżenza ta' għall-anqas żewġ bibien separati biċ-ċappetti, mqegħdin fejn xulxin. Dan il-metodu kien meqjus adatt għaż-żewġ raġunijiet tal-karatteristiċi fiżiċi u l-perċezzjoni tal-konsumatur. Fir-rigward tal-karatteristiċi fiżiċi, il-preżenza ta' żewġ bibien biċ-ċappetti, ma' ġenb xulxin, kienet kunsidrata l-aktar fattur viżibbli immedjat. Rigward il-perċezzjoni tal-konsumatur, element ewlieni kien il-fatt li l-applikant innifsu kien ikkummerċjalizza u rreklama repetittivament il-mudell bi tliet bibien bħala refriġeratur side-by-side. Il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-kompartamenti ta' ġewwa kienu mqiegħda b'mod differenti f'refriġeratur tipiku side-by-side minn mudell bi tliet bibien, iżda din id-distinzjoni ma kinetx kunsidrata deċiżiva għall-esklużjoni ta' refriġeraturi bi tliet bibien side-by-side mid-definizzjoni tal-prodott minħabba li ebda evidenza konklużiva ma ġiet sottomessa f'dan ir-rigward. Fuq il-bażi ta' l-informazzjoni disponibbli dak iż-żmien, il-Kummissjoni indikat fil-premessa (14) tar-Regolament provviżorju li “m'hemm ebda definizzjoni komunement użata ta' refriġeraturi side-by-side”.

    (14)

    Il-kwistjoni kompliet tiġi eżaminata wara miżuri provviżorji. Ġiet sottomessa evidenza addizzjonali, mill-esportatur imsemmi hawn fuq, li tappoġġa definizzjoni tas-segment ta' refriġeraturi side-by-side fuq il-bażi tal-konfigurazzjoni ta' ġewwa tal-kompartimenti u mhux fuq il-bażi tal-pożizzjoni tal-bibien. Wara r-rivelazzjoni definittiva tal-fatti, fid-dawl ta' aktar evidenza provduta mill-istess esportatur, ġew valutati l-pożizzjonijiet espressi minn xi istituti ewlenin ta' riċerka u mill-korpi ta' klassifikazzjoni, li l-parti l-kbira tagħhom jikklassifikaw refriġeraturi side-by-side fuq il-bażi tal-konfigurazzjoni ta' ġewwa u mhux fuq il-bażi tal-pożizzjoni tal-bibien. Dan wassal għall-konklużjoni li, mil-lat tal-karatteristiċi fiżiċi, il-mudell bi tliet bibien ma jistax jiġi kunsidrat bħala parti mis-segment ta' side-by-side, kif imsemmi fil-premessa (10) hawn fuq. Fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumatur, kemm l-applikant kif ukoll l-industrija Komunitarja ssottomettew riżultati ta' stħarriġ dwar il-preferenzi tal-konsumaturi li jappoġġaw il-perspettivi rispettivi tagħhom u jikkontradixxu lil xulxin. F'dan ir-rigward, għalhekk, wieħed ma jista' jasal għall-ebda konklużjoni.

    (15)

    Minn dan t'hawn fuq għalhekk isegwi li l-mudell bi tliet bibien għandu jiġi meqjus bħala appartenenti għas-segment ta' refriġeraturi tat-tip bottom-mount u mhux għas-segment ta' refriġeraturi side-by-side. It-talba (ii) għaldaqstant ġiet aċċettata.

    (16)

    Bħala konsegwenza ta' dan, kien meqjus xieraq li tiġi riveduta d-definizzjoni tal-firxa tal-prodott kif determinata fir-Regolament provviżorju. Għalhekk, il-prodott konċernat huwa definittivament definit bħala refriġeraturi-freezers kombinati b'kapaċità li teċċedi 400 litru u bil-kompartamenti tal-freezer u tar-refriġeratur ġenb ma' ġenb, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea, attwalment klassifikabbli taħt il-kodiċi CM ex 8418 10 20.

    D.   DUMPING

    1.   Il-valur normali

    (17)

    Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti, il-kontenut tal-premessi (18) sa (22) tar-Regolament provviżorju rigward il-valur normali huwa b'dan konfermat.

    2.   Prezz ta' l-Esportazzjoni

    (18)

    Kif stipulat fil-premessa(23) tar-Regolament provviżorju, il-prezz ta' l-esportazzjoni għall-bejgħ fil-Komunità li ssir permezz ta' importaturi relatati kien dedott fuq il-bażi tal-prezz tal-bejgħ mill-ġdid lill-ewwel klijent indipendenti skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Fid-deduzzjoni ta' dan il-prezz ta' l-esportazzjoni, kellu jiġi użat marġini ta' profitt għall-kumpannija li kienet kunsidrata bħala importatur indipendenti tal-prodott konċernat. Wara li saret ir-rivelazzjoni finali lill-partijiet interessati, produttur esportatur wieħed issottometta li l-kumpannija li ġiet użata sabiex tistabbilixxi l-marġini tal-profitt ma kinetx importatur mhux relatat iżda klijent indipendenti ta' wieħed mill-importaturi relatati. It-talba ġiet investigata sewwa u ġie konkluż li l-kumpannija konċernata ma kkwalifikatx bħala importatur mhux relatat. Konsegwentement ġie deċiż li l-marġini ta' profitt ma setax jintuża għad-deduzzjoni tal-prezzijiet ta' esportazzjoni. Għalhekk kellu jinstab sors alternattiv sabiex jistabbilixxi marġini raġonevoli ta' profitt kif meħtieġ taħt l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Ebda informazzjoni alternattiva dwar il-profitt ta' importatur indipendenti ma setgħet tinkiseb fi ħdan il-qafas ta' din l-investigazzjoni. Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li ż-żewġ prodotti ġejjin mill-istess settur ta' prodotti u l-produtturi esportaturi Koreani konċernati huma l-istess, kien kunsidrat raġonevoli għal dan l-iskop li jintuża l-marġini ta' profitt ta' 5 % li kien użat fil-proċedimenti anti-dumping tal-microwave ovens  (4).

    (19)

    Minħabba li ma kien hemm ebda kummenti, il-konklużjonijiet fil-premessi (23) sa (24) tar-Regolament provviżorju rigward id-determinazzjoni tal-prezz ta' l-esportazzjoni huma b'dan konfermati.

    3.   Tqabbil

    (20)

    Kif indikat fil-premessa (26) tar-Regolament provviżorju, f'każijiet fejn m'hemm ebda paragun dirett bejn il-mudelli esportati u l-mudelli domestiċi u sabiex jiġi stabbilit il-valur normali kemm jista' jkun fuq il-bejgħ domestiku tal-produtturi esportaturi, saru aġġustamenti għall-valuri normali stabbiliti għal xi mudelli sabiex jirriflettu l-valur tas-suq tal-karatteristiċi fiżiċi differenti bejn il-mudell mibjugħ domestikament u l-mudell esportat skond l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku. Tnejn mill-produtturi esportaturi kkontestaw l-aġġustamenti li saru fl-istadju provviżorju.

    (21)

    Produttur esportatur wieħed saħaq li ebda aġġustament ma seta' jsir minħabba li anke kieku kien hemm xi differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi bejn il-mudelli esportati u l-mudelli mibjugħa domestikament proposti għall-paragun, dawn id-differenzi ma jkollhomx impatt fuq il-prezz tas-suq. Din it-talba kellha tiġi rifjutata minħabba li n-numru ta' differenzi misjuba bejn il-mudelli esportati u dawk mibjugħa domestikament u dawk proposti għall-paragun ġew imqassma f'seba' gruppi u dawn id-differenzi spiss kienu jinkludu fatturi importanti bħal dispenser għall-ilma u s-silġ, sprej tal-bibien u sistema sabiex tikkontrolla t-temperatura. Għalhekk, skond loġika ekonomika normali, differenzi simili għandhom ikollhom impatt fuq il-valur tas-suq għal dawn il-mudelli.

    (22)

    Il-produttur esportatur l-ieħor li għalih, sabiex jirrifletti sewwa l-valur tas-suq tad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi, sar aġġustament mill-Kummissjoni fl-istadju provviżorju fuq il-valuri sottomessi għad-differenzi, ikkontesta l-kalkolu riżultanti. Wara r-rivelazzjoni finali, il-kumpannija innutat li xi elementi fl-istrateġija tal-Kummissjoni jistgħu jwasslu għal tgħawwiġ fil-valur normali li ġie kkalkulat u talbet li jiġi dedott il-valur normali għall-mudelli esportati mingħajr il-bejgħ domestiku korrispondenti. It-talba ġiet investigata u ġie konkluż li xi aġġustamenti magħmula mill-Kummissjoni għat-talba tal-kumpannija dwar il-karatteristiċi fiżiċi setgħu wasslu għal valuri normali mgħawġa. Kien għalhekk deċiż li jiġu dedotti valuri normali għal din il-kumpannija f'każijiet fejn ma jista' jsir ebda paragun dirett bejn il-mudelli esportati u mudelli mibjugħa domestikament, skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku.

    (23)

    It-tliet produtturi esportaturi kkontestaw id-determinazzjoni provviżorja sabiex ma jingħatx aġġustament, mitlub taħt l-Artikolu 2(10)(g) tar-Regolament bażiku, għal spejjeż ta' kreditu li kellhom jitħallsu għall-bejgħ domestiku. It-tliet esportaturi ssostanzjaw li dwar it-termini ta' kreditu użati kien sar ftehim kontrattwali u dawn it-termini ġew infurzati mill-kumpanniji. Ġie muri wkoll li l-irċevuti jistgħu jintrabtu mal-ħlas. Fid-dawl ta' dan, l-ispejjeż domestiċi ta' kreditu nstabu li kellhom impatt fuq il-komparabbiltà tal-prezz kif meħtieġ skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku u konsegwentement ġie deċiż li jingħataw aġġustamenti għal dawn l-ispejjeż.

    (24)

    Produttur esportatur wieħed talab l-esklużjoni tal-bejgħ relatat ta' l-importaturi ta' prodotti danneġġjati u/jew li ma jaħdmux tajjeb mill-kalkolu tad-dumping. Dan il-bejgħ, li kien biss parti minuri mill-bejgħ tal-kumpannija fis-suq tal-Komunità, kien ġie rappurtat separatament u kien verifikat waqt il-verifiki fuq il-post. Kienet ingħatat evidenza li dan il-bejgħ fil-fatt kien relatat ma' prodotti li ma jaħdmux tajjeb jew li huma danneġġjati, u li l-klijenti u l-prezzijiet ta' dawn il-prodotti kienu kompletament distinti meta paragunati mal-klijenti u l-prezzijiet tal-bejgħ regolari. Fid-dawl tan-nuqqas ta' bejgħ kumparabbli fis-suq domestiku tal-kumpannija, ebda paragun sinifikanti ma seta' jsir fir-rigward ta' dan il-bejgħ. Għaldaqstant, din it-talba ġiet aċċettata.

    (25)

    L-istess produttur esportatur ikkuntesta d-determinazzjoni provviżorja tal-Kummissjoni sabiex tirrifjuta l-ispejjeż tal-ġarr bil-baħar rappurtati għall-iskop sabiex jiġi aġġustat il-prezz ta' l-esportazzjoni skond l-Artikolu 2(10)(e) tar-Regolament bażiku. L-ispejjeż tal-ġarr bil-baħar rappurtati ġew rifjutati minħabba li ġew fatturati lill-esportatur minn kumpannija relatata. Il-produttur esportatur issa wera li l-kumpannija relatata kienet entità ta' loġistika li tat il-kuntratt tas-servizzi tat-trasport lil kumpanniji merkantili indipendenti. Instabu provi wkoll li l-kumpannija relatata ffatturat lill-esportatur l-ispiża proprja tal-ġarr bil-baħar kif fatturata lilha mill-kumpanniji merkantili indipendenti flimkien ma' qligħ raġonevoli għas-servizzi tagħha. Għalhekk ġie deċiż li l-ispejjeż għat-trasport bil-baħar li ġew rappurtati setgħu jiġu meqjusa bħala affidabbli u l-kalkoli ġew emendati skond il-każ.

    (26)

    Barra l-aġġustamenti magħmula, skond il-premessi, (22) sa (25) ta' dan ir-Regolament, il-kontenut tal-premessi (25) sa (30) tar-Regolament provviżorju relattivament għall-paragun tal-valuri normali u prezzijiet ta' l-esportazzjoni, huwa b'dan konfermat.

    4.   Il-marġini ta' dumping

    (27)

    It-tliet kumpanniji kkuntestaw il-metodoloġija li l-Kummissjoni użat għall-kalkolu tal-marġini ta' dumping. Kif spjegat fil-premessi (31) sa (34) tar-Regolament provviżorju, sabiex jiġu riflessi fil-kalkolu tad-dumping id-differenzi sinifikanti tal-prezzijiet ta' l-esportazzjoni li kkostitwixxu tendenzi fost ir-reġjuni differenti u minħabba li paragun tal-valuri normali medji mal-prezzijiet ta' l-esportazzjoni medji jew ta' esportazzjoni individwali u tranżazzjonijiet tal-bejgħ domestiku ma jkunux irriflettew il-grad sħiħ tal-prattiċi tad-dumping, il-valur normali medju ġie mqabbel mill-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet kollha ta' l-esportazzjoni individwali fil-Komunità. Għat-tliet produtturi esportaturi ġie konfermat li kienu jeżistu differenzi sinifikanti fil-prezzijiet tal-bejgħ fost ir-reġjuni u li, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessi (31) sa (34) tar-Regolament provviżorju, ġie fil-fatt ġustifikat li jiġi kkomparat il-valur normali medju mal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet individwali ta' l-esportazzjoni kollha fil-Komunità. It-talbiet tal-produtturi esportaturi ġew għalhekk rifjutati.

    (28)

    Fid-dawl ta' l-aġġustamenti t'hawn fuq, u wara l-korrezzjonijiet ta' xi żbalji fil-kalkolu, l-ammont ta' dumping finalment determinat, espress bħala persentaġġ tal-prezz nett CIF liberu fuq il-fruntiera Komunitarja, qabel id-dazju, huwa kif ġej:

    Daewoo Electronics Corporation

    3,4  %

    LG Electronics Corporation

    12,2  %

    Samsung Electronics Corporation

    de minimis

    E.   IL-PRODUZZJONI TAL-KOMUNITÀ U L-INDUSTRIJA KOMUNITARJA

    (29)

    Minħabba li ma kien hemm ebda informazzjoni jew argument fundamentali ġdid f'dan ir-rigward partikolari, il-premessi (37) sa (40) tar-Regolament provviżorju huma b'dan konfermati.

    F.   DANNU

    (30)

    Wara li ttieħdu miżuri provviżorji ġiet riveduta d-definizzjoni tal-firxa tal-prodott kif spjegat fil-premessa (16) hawn fuq. Għalhekk, id-data relatata mal-mudell bi tliet bibien ġiet eskluża mill-analiżi tad-dannu. Fi kwalunkwe każ, ta' min jinnota li matul il-perjodu ta' investigazzjoni (“IP”), l-industrija Komunitarja ma kinetx qed tipproduċi dan it-tip ta' prodott u l-volum ta' importazzjonijiet tal-mudell bi tliet bibien mir-Repubblika tal-Korea għall-Komunità kien negliġibbli.

    Importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat

    (31)

    Minħabba li nstab li Samsung Electronics Corporation (“Samsung”) kellha marġini ta' dumping de minimis matul l-IP (ara l-premessa (28) hawn fuq), huwa neċessarju li jkun hemm distinzjoni ta' dawk l-importazzjonijiet mill-bqija ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea. Dawn ta' l-aħħar huma minn hawn 'il quddiem imsejħa “importazzjonijiet iddampjati”. Il-premessi (44) sa (47) tar-Regolament provviżorju huma għalhekk sostitwiti bil-konsiderazzjonijiet li ġejjin. Sabiex wieħed jippreżerva l-kunfidenzjalità, id-data li tikkonċerna l-importazzjonijiet miż-żewġ produtturi Koreani li fadal hija preżentata f'format indiċizzat.

     

    2002

    2003

    2004

    IP

    Volum ta' importazzjonijiet iddampjati mir-Repubblika tal-Korea (unitajiet)

    ma jistax jingħata tagħrif dwaru

    Indiċi (2002=100)

    100

    183

    336

    366

    Sehem fis-suq ta' l-importazzjonijiet iddampjati mir-Repubblika tal-Korea

    ma jistax jingħata tagħrif dwaru

    Indiċi (2002=100)

    100

    121

    164

    170

    Prezzijiet ta' l-importazzjonijiet iddampjati mir-Repubblika tal-Korea (EUR/unità)

    ma jistax jingħata tagħrif dwaru

    Indiċi (2002=100)

    100

    92

    95

    95

    (32)

    Fuq din il-bażi, il-volum ta' l-importazzjonijiet iddampjati żdied ħafna (b'266 %) bejn l-2002 u l-IP. Żdied b'83 % bejn l-2002 u l-2003, b'aktar minn 153 punti perċentwali fl-2004 u b'aktar minn 30 punti perċentwali fl-IP. Matul l-IP, il-volum ta' l-importazzjonijiet iddampjati kienu bejn 180 000 u 250 000 biċċa.

    (33)

    Is-sehem tas-suq korrispondenti miżmum mill-importazzjonijiet iddampjati żdied b'madwar 20 punt perċentwali bejn l-2002 u l-PI, sabiex jilħaq livell ta' bejn 42 u 50 % matul il-PI. F'termini ta' indiċi, is-sehem tas-suq żdied b'21 % fl-2003, b'aktar minn 43 punti perċentwali fl-2004 u b'6 punti perċentwali fl-IP. Globalment, iż-żieda fl-ishma tas-suq kienet ta' 70 % bejn l-2002 u l-IP.

    (34)

    Finalment, il-prezzijiet medji ta' l-importazzjonijiet iddampjati naqsu b'madwar 5 % bejn l-2002 u l-IP, u abbażi ta' paragun bejn mudell u mudell, l-importazzjonijiet iddampjati kienu bejn 34,4 % u 42 % anqas mill-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja, li jiddependi mill-esportatur konċernat.

    (35)

    B'mod simili, il-premessa (68) tar-Regolament provviżorju hija sostitwita kif ġej. Il-volum ta' l-importazzjonijiet iddampjati tal-prodott konċernat li joriġina mir-Repubblika tal-Korea żdied b'mod sinifikanti b'266 % bejn l-2002 u l-IP u s-sehem korrispondenti tas-suq miżmum mill-importazzjonijiet iddampjati żdied b'madwar 20 punt perċentwali bejn l-2002 u l-IP. Il-prezzijiet medji ta' l-importazzjonijiet iddampjati kienu aktar baxxi b'mod konsistenti minn dawk ta' l-industrija Komunitarja matul il-perjodu kunsidrat. Fuq paragun medju peżat bejn mudell u mudell, l-importazzjonijiet iddampjati kienu anqas mill-prezzijiet ta' l-industija tal-Komunità b'madwar 34,4 % u 42 %, li jiddependi mill-esportatur konċernat, filwaqt li għal xi mudelli, it-tnaqqis fil-prezz kien akbar.

    (36)

    Minħabba li ma kien hemm ebda informazzjoni jew argument fundamentali ġdid dwar l-aspett tad-dannu, il-premessi (41) sa (71) tar-Regolament provviżorju huma b'dan konfermati, bl-eċċezzjoni tal-premessi (44) sa (47) u l-premessa (68) li ġew indirizzati hawn fuq.

    G.   KAWŻAZZJONI

    1.   L-effetti ta' l-importazzjonijiet iddampjati

    (37)

    Kif dikjarat hawn fuq, instab li Samsung kellu marġini ta' dumping de minimis matul l-IP. Madankollu, iż-żieda sinifikanti fil-volum ta' l-importazzjonijiet iddampjati b'266 % bejn l-2002 u l-PI, iż-żieda fis-sehem tas-suq b'madwar 20 punt perċentwali, kif ukoll it-tnaqqis li nstab ikkoinċida mad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija Komunitarja.

    2.   Effetti ta' fatturi oħra

    Importazzjonijiet tal-prodott konċernat manifatturat minn Samsung

    (38)

    Minħabba li Samsung kella marġini ta' dumping de minimis matul il-PI, kien meħtieġ li jkun eżaminat jekk l-importazzjonijiet tas-Samsung setgħux, minkejja dan, ikkawżaw xi dannu lill-industrija Komunitarja. Sabiex wieħed jippreżerva l-kunfidenzjalità, id-data rigward Samsung hija preżentata hawn taħt f'format indiċizzat.

     

    2002

    2003

    2004

    IP

    Volum ta' l-importazzjonijiet minn Samsung (unitajiet)

    ma jistax jingħata tagħrif dwaru

    Indiċi (2002=100)

    100

    156

    183

    188

    Sehem tas-suq ta' l-importazzjonijiet minn Samsung

    ma jistax jingħata tagħrif dwaru

    Indiċi (2002=100)

    100

    103

    90

    88

    Prezzijiet ta' l-importazzjonijiet minn Samsung (EUR/unità)

    ma jistax jingħata tagħrif dwaru

    Indiċi (2002=100)

    100

    87

    86

    86

    (39)

    Il-volum ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw minn Samsung żdied bi 88 % bejn l-2002 u l-IP. Speċifikament, żdied b'56 % bejn l-2002 u l-2003, b'aktar minn 27 punti perċentwali fl-2004 u b'aktar minn 5 punti perċentwali fl-IP. Matul l-IP, il-volum ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw minn Samsung kien bejn 100 000 u 170 000 biċċa.

    (40)

    Is-sehem tas-suq korrispondenti miżmum mill-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung naqas b'madwar 5 punt perċentwali bejn l-2002 u l-IP, sabiex jilħaq livell ta' bejn 28 u 36 % matul l-IP. F'termini ta' indiċi, is-sehem tas-suq żdied b'3 % fl-2003 iżda imbagħad naqas bi 13-il punt perċentwali fl-2004 u b'2 punti perċentwali oħra fl-IP. Globalment, it-tnaqqis fl-ishma tas-suq kienu 12 % bejn l-2002 u l-IP.

    (41)

    Finalment, il-prezzijiet medji ta' l-importazzjonijiet mis-Samsung naqsu b'madwar 14 % bejn l-2002 u l-IP, u abbażi ta' paragun bejn mudell u mudell, l-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung kienu anqas mill-prezzijiet ta' l-industrija Komunitarja b'madwar 34,1 %.

    (42)

    Minħabba ż-żieda fil-volum ta' importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung u t-tnaqqis li nstab, ma jistax jiġi eskluż li dawn l-importazzjonijiet ikkontribwixxew għad-dannu li sofriet l-industrija Komunitarja. Madankollu, ġie osservat ukoll: (i) l-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung żdiedu b'pass ħafna aktar bil-mod mill-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea matul il-perjodu 2002 għall-IP; (ii) b'kuntrast ma' importazzjonijiet oħra Koreani, l-importazzjonijiet mingħand Samsung tilfu madwar 4 punti perċentwali tas-sehem tas-suq bejn l-2002 u l-IP; (iii) il-preżenza riżultanti, matul l-IP, ta' importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung fis-suq tal-Komunità kemm f'termini ta' volum kif ukoll ta' sehem mis-suq kienet sostanzjalment iżgħar minn dik ta' l-importazzjonijiet oħra Koreani; u (iv) il-paragun tal-prezz bejn mudell u mudell wera li l-prezzijiet tas-Samsung għalkemm iżgħar minn dawk ta' l-industrija Komunitarja, kienu b'mod konsistenti ogħla minn dawk ta' l-importazzjonijiet oħra Koreani.

    (43)

    Bħala konsegwenza, ġie konkluż li l-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung ikkontribwixxew għal dannu kawżat mill-industrija Komunitarja, iżda għal grad sostanzjali anqas minn dak ta' l-importazzjonijiet iddampjati miż-żewġ produtturi Koreani l-oħra. L-impatt marbut ma' l-importazzjonijiet li joriġinaw mis-Samsung huwa għalhekk kunsidrat mhux suffiċjenti sabiex jikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet iddampjati u d-dannu riżultanti mġarrab mill-industrija Komunitarja.

    (44)

    Ladarba ma kien hemm ebda informazzjoni jew argument fundamentali ġodda, il-premessi (72) sa (96) tar-Regolament provviżorju huma b'dan konfermati, bl-eċċezzjoni ta' l-ewwel sentenza tal-premessa (73) li tidher hawn fuq.

    H.   INTERESS KOMUNITARJU

    (45)

    Minħabba li ma kien hemm ebda informazzjoni jew argument fundamentali ġdid f'dan ir-rigward partikolari, il-premessi (97) sa (114) tar-Regolament provviżorju huma b'dan konfermati.

    I.   MIŻURI DEFINITTIVI

    (46)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa rigward dumping, dannu, ikkawżar u interess tal-Komunità, u skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju definittiv kontra d-dumping fil-livell tal-marġini ta' dumping misjub, iżda mhux aktar għoli mill-marġini ta' dannu ppreżentat fil-premessa (119) tar-Regolament provviżorju u konfermat fil-Regolament preżenti. Billi l-marġini tad-dannu kienu dejjem ogħla mill-marġini ta' dumping, il-miżuri għandhom jiġu bbażati fuq dan ta' l-aħħar.

    (47)

    Id-dazji definittivi għandhom għalhekk ikunu kif ġej:

    Kumpannija

    Marġini ta' dannu

    Marġini ta' dumping

    Dazju anti-dumping propost

    Daewoo Electronics Corporation

    98,5  %

    3,4  %

    3,4  %

    LG Electronics Corporation

    74,8  %

    12,2  %

    12,2  %

    Samsung Electronics Corporation

    66,3  %

    de minimis

    0  %

    Il-kumpanniji l-oħra kollha

    98,5  %

    12,2  %

    12,2  %

    J.   ĠBIR DEFINITTIV TAD-DAŻJU PROVVIŻORJU

    (48)

    Fid-dawl tad-daqs tal-marġini ta' dumping misjub għall-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Korea u minħabba l-livell ta' dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja, huwa meqjus neċessarju li l-ammonti żgurati permezz tad-dazju provviżorju kontra d-dumping impost mir-Regolament provviżorju għandhom ikunu miġbura definittivament sa l-ammont tad-dazji definittivi imposti. Billi l-mudell bi tliet bibien issa huwa eskluż mid-definizzjoni tal-prodott (ara l-premessi (12) sa (16) hawn fuq) u d-dazji definittivi huma aktar baxxi mid-dazji provviżorji, l-ammonti żgurati provviżorjament fuq importazzjonijiet ta' mudell bi tliet bibien jew li jaqbżu r-rata definittiva ta' dazji anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

    (49)

    Ir-rati tad-dazji kontra d-dumping tal-kumpanniji individwali speċifikati f'dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tal-konklużjonijiet ta' l-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, huma jirriflettu s-sitwazzjoni misjuba matul l-investigazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati ta' dazju (kuntrarju għad-dazju fil-pajjiż kollu applikabbli għall-“kumpanniji l-oħra kollha”) huma għalhekk esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet ta' prodotti li joriġinaw fil-pajjiż interessat u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Il-prodotti importati manifatturati minn xi kumpannija oħra li ma ssemmietx b'mod speċifiku fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet konnessi ma' dawk li ssemmew b'mod speċifiku, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta' dazju applikabbli għall-“kumpanniji l-oħra kollha”.

    (50)

    Kull talba għall-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju anti-dumping għall-kumpanniji individwali (eż. wara bidla fl-isem ta' l-entità jew wara t-twaqqif ta' entitajiet ta' produzzjoni jew bejgħ ġodda) għandhom ikunu indirizzati lill-Kummissjoni flimkien ma' l-informazzjoni kollha relevanti, b'mod partikolari, kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpannija assoċjata mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u bejgħ bl-esportazzjoni assoċjat ma' pereżempju dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet ta' produzzjoni u bejgħ. Jekk ikun il-każ, ir-Regolament jiġi emendat kif meħtieġ billi tiġi aġġornata l-lista ta' kumpanniji li jibbenefikaw minn dazji individwali,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Dazju definittiv anti-dumping huwa b'dan impost fuq refriġeraturi side-by-side, jiġifieri refriġeraturi-freezers kombinati ta' kapaċità li teċċedi 400 litru, bil-kompartimenti tal-freezer u tar-refriġeratur imqiegħda ma' ġenb xulxin, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8418 10 20 (kodiċi TARIC 8418102091) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea.

    2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett liberu fuq il-fruntiera Kommunitarja, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpanniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:

    Kumpannija

    Dazju anti-dumping (%)

    Kodiċi addizzjonali TARIC

    Daewoo Electronics Corporation, 686 Ahyeon-dong, Mapo-gu, Seoul

    3,4  %

    A733

    LG Electronics Corporation, LG Twin Towers, 20, Yeouido-dong, Yeongdeungpo-gu, Seoul

    12,2  %

    A734

    Samsung Electronics Corporation, Samsung Main Bldg, 250, 2-ga, Taepyeong-ro, Jung-gu, Seoul

    0  %

    A735

    Il-kumpanniji l-oħra kollha

    12,2  %

    A999

    3.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dażji doganali.

    Artikolu 2

    1.   L-ammonti żgurati permezz tad-dazji provviżorji anti-dumping skond ir-Regolament (KE) Nru 355/2006 fuq importazzjonijiet ta' refriġeraturi side-by-side, jiġifieri refriġeraturi-freezers kombinati ta' kapaċità li teċċedi 400 litru, li jkollhom għall-anqas żewġ bibien esterni separati mqiegħda ma' ġenb xulxin, magħmula minn Samsung Electronics Corporation li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8418 10 20, għandhom jiġu rilaxxati.

    2.   L-ammonti żgurati permezz tad-dazji provviżorji anti-dumping skond ir-Regolament (KE) Nru 355/2006 fuq importazzjonijiet ta' refriġeraturi-freezers kombinati ta' kapaċità li teċċedi 400 litru, b'żewġ bibien għall-kompartiment tar-refriġeratur fuq u bieba waħda għall-kompartiment tar-refriġeratur isfel, li jaqgħu taħt il-kdoiċi NM ex 8418 10 20 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea, għandhom ikunu rilaxxati.

    3.   L-ammonti żgurati permezz tad-dazji provviżorji anti-dumping skond ir-Regolament (KE) Nru 355/2006 fuq importazzjonijiet ta' refriġeraturi side-by-side, jiġifieri refriġeraturi-freezers kombinati ta' kapaċità li teċċedi 400 litru, bil-kompartimenti tal-freezer u tar-refriġeratur imqiegħda ġenb ma' ġenb, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8418 10 20 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea, għandhom jinġabru b'mod definittiv. L-ammonti żgurati li jeċċedu d-dazji definittivi kif stabbiliti fl-Artikolu 1(2) hawn fuq, għandhom ikunu rilaxxati.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament ghandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Ufficjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, 25 ta’ Awwissu 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    E. TUOMIOJA


    (1)  ĠU L 56, 6.3.1996. p.1, ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

    (2)  ĠU C 135, 2.6.2005, p. 4.

    (3)  ĠU L 59, 1.3.2006, p.12.

    (4)  Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2041/2000 (ĠU L 244, 29.9.2000, p. 33, premessa 26).


    Top