Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1126

    1126/2006/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1126/2006 ta’ l- 24 ta’ Lulju 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 234/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Liberja u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1030/2003, u li jissospendi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Liberja

    ĠU L 201, 25.7.2006, p. 1–3 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 448–450 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/06/2016; Impliċitament imħassar minn 32016R0983

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1126/oj

    31.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    448


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1126/2006

    ta’ l-24 ta’ Lulju 2006

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 234/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Liberja u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1030/2003, u li jissospendi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-Liberja

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 60 u 301 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2006/31/PESK tat-23 ta' Jannar 2006 li ġġedded il-miżuri restrittivi imposti kontra l-Liberja (1) u l-Pożizzjoni Komuni 2006/518/PESK ta' l-24 ta’ Lulju 2006 li timmodifika u ġġedded ċerti miżuri restrittivi imposti kontra l-Liberja (2),

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Sabiex timplimenta l-miżuri imposti kontra l-Liberja mir-Riżoluzzjoni 1521(2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCR), il-Pożizzjoni Komuni 2004/137/PESK ta' l-10 ta' Frar 2004 dwar ċerti miżuri restrittivi kontra l-Liberja (3) pprevedit għall-implimentazzjoni tal-miżuri mniżżlin fil-UNSCR 1521 (2003) dwar il-Liberja, u projbizzjoni tal-forniment ta' assistenza finanzjarja lil-Liberja relatata ma' attivitajiet militari. Fit-23 ta' Jannar 2006, il-Pożizzjoni Komuni 2006/31/PESK kkonfermat il-miżuri restrittivi tal-Pożizzjoni Komuni 2004/137/PESK għal perijodu ulterjuri, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 1647(2005) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 234/2004 (4) jipprojbixxi l-forniment ta' assistenza teknika u finanzjarja lil-Liberja relatata ma' attivitajiet militari, l-importazzjoni ta' djamanti mhux maħduma mil-Liberja u l-importazzjoni ta' zkuk tondi u prodotti ta' l-injam li joriġinaw f'dak il-pajjiż.

    (3)

    Fid-dawl ta' l-iżviluppi fil-Liberja, fit-13 ta' Ġunju 2006 l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta l-UNSCR 1683(2006) li tintroduċi xi eżenzjonijiet għall-projbizzjoni ta' assistenza teknika relatata ma' attivitajiet militari imposta mill-paragrafu 2(b) ta' l-UNSCR 1521(2003).

    (4)

    Fl-20 ta' Ġunju 2006, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1689(2006). Huwa ddeċieda li jġedded il-projbizzjoni kontra l-importazzjoni tad-djamanti, iżda mhux li jġedded il-projbizzjoni kontra l-importazzjoni taz-zkuk tondi u l-prodotti kollha ta' l-injam li joriġinaw mil-Liberja, li kienet ġiet imposta mill-paragrafu 10 tal-UNSCR 1521(2003) u, wara diversi estensjonijiet, skadiet fl-20 ta' Ġunju 2006. Il-Kunsill tas-Sigurtà esprima d-determinazzjoni tiegħu li jerġa' jattwa dik il-projbizzjoni jekk, fi żmien disgħin jum, il-Liberja tonqos milli tgħaddi l-leġislazzjoni tal-forestrija proposta mill-Kumitat għall-Montoraġġ tar-Riforma tal-Foresti maħluq mill-Gvern tal-Liberja.

    (5)

    Waqt li tqiesu dawn ir-Riżoluzzjonijiet u l-Pożizzjonijiet Komuni 2006/31/PESK u 2006/518/PESK, jeħtieġ li tiġi sospiża l-projbizzjoni kontra l-importazzjonijiet taz-zkuk tondi u l-prodotti ta' l-injam li joriġinaw mil-Liberja, imniżżla fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 234/2004, b'effett mit-23 ta' Ġunju 2006, u li jiġu emendati l-Artikoli 3 u 4 ta' dak ir-Regolament, partikolarment sabiex jiġi permess il-forniment ta' assistenza lill-pulizija u l-forzi tas-sigurtà tal-Gvern tal-Liberja taħt ċerti kondizzjonijiet b'effett mit-13 ta' Ġunju 2006,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 234/2004 huwa b'dan emendat kif ġej:

    1)

    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 3

    1.   B'deroga mill-Artikolu 2, l-awtorità kompetenti, kif elenkat fl-Anness I, ta' l-Istat Membru fejn il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit, tista' tawtorizza l-forniment ta':

    (a)

    assistenza teknika, finanzjar u assistenza finanzjarja relatati ma’:

    (i)

    armi u materjal relatat, fejn tali assistenza jew servizzi jkunu intiżi biss għall-appoġġ ta' u l-użu mill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Liberja; jew

    (ii)

    armi u munizzjon li jibqgħu it-tnejn fil-kustodja tas-Servizz Speċjali ta’ Sigurtà għal użu operattiv mhux ostakolat, u li ngħataw skond l-approvazzjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-paragrafu 21 tar-Riżoluzzjoni 1521 (2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-membri ta' dak is-Servizz għal skopijiet ta' taħriġ qabel it-13 ta' Ġunju 2006;

    (b)

    finanzjar u assistenza finanzjarja relatati ma’:

    (i)

    armi u materjal relatat intiżi biss għall-appoġġ u l-użu fi programm internazzjonali ta’ taħriġ u riforma għall-forzi armati u l-pulizija Liberjana, kemm-il darba l-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 21 tar-Riżoluzzjoni 1521 (2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jkun approva l-esportazzjoni, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ l-armi jew materjal relatat ikkonċernat;

    (ii)

    tagħmir militari li ma jikkaġunax il-mewt intiż biss għal użu umanitarju jew ta' protezzjoni, kemm-il darba l-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 21 tar-Riżoluzzjoni 1521 (2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jkun approva l-esportazzjoni, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment tat-tagħmir ikkonċernat; jew

    (iii)

    armamenti u munizzjon intiżi għall-użu minn membri tal-pulizija u tal-forzi tas-sigurtà tal-Gvern tal-Liberja li ġew mistħarrġa u mħarrġa sa mill-bidu nett tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Liberja f'Ottubru 2003, kemm-il darba l-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 21 tar-Riżoluzzjoni 1521 (2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ikun approva l-esportazzjoni, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta’ l-armi jew il-munizzjon ikkonċernati.

    2.   L-ebda awtorizzazzjoni ma għandha tingħata għal attivitajiet li diġà seħħew.”;

    2)

    L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 4

    1.   Fejn attivitajiet ta' dan it-tip ġew approvati minn qabel mill-Kumitat stabbilit permezz tal-paragrafu 21 tar-Rizoluzzjoni 1521 (2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u b'deroga mill-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti, kif elenkata fl-Anness I, ta' l-Istat Membru fejn il-fornitur tas-servizzi huwa stabbilit, tista' tawtorizza l-forniment ta' assistenza teknika relatata ma':

    (a)

    armi u materjal relatat intiż biss għall-appoġġ u l-użu fi programm internazzjonali ta' taħriġ u riforma għall-forzi armati u l-pulizija Liberjani;

    (b)

    apparat militari li ma jikkaġunax il-mewt intiż biss għal użu umanitarju jew ta' protezzjoni; jew

    (ċ)

    armamenti u munizzjon intiżi għal użu minn membri tal-pulizija u tal-forzi tas-sigurtà tal-Gvern tal-Liberja li ġew mistħarrġa u mħarrġa sa mill-bidu nett tal-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Liberja f'Ottubru 2003.

    L-approvazzjoni tal-Kumitat stabbilit mill-paragrafu 21 tar-Riżoluzzjoni 1521 (2003) tal-Kumitat tas-Sigurtà tan-NU għandha tintalab permezz ta' l-awtorità kompetenti, kif elenkat fl-Anness I, ta' l-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz.

    Il-Gvern ta’ l-Istat Membru kkonċernat u l-Gvern tal-Liberja għandhom jagħmlu talba konġunta għall-approvazzjoni ta’ assistenza teknika marbuta ma’ l-armi u l-munizzjon imsemmija fil-punt (ċ), lill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 21 tar-Riżoluzzjoni 1521 (2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

    2.   L-ebda awtorizzazzjoni ma għandha tingħata għal attivitajiet li diġà seħħew.”.

    Artikolu 2

    L-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 234/2004 għandu jkun sospiż sat-18 ta' Settembru 2006.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    L-Artikolu 1 għandu japplika mit-13 ta' Ġunju 2006. L-Artikolu 2 għandu japplika mit-23 ta' Ġunju 2006.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2006.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. RAJAMAKI


    (1)  ĠU L 19, 24.1.2006, p. 38.

    (2)  Ara p. 36 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (3)  ĠU L 40, 12.2.2004, p. 35. Pożizzjoni Komuni kif emendata bil-Pożizzjoni Komuni 2004/902/PESK (ĠU L 379, 24.12.2004, p. 113).

    (4)  ĠU L 40, 12.2.2004, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1452/2005 (ĠU L 230, 7.9.2005, p. 11).


    Top