EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R0968

968/2006/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 968/2006 tas- 27 ta’ Ġunju 2006 li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità

ĠU L 176, 30.6.2006, p. 32–43 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 183–194 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/03/2014: This act has been changed. Current consolidated version: 21/07/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/968/oj

2.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

183


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 968/2006

tas-27 ta’ Ġunju 2006

li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 tal-20 ta’ Frar 2006 li jistabbilixxi skema temporanja għar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 320/2006 jipprovdi għal għajnuna għar-ristrutturar għal dawk l-impriżi li jiddeċiedu li jirrinunzjaw il-produzzjoni tal-kwota tagħhom, b’parti mill-għajnuna tkun riservata għall-produtturi tal-pitravi, tal-kannamieli u taċ-ċikwejra kif ukoll għall-kuntratturi tal-makkinarju, sabiex ikun hemm kumpens għal telf li jirriżulta mill-għeluq tal-fabbriki taz-zokkor. Huwa jipprovdi wkoll għal għajnuna għad-diversifikazzjoni lill-Istati Membri għal miżuri ta’ diversifikazzjoni fir-reġjuni kkonċernati mill-għeluq tal-fabbriki, għal għajnuna tranżizzjonali għar-raffinaturi full-time u għal għajnuna tranżizzjonali lil ċerti Stati Membri.

(2)

Qabel ma jippreżentaw applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar, l-impriżi għandhom jikkonsultaw lill-produtturi tal-pitravi zokkrin, tal-kannamieli u taċ-ċikwejra, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006. Sabiex ikun żgurat li l-produtturi u partijiet interessati oħra jingħataw opportunità ġusta biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom, għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-proċess ta’ konsultazzjoni.

(3)

L-għajnuna għar-ristrutturar tingħata għas-sena kummerċjali li għaliha l-kwota tkun ġiet irrinunzjata. Għalhekk, fil-każ fejn iz-zokkor, l-isoglukosju jew il-ġulepp tal-inulina jiġi rtirat jew trasferit mis-sena kummerċjali preċedenti u jsir l-ewwel produzzjoni tal-kwota tas-sena kummerċjali li għaliha l-impriża tippjana li tirrinunzja l-kwota tagħha, l-impriża għandha titħalla tagħmel applikazzjoni waħda għar-rinunzja tal-kwota f’sentejn kummerċjali suċċessivi, fejn tirċievi għal kull parti tal-kwota l-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar applikabbli għas-sena kummerċjali li għaliha l-kwota tkun irrinunzjata.

(4)

Fir-rigward tar-rinunzja tal-kwoti, l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 jistipula l-għażliet ta’ żarmar sħiħ jew parzjali tal-faċilitajiet ta’ produzzjoni, li jirriżultaw f’ammonti differenti ta’ għajnuna għar-ristrutturar. Filwaqt li l-kundizzjonijiet applikabbli għal dawk iż-żewġ għażliet għandhom iqisu li ammont ogħla ta’ għajnuna għar-ristrutturar jingħata għal żarmar sħiħ, minħabba l-ispejjeż ogħla involuti, jitqies xieraq li wieħed jaħseb għall-possibbiltà li jinżammu partijiet mill-fabbrika li m’humiex parti mil-linja ta’ produzzjoni, jekk ikunu jistgħu jintużaw għal skopijiet oħra previsti fil-pjan ta’ ristrutturar, speċjalment meta użu bħal dan joħloq l-impjiegi. Min-naħa l-oħra, installazzjonijiet li m’humiex marbuta direttament mal-produzzjoni taz-zokkor għandhom jiżżarmaw jekk ma jkun hemm l-ebda użu alternattiv għalihom f’perjodu ta’ żmien raġonevoli u jekk il-manutenzjoni tagħhom tkun ta’ ħsara għall-ambjent.

(5)

Sabiex jiġu mħarsa l-interessi tal-bdiewa u tal-kuntratturi tal-makkinarju, l-impriżi għandhom ikunu obbligati jħallsuhom is-sehem tagħhom tal-għajnuna għar-ristrutturar skont kriterji stabbiliti mill-Istat Membru u f’perjodu ta’ żmien raġonevoli wara li jkunu rċevew l-ewwel rata tal-għajnuna għar-ristrutturar.

(6)

Minħabba l-limiti finanzjarji tal-fond temporanju għar-ristrutturar, l-għoti tal-għajnuna għandu jiddependi fuq l-ordni kronoloġika tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet. Hu għalhekk neċessarju li jkunu stabbiliti l-kriterji ta’ kif din l-ordni kronoloġika għandha tkun determinata.

(7)

Id-deċiżjoni tal-Istat Membru dwar l-eliġibbiltà ta’ applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar hi bbażata fuq l-aċċettazzjoni tiegħu tal-pjan ta’ ristrutturar ippreżentat flimkien mal-applikazzjoni. Hu għalhekk neċessarju li jkunu definiti l-kriterji u l-proċedura għall-aċċettazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar, kif ukoll għal emendi ulterjuri għal tali pjan.

(8)

F’każijiet fejn, minħabba l-limiti finanzjarji tal-fond temporanju ta’ ristrutturar, ir-riżorsi tal-fond ikunu momentarjament insuffiċjenti biex tingħata għajnuna għar-ristrutturar lil applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun ġiet meqjusa eliġibbli, l-applikant għandu jitħalla jirtira l-applikazzjoni tiegħu sa ċertu perjodu. Jekk ma tkunx irtirata, l-applikazzjoni għandha tibqa’ valida bid-data oriġinali tar-reġistrazzjoni tagħha u hi ssir applikazzjoni għas-sena kummerċjali li jmiss.

(9)

Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont ta’ għajnuna għad-diversifikazzjoni u ta’ għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni, kif ukoll tal-għajnuna tranżizzjonali lil ċerti Stati Membri u għandha tinforma lil kull Stat Membru dwar l-ammont disponibbli. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-programmi ta’ ristrutturar nazzjonali tagħhom, filwaqt li jagħtu d-dettalji tal-miżuri li jridu jittieħdu.

(10)

Sabiex ikun iktar faċli għar-raffinaturi full-time li jkunu tilfu ċerti benefiċċji li kellhom taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (2) biex jadattaw għas-sitwazzjoni l-ġdida wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 tal-20 ta’ Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (3), ir-Regolament (KE) Nru 320/2006 jintroduċi għajnuna tranżizzjonali allokata f’dawk l-Istati Membri fejn ir-raffinaturi fis-sens tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 ġew stabbiliti fil-passat. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jagħtu l-għajnuna lir-raffinaturi full-time stabbiliti fuq it-territorju tagħhom fuq il-bażi ta’ pjan tan-negozju mħejji mill-impriża kkonċernata.

(11)

Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkontrollaw il-proċess ta’ ristrutturar, l-impriżi li jirċievu għajnuna għandhom jippreżentaw rapporti ta’ progress annwali. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress dwar il-pjanijiet ta’ ristrutturar ta’ dawk l-impriżi, il-pjanijiet tan-negozju tar-raffinaturi kif ukoll il-programmi ta’ ristrutturar nazzjonali tagħhom.

(12)

Għandhom jiġu stipulati arranġamenti biex isiru kontrolli mill-Istati Membri sabiex ikun żgurat b’mod partikulari li jkun hemm konformità mal-pjan ta’ ristrutturar relatat mal-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturar u mal-pjan tan-negozju relatat mal-għoti ta’ għajnuna lir-raffinaturi full-time.

(13)

Hu neċessarju li jkunu previsti sanzjonijiet li jkunu applikati fil-każ fejn impriża ma tkunx konformi mal-obbligi tagħha skont il-pjan ta’ ristrutturar jew il-pjan tan-negozju.

(14)

Il-Kumitat tal-Fond ma tax opinjoni fil-limitu ta’ żmien stabbilit miċ-chairperson tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŽIZZJONIJIET PRELIMINARI

Artikolu 1

Ambitu u definizzjonijiet

1.   Dan ir-Regolament jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fl-Artikoli 3, 6, 7, 8 u 9 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 u ffinanzjati mill-fond ta’ ristrutturar stabbilit bl-Artikolu 1 ta’ dak ir-Regolament.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 għandhom japplikaw.

Id-definizzjoni ta’ “ġurnata ta’ xogħol” stipulata fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1182/71 (4) għandha tapplika wkoll.

KAPITOLU II

KUNDIZZJONIJIET BIEX TINGĦATA GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR

Artikolu 2

Konsultazzjoni fil-qafas ta’ ftehimiet interprofessjonali

1.   Il-konsultazzjoni li saret fil-qafas tal-ftehimiet rilevanti interprofessjonali kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 għandha tkun ibbażata fuq skeda dettaljata u abbozz ta’ pjan ta’ ristrutturar imfassal mill-impriża kkonċernata.

Il-ftehim rilevanti interprofessjonali għandu jkun dak konkluż għas-sena kummerċjali li fiha ssir il-konsultazzjoni.

Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema u ta’ partijiet oħra kkonċernati mill-pjan ta’ ristrutturar iżda li ma jkunux qed jieħdu sehem fil-ftehim rilevanti interprofessjonali jistgħu jiġu mistiedna mill-impriża biex jieħdu sehem fil-konsultazzjoni bħala osservaturi.

2.   Il-konsultazzjoni għandha tinvolvi l-elementi kollha tal-pjan ta’ ristrutturar imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

3.   L-istedina għall-konsultazzjoni għandha tintbagħat mill-impriża kkonċernata. Għandha tkun akkumpanjata mill-abbozz tal-pjan ta’ ristrutturar u aġenda ddettaljata għal-laqgħa li tkun se ssir. Kopja tal-istedina u d-dokumenti li jakkumpanjawha għandhom jintbagħtu fl-istess ħin lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

4.   Sakemm ma jkunx intlaħaq ftehim iktar kmieni, il-konsultazzjoni għandha tikkonsisti minn tal-inqas żewġ laqgħat u għandha ddum sa 30 ġurnata mill-ġurnata li fiha tkun intbagħtet l-istedina għall-konsultazzjoni.

5.   Il-konferma li l-pjan ta’ ristrutturar ikun ġie mħejji f’konsultazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, għandha tkun ibbażata fuq:

(a)

l-istedina mibgħuta mill-impriża kkonċernata u rċevuta mill-partijiet l-oħra;

(b)

il-firem tal-parteċipanti għal-laqgħat jew dikjarazzjoni ta’ astensjoni eventwali ta’ kwalunkwe wieħed mill-partijiet mistiedna milli jipparteċipa;

(c)

l-abbozz ta’ pjan ta’ ristrutturar kif emendat mill-impriża kkonċernata wara l-konsultazzjoni, li jispeċifika l-elementi miftiehma mill-partijiet, kif ukoll l-elementi li ma jkunux miftiehma;

(d)

jekk ikun hemm, id-dokumenti ta’ pożizzjoni tal-partijiet fil-ftehim interprofessjonali, l-opinjoni tar-rappreżentant tal-ħaddiema u l-opinjonijiet tal-partijiet mistiedna l-oħra.

6.   Għas-sena kummerċjali 2006/2007, l-Istati Membri jistgħu jqisu l-konsultazzjonijiet li twettqu fil-qafas tal-ftehimiet rilevanti interprofessjonali li saru qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, anki jekk ma jkunux konformi mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Rinunzja tal-kwota

Mis-sena kummerċjali li għaliha l-kwota tkun irrinunzjata f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, l-ebda produzzjoni ta’ zokkor, isoglukosju jew ġulepp tal-inulina u l-ebda zokkor, isoglukosju jew ġulepp tal-inulina trasferit jew irtirat mis-sena kummerċjali preċedenti ma tista’ titqies bħala produzzjoni skont il-kwota fir-rigward tal-fabbriki kkonċernati.

Artikolu 4

Żarmar ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni

1.   Fil-każ ta’ żarmar sħiħ imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, ir-rekwiżit biex jiżżarmaw il-faċilitajiet ta’ produzzjoni għandhom jikkonċernaw:

(a)

il-faċilitajiet kollha li huma neċessarji biex ikun prodott iz-zokkor, l-isoglukosju jew il-ġulepp tal-inulina, bħal pereżempju: faċilitajiet għall-ħażna, l-analiżi, il-ħasil u l-qtugħ ta’ pitravi zokkrin, kannamieli, ċereali jew ċikwejra; il-faċilitajiet kollha li huma neċessarji biex ikun estratt u pproċessat jew ikkonċentrat zokkor mill-pitravi zokkrin jew mill-kannamieli, lamtu miċ-ċereali, glukosju mil-lamtu jew inulina miċ-ċikwejra;

(b)

il-parti tal-faċilitajiet ħlief dawk imsemmija fil-punt (a) li huma relatati direttament mal-produzzjoni taz-zokkor, l-isoglukosju jew il-ġulepp tal-inulina u li huma neċessarji biex tkun trattata l-produzzjoni skont il-kwota rrinunzjata, anki jekk tkun tista’ tintuża fir-rigward tal-produzzjoni ta’ prodotti oħra, bħal: faċilitajiet għat-tisħin jew l-ipproċessar tal-ilma, jew għall-produzzjoni tal-enerġija; faċilitajiet biex tkun trattata l-polpa tal-pitravi zokkrin jew il-ġulepp magħqud; faċilitajiet għat-trasport intern;

(c)

il-faċilitajiet l-oħra kollha, bħal faċilitajiet ta’ ppakkjar, li jkunu baqgħu ma ntużawx u li jkunu se jiġu żarmati u mneħħija għal raġunijiet ambjentali.

2.   Fil-każ ta’ żarmar parzjali msemmi fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, ir-rekwiżit biex ikunu żarmati l-faċilitajiet ta’ produzzjoni għandu jikkonċerna l-faċilitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li ma jkunux intenzjonati biex jintużaw għal produzzjoni oħra jew għal użu ieħor tas-sit tal-fabbrika f’konformità mal-pjan ta’ ristrutturar.

Artikolu 5

Koerenza bejn sorsi differenti ta’ finanzjament

L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-koerenza u l-komplementarjetà ta’ miżuri jew azzjonijiet iffinanzjati mill-fond ta’ ristrutturar u minn fondi Komunitarji oħra fil-livell reġjonali jew nazzjonali, kif ukoll in-nuqqas ta’ xogħol doppju bejniethom.

KAPITOLU III

APPLIKAZZJONI GĦALL-GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR U L-GĦOTI TAGĦHA

Artikolu 6

Obbligi tal-Istati Membri

1.   Sa mhux iktar tard minn ħamsa u erbgħin ġurnata wara li jkun irċeva l-kopja tal-istedina għall-konsultazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 2(3), l-Istat Membru għandu jinforma lill-partijiet involuti fil-pjan ta’ ristrutturar dwar id-deċiżjoni tiegħu rigward:

(a)

il-persentaġġ tal-għajnuna għar-ristrutturar li għandu jitqassam lill-produtturi tal-pitravi, tal-kannamieli u taċ-ċikwejra u lill-kuntratturi tal-makkinarju, il-kriterji oġġettivi għat-tqassim ta’ dik il-parti tal-għajnuna bejn iż-żewġ gruppi u fi ħdan kull grupp, kif determinat wara konsultazzjoni mal-partijiet interessati, u l-perjodu msemmi fl-Artikolu 3(6) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006;

(b)

il-perjodu, li jiskadi sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2010, biex jiżżarmaw il-faċilitajiet ta’ produzzjoni u biex ikun hemm konformità mal-impenji soċjali u ambjentali msemmija fl-Artikoli 3(3)(c) u 3(4)(c) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006;

(c)

jekk applikabbli, ir-rekwiżiti speċifiċi nazzjonali għall-impenji soċjali u ambjentali, fil-pjan ta’ ristrutturar, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi statutorji imposti mil-liġi Komunitarja, kif imsemmi fl-Artikoli 3(3)(c) u 3(4)(c) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

2.   B’deroga għall-paragrafu 1, l-Istat Membru għandu jinforma, fil-każ fejn japplika l-Artikolu 2(6), lill-partijiet dwar id-deċiżjoni tiegħu sa mhux iktar tard mill-15 ta’ Lulju 2006.

3.   Il-kuntratturi tal-makkinarju għandhom ikunu kkumpensati għat-telf imġarrab wara t-telf fil-valur tal-makkinarju speċjalizzat tagħhom, li ma jkunx jista’ jintuża għal skopijiet oħra.

Artikolu 7

Applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar

1.   Kull applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar għandha tkopri prodott wieħed u sena kummerċjali waħda.

2.   B’deroga għall-paragrafu 1, fejn kwota li se tkun irrinunzjata tkun ġiet parzjalment użata bi produzzjoni trasferita jew irtirata mis-sena kummerċjali preċedenti, l-impriża tista’ tirrinunzja l-kwota sħiħa għall-fabbrika jew għall-fabbriki kkonċernati, b’żarmar sħiħ jew parzjali, fiż-żewġ fażijiet li ġejjin:

(a)

mill-ewwel sena kummerċjali kkonċernata mill-applikazzjoni, il-parti tal-kwota li għaliha ma jkun hemm l-ebda produzzjoni għandha tkun irrinunzjata b’talba għall-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar għal żarmar sħiħ jew parzjali applikabbli għal dik is-sena kummerċjali;

(b)

il-parti li jkun fadal tal-kwota kkonċernata għandha tkun soġġetta għall-ammont ta’ ristrutturar temporanju previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 u għandha tkun irrinunzjata sa mis-sena kummerċjali li jkun imiss b’talba għall-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar għal żarmar sħiħ jew parzjali applikabbli għal dik is-sena kummerċjali.

Fil-każ fejn jiġi applikat dan il-paragrafu, l-impriża tista’ tippreżenta applikazzjoni waħda għas-sentejn kummerċjali kkonċernati.

3.   L-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar għandha tispeċifika l-ammont ta’ kwota allokata li trid tkun irrinunzjata għal kull fabbrika tal-impriża kkonċernata u għandha tkun konsistenti mal-ftehimiet kollettivi rilevanti, inklużi ftehimiet konklużi mis-sieħba soċjali fil-livell settorjali jew tal-kumpanija relatati mar-ristrutturar tal-industrija taz-zokkor.

Artikolu 8

Lqugħ tal-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar

1.   L-għoti tal-għajnuna għar-ristrutturar fil-limiti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 għandu jkun ibbażat fuq l-ordni kronoloġika ta’ meta jsiru l-applikazzjonijiet sħaħ għall-għajnuna għar-ristrutturar, ibbażata fuq dati u sigħat f’ħin lokali kif iddikjarat mill-irċevuti mill-Istat Membru kkonċernat f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar għandha titqies li tkun sħiħa wara li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tkun irċeviet l-elementi kollha msemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

3.   L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tibgħat irċevuta lill-impriża kkonċernata fejn tindika d-data u s-siegħa ta’ meta tkun ġiet irreġistrata applikazzjoni sħiħa għall-għajnuna għar-ristrutturar, fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol wara d-data li fiha l-applikazzjoni titqies li tkun kompluta.

4.   Fil-każ ta’ applikazzjoni mhux kompluta, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tirritorna l-applikazzjoni lill-applikant, fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn meta tkun waslet, u tispeċifika l-kundizzjonijiet li ma jkunx hemm konformità magħhom.

5.   Applikazzjoni li ma titqiesx li tkun kompluta sa l-iskadenza stipulata fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 m’għandhiex tiġi kkunsidrata għas-sena kummerċjali kkonċernata.

6.   Fi żmien jumejn ta’ xogħol wara li tkun ħarġet l-irċevuta, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar dan, billi tuża t-tabella mudell stipulata fl-Anness. Jekk ikun applikabbli, għandha tintuża tabella separata għal kull prodott u kull sena kummerċjali kkonċernati.

Artikolu 9

Eliġibbiltà għall-għajnuna għar-ristrutturar

1.   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà ta’ applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar u għandha tinforma lill-applikant dwar id-deċiżjoni tagħha fi żmien 30 ġurnata ta’ xogħol mill-wasla tal-applikazzjoni sħiħa, iżda mill-inqas 10 ġranet ta’ xogħol qabel l-iskadenza prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

2.   Biex l-applikazzjoni titqies eliġibbli, il-pjan ta’ ristrutturar għandu:

(a)

jinkludi sommarju tal-objettivi ewlenin, il-miżuri u l-azzjonijiet kif ukoll l-ispejjeż stmati ta’ dawn il-miżuri u l-azzjonijiet, il-pjan finanzjarju u l-iskedi ta’ żmien;

(b)

jispeċifika għal kull fabbrika kkonċernata l-ammont ta’ kwota li jrid jiġi rrinunzjat, li għandu jkun inqas jew daqs il-kapaċità ta’ produzzjoni li se tkun żarmata b’mod sħiħ jew parzjali;

(c)

jinkludi attestazzjoni li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni se jkunu żarmati kompletament jew parzjalment u mneħħija mis-sit ta’ produzzjoni;

(d)

iqis it-telf jew l-ispejjeż involuti, bejn l-għajnuna msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, l-għeluq u ż-żarmar tal-faċilitajiet msemmija fil-punt (c) ta’ dak il-paragrafu, l-investimenti msemmija fil-punt (e) ta’ dak il-paragrafu, il-pjan soċjali msemmi fil-punt (f) ta’ dak il-paragrafu u l-pjan ambjentali msemmi fil-punt (g) ta’ dak il-paragrafu;

(e)

jiddetermina b’mod ċar l-azzjonijiet u l-ispejjeż kollha ffinanzjati mill-fond għar-ristrutturar u, jekk applikabbli, l-elementi l-oħra relatati intenzjonati biex ikunu ffinanzjati minn fondi Komunitarji oħra.

3.   Jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ma jkunux sodisfatti, l-Istat Membru għandu jinforma lill-applikant dwar ir-raġunijiet għal dan u jiffissa skadenza fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, sa meta l-pjan ta’ ristrutturar ikun jista’ jiġi aġġustat kif meħtieġ.

L-Istat Membru għandu jiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà tal-applikazzjoni aġġustata fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol wara l-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu, iżda mill-inqas 10 ġranet ta’ xogħol qabel l-iskadenza prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

Jekk l-applikazzjoni aġġustata ma tkunx ippreżentata fil-ħin jew titqies bħala ineliġibbli, l-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar għandha tiġi rrifjutata u l-Istat Membru għandu jinforma lill-applikant u lill-Kummissjoni dwar dan fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol. Ir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni ġdida mill-istess applikant għandha tkun soġġetta għall-ordni kronoloġika msemmija fl-Artikolu 8.

4.   Fejn applikazzjoni titqies eliġibbli, l-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni fi żmien jumejn ta’ xogħol wara d-deċiżjoni tiegħu, billi juża t-tabella mudell stipulata fl-Anness.

5.   B’deroga għall-paragrafi 1, 3 u 4, għas-sena kummerċjali 2006/2007, l-Istat Membru għandu jiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà ta’ applikazzjoni jew applikazzjoni aġġustata mill-inqas 8 ġranet ta’ xogħol qabel l-iskadenza prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 u jgħarraf id-deċiżjoni tiegħu lill-Kummissjoni fl-istess ġurnata.

Artikolu 10

Għoti tal-għajnuna għar-ristrutturar

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi lista tal-applikazzjonijiet kompluti għall-għajnuna għar-ristrutturar fl-ordni kronoloġika tar-reġistrazzjoni tagħhom kif iddikjarat mill-irċevuti mill-Istat Membru kkonċernat.

2.   Sa l-iskadenza prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, il-Kummissjoni għandha tiddetermina d-disponibbiltà stmata tar-riżorsi finanzjarji fil-fond ta’ ristrutturar għall-applikazzjonijiet kollha li jikkonċernaw is-sena kummerċjali li jmiss, jew fil-każ tal-applikazzjonijiet għas-sena kummerċjali 2006/2007, l-applikazzjonijiet li jikkonċernaw dik is-sena kummerċjali, li jkunu waslu sa l-iskadenza stipulata fl-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament u li jkunu nstabu eliġibbli mill-Istat Membru, kif ukoll l-għajnuniet kollha relatati magħhom.

3.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat għall-Fondi Agrikoli msemmi fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 (5) dwar id-deċiżjonijiet meħuda skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Għas-sena kummerċjali 2006/2007, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat tal-Fond imsemmi fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 (6).

4.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-applikanti l-għotja tal-għajnuna għar-ristrutturar għall-pjan ta’ ristrutturar eliġibbli rispettiv tagħhom sa l-iskadenza prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006. Kopja sħiħa tal-pjan ta’ ristrutturar approvat għandha tintbagħat lill-Kummissjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.

Artikolu 11

Emendi għall-pjan ta’ ristrutturar

1.   Hekk kif tingħata l-għajnuna għar-ristrutturar, il-benefiċjarju għandu jwettaq il-miżuri kollha elaborati fil-pjan ta’ ristrutturar approvat u għandu jirrispetta l-impenji inklużi fl-applikazzjoni tiegħu għall-għajnuna għar-ristrutturar.

2.   Kwalunkwe emenda għal pjan ta’ ristrutturar approvat għandu jaqbel magħha l-Istat Membru fuq il-bażi ta’ talba mill-impriża kkonċernata:

(a)

li tispjega r-raġunijiet u l-problemi ta’ implimentazzjoni ffaċċjati;

(b)

li tippreżenta l-aġġustamenti jew il-miżuri l-ġodda proposti u l-effetti mistennija;

(c)

li telabora l-implikazzjonijiet finanzjarji u tal-ħin.

L-emendi jistgħu ma jimmodifikawx l-ammont totali tal-għajnuna ta’ ristrutturar li għandha tingħata jew l-ammonti ta’ ristrutturar temporanji li għandhom jitħallsu f’konformità mal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

L-Istat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-pjan ta’ ristrutturar emendat.

Artikolu 12

Irtirar jew posponiment ta’ applikazzjoni għar-ristrutturar

1.   Applikazzjonijiet eliġibbli li ma tistax tingħatalhom l-għajnuna għar-ristrutturar għas-sena kummerċjali li għaliha tkun intalbet ir-rinunzja tal-kwota jistgħu jiġu rtirati mill-applikant fi żmien xahrejn wara l-iskadenza prevista fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

2.   Jekk l-impriża kkonċernata ma tirtirax l-applikazzjoni tagħha skont il-paragrafu 1, hi għandha taġġusta, fil-perjodu msemmi f’dak il-paragrafu, il-pjan ta’ ristrutturar ikkonċernat biex iqis l-ammont tal-għajnuna għar-ristrutturar għas-sena kummerċjali ta’ wara kif stipulat fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

Għall-finijiet tal-Artikolu 8(1), għandha titqies id-data ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni inizjali.

Fil-każ imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-applikant għandu jipposponi r-rinunzja tal-kwota tiegħu għal sena kummerċjali waħda u għandu jibqa’ soġġett għall-pagament tal-ammont ta’ ristrutturar temporanju previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

KAPITOLU IV

GĦAJNUNIET OĦRA MILL-FOND GĦAR-RISTRUTTURAR

Artikolu 13

Ammonti ta’ għajnuna għal kull Stat Membru

1.   Sal-31 ta’ Ottubru 2006 għas-sena kummerċjali 2006/2007, sal-31 ta’ Marzu 2007 għas-sena kummerċjali 2007/2008, sal-31 ta’ Marzu 2008 għas-sena kummerċjali 2008/2009 u sal-31 ta’ Marzu 2009 għas-sena kummerċjali 2009/2010, il-Kummissjoni għandha tiffissa l-ammonti attribwiti għal kull Stat Membru taħt il-fond għar-ristrutturar għal:

(a)

l-għajnuna għad-diversifikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006;

(b)

l-għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni prevista fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006;

(c)

l-għajnuna tranżizzjonali lil ċerti Stati Membri prevista fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

2.   L-ammonti msemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) għandhom ikunu bbażati fuq:

(a)

l-ammont tal-għajnuna għad-diversifikazzjoni previst fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 mmultiplikat bl-ammont tal-kwota taz-zokkor irrinunzjat fl-Istat Membru kkonċernat li għalih tkun se tingħata għajnuna għar-ristrutturar sa:

is-sena kummerċjali 2006/2007 fil-każ tal-ammonti ddeterminati f’Ottubru 2006,

is-sena kummerċjali 2007/2008 fil-każ tal-ammonti ddeterminati f’Marzu 2007,

mis-sena kummerċjali 2008/2009 fil-każ tal-ammonti ddeterminati f’Marzu 2008,

mis-sena kummerċjali 2009/2010 fil-każ tal-ammonti ddeterminati f’Marzu 2009;

(b)

l-ammont tal-għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni li jikkorrispondi għall-ogħla mill-persentaġġi miksuba f’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, u mmultiplikat bl-ammont totali tal-kwota taz-zokkor imsemmi fil-punt (a) ta’ dan il-paragrafu, sa:

is-sena kummerċjali 2006/2007 fil-każ tal-ammonti ddeterminati f’Ottubru 2006,

is-sena kummerċjali 2007/2008 fil-każ tal-ammonti ddeterminati f’Marzu 2007,

is-sena kummerċjali 2008/2009 fil-każ tal-ammonti ddeterminati f’Marzu 2008,

is-sena kummerċjali 2009/2010 fil-każ tal-ammonti ddeterminati f’Marzu 2009.

L-ammont li jirriżulta mill-kalkolu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jitnaqqas, jekk applikabbli, bl-ammonti kollha tal-għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni li jkunu ġew iffissata qabel f’konformità mal-metodu stipulat f’dan il-punt;

(c)

jekk applikabbli, l-ammonti tal-għajnuna tranżizzjonali lil ċerti Stati Membri previsti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

3.   L-ammonti li jirriżultaw mill-metodu stabbilit fil-paragrafu 2 għandhom ikunu miżjuda mal-ammonti rispettivi ddeterminati skont il-paragrafu 1 għas-snin preċedenti.

Artikolu 14

Programmi ta’ Ristrutturar Nazzjonali

1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2006 u sat-30 ta’ Settembru 2007, 2008 u 2009, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar il-programmi ta’ ristrutturar nazzjonali tagħhom, fejn jagħtu dettalji tal-miżuri li jridu jittieħdu fil-limitu tal-ammont tal-għajnuna għad-diversifikazzjoni ddeterminat skont l-Artikolu 13(2)(a), l-ammont ta’ għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni ddeterminat skont l-Artikolu 13(2)(b) u l-ammont għall-għajnuna tranżizzjonali lil ċerti Stati Membri msemmi fl-Artikolu 13(2)(c).

2.   Il-programmi ta’ ristrutturar nazzjonali għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

sommarju tal-objettivi, il-miżuri, l-azzjonijiet, l-ispejjeż, l-interventi ta’ finanzjament u l-iskedi ta’ żmien ewlenin previsti f’kull wieħed mir-reġjuni kkonċernati;

(b)

deskrizzjoni tar-reġjuni kkonċernati u analiżi tal-problemi marbuta mar-ristrutturar tas-settur taz-zokkor;

(c)

preżentazzjoni tal-iskopijiet u l-azzjonijiet jew il-miżuri previsti, li turi l-konsistenza tagħhom mal-pjanijiet ta’ ristrutturar eliġibbli msemmija fl-Artikolu 9, mal-politika ta’ żvilupp rurali fir-reġjuni kkonċernati u ma’ miżuri oħra li ttieħdu jew li huma previsti f’dawn ir-reġjuni, b’mod partikulari dawk iffinanzjati minn fondi Komunitarji oħra;

(d)

skeda ta’ żmien tal-azzjonijiet jew il-miżuri kollha previsti u l-kriterji segwiti biex ikunu ddivrenzjati minn azzjonijiet jew miżuri simili intenzjonati biex jiġu ffinanzjati minn fondi Komunitarji oħra;

(e)

jekk applikabbli, l-ammont tal-għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni li għandu jingħata lill-produtturi tal-pitravi zokkrin jew tal-kannamieli li jkunu qed jirrinunzjaw il-produzzjoni tagħhom u l-kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji li għandhom jiġu segwiti biex titqassam dik l-għajnuna;

(f)

pjan finanzjarju li jagħti dettalji tal-ispejjeż kollha skont l-azzjoni jew il-miżura u l-iskeda prevista għall-pagamenti.

3.   L-azzjonijiet jew il-miżuri previsti fi programm ta’ ristrutturar nazzjonali għandhom jiġu implimentati sat-30 ta’ Settembru 2010.

Artikolu 15

Għajnuna tranżizzjonali għar-raffinaturi full-time

1.   Raffinatur full-time li, fit-30 ta’ Ġunju 2006, kien raffinatur fis-sens tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 jista’ japplika għall-għajnuna tranżizzjonali prevista fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, biex tingħata mill-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu dan ikollu r-raffinerija tiegħu.

2.   Ir-raffinatur full-time għandu jirreġistra l-applikazzjoni għall-għajnuna, flimkien mal-pjan tan-negozju msemmi fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, sa skadenza li għandha tiġi ddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat, li m’għandhiex tkun iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2007.

3.   Il-pjan tan-negozju msemmi fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)

sommarju tal-objettivi, il-miżuri, l-azzjonijiet, l-ispejjeż, l-interventi ta’ finanzjament u l-iskedi taż-żmien ewlenin;

(b)

deskrizzjoni u analiżi tal-problemi ffaċċjati biex ikun hemm adattament għar-riforma tal-organizzazzjoni tas-suq taz-zokkor tal-Komunità;

(c)

preżentazzjoni tal-azzjonijiet jew il-miżuri previsti, li turi l-konsistenza tagħhom ma’ miżuri oħra meħuda jew previsti ffinanzjati minn fondi Komunitarji oħra fir-reġjun ikkonċernat li l-applikant ikun benefiċjarju tagħhom;

(d)

skeda ta’ żmien tal-azzjonijiet jew il-miżuri kollha previsti u l-kriterji segwiti biex ikunu ddivrenzjati minn azzjonijiet jew miżuri simili intenzjonati biex jiġu ffinanzjati minn fondi Komunitarji oħra li l-applikant ikun benefiċjarju tagħhom;

(e)

pjan finanzjarju li jagħti dettalji tal-ispejjeż kollha skont l-azzjoni jew il-miżura u l-iskeda prevista għall-pagamenti.

4.   Azzjonijiet jew miżuri previsti fil-pjan tan-negozju għandhom jinkludu wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin: investimenti, żarmar ta’ faċilitajiet ta’ produzzjoni, kontribuzzjonijiet għal spejjeż operattivi, provvedimenti għad-deprezzament tal-makkinarju u provvedimenti oħra meqjusa neċessarji sabiex ikun hemm adattament għas-sitwazzjoni l-ġdida.

5.   L-Istat Membru għandu jiddeċiedi dwar l-eliġibbiltà tal-pjan tan-negozju fi ħdan il-limiti finanzjarji tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 u għandu jgħarraf lill-applikant u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tiegħu fi żmien 30 ġurnata ta’ xogħol wara l-iskadenza msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

L-Istat Membru għandu jinforma, fl-istess perjodu, lill-Kummissjoni dwar l-ammonti li jkunu se jingħataw lil kull raffinatur u, jekk rilevanti, dwar il-kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji użati biex titqassam l-għajnuna bejn ir-raffinaturi full-time differenti li jkunu jinsabu fuq it-territorju tagħhom.

6.   L-azzjonijiet jew il-miżuri previsti fil-pjan tan-negozju għandhom ikunu implimentati sat-30 ta’ Settembru 2010.

KAPITOLU V

PAGAMENT TAL-GĦAJNUNIET

Artikolu 16

Pagament tal-għajnuna għar-ristrutturar

1.   Il-pagament ta’ kull ħlas parzjali tal-għajnuna għar-ristrutturar, kif imsemmi fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, għandu jkun soġġett għar-reġistrazzjoni ta’ garanzija ta’ ammont ugwali għal 120 % tal-ammont tal-ħlas parzjali kkonċernat.

2.   Fil-każ fejn il-pagamenti lill-produtturi u lill-kuntratturi tal-makkinarju jsiru direttament mill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2), l-ammont tal-ħlas parzjali kkonċernat għandu jitnaqqas bl-ammonti li jridu jitħallsu lill-produtturi u lill-kuntratturi tal-makkinarju.

3.   L-għajnuna għar-ristrutturar m’għandhiex titħallas iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2011.

4.   Jekk applikabbli, il-Kummissjoni għandha tiffissa, sal-31 ta’ Jannar 2008, 2009, 2010 u 2011, il-persentaġġ tal-ewwel u t-tieni pagamenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, kif ukoll id-data proviżorja għat-tieni pagament.

Artikolu 17

Pagament tal-għajnuna għad-diversifikazzjoni, l-għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni u l-għajnuna tranżizzjonali lil ċerti Stati Membri

1.   Fil-limitu tal-ammonti ddeterminati f’konformità mal-Artikolu 13(3), il-pagament tal-għajnuna għad-diversifikazzjoni, tal-għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni u tal-għajnuna tranżizzjonali lil ċerti Stati Membri għandu jsir mill-Istat Membru lill-benefiċjarji darbtejn fis-sena, f’Marzu u f’Settembru għall-ispejjeż eliġibbli li fil-fatt ikunu saru, ikunu ġew dokumentati u jkunu ġew ikkontrollati.

Meta parti mill-għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni tkun mogħtija lill-produtturi tal-pitravi zokkrin jew tal-kannamieli li jirrinunzjaw il-produzzjoni tagħhom f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, l-Istat Membru għandu jiżgura li l-produtturi kkonċernati jkunu definittivament irrinunzjaw il-produzzjoni tal-pitravi zokkrin jew tal-kannamieli.

2.   L-ewwel pagament jista’ jsir f’Settembru 2007. L-għajnuna għad-diversifikazzjoni, l-għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni u l-għajnuna tranżizzjonali lil ċerti Stati Membri m’għandhomx jitħallsu iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2011.

Artikolu 18

Pagament tal-għajnuna tranżizzjonali lir-raffinaturi full-time

1.   Fil-limiti msemmija fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, il-pagamenti tal-għajnuna tranżizzjonali lir-raffinaturi full-time, għal spejjeż eliġibbli fuq il-bażi ta’ pjan tan-negozju, għandhom isiru mill-Istat Membru lill-benefiċjarji f’żewġ ħlasijiet parzjali:

(a)

40 % f’Settembru 2007;

(b)

60 % f’Marzu 2008.

Il-pagament ta’ kull ħlas parzjali għandu jkun soġġett għar-reġistrazzjoni ta’ garanzija ta’ ammont ugwali għal 120 % tal-ammont tal-ħlas parzjali kkonċernat.

2.   B’deroga għall-paragrafu 1, l-ispejjeż totali jistgħu jiġu koperti minn pagament wieħed f’Settembru 2007, dejjem jekk, qabel il-15 ta’ Settembru 2007:

(a)

il-miżuri u l-azzjonijiet kollha previsti fil-pjan tan-negozju jkunu ġew eżegwiti;

(b)

ir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 24(2) ikun ġie ppreżentat;

(c)

l-Istat Membru jkun wettaq il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 25.

F’dan il-każ il-pagament m’għandux ikun soġġett għar-reġistrazzjoni ta’ garanzija.

Artikolu 19

Pagament lill-produtturi u lill-kuntratturi tal-makkinarju

1.   Mhux iktar tard minn xahrejn wara li jkunu rċevew l-ewwel ħlas parzjali tal-għajnuna għar-ristrutturar u fuq il-bażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 6(1), l-impriżi għandhom jagħmlu l-pagamenti lill-produtturi tal-pitravi, tal-kannamieli u taċ-ċikwejra kif ukoll lill-kuntratturi tal-makkinarju.

2.   Il-pagamenti lill-produtturi u lill-kuntratturi tal-makkinarju jistgħu jsiru direttament mill-Istat Membru, billi jnaqqas kif meħtieġ l-ammont ta’ għajnuna għar-ristrutturar li jrid jitħallas kif previst fl-Artikolu 16(2), fil-limiti stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. F’dak il-każ, il-pagamenti għandhom isiru flimkien mal-pagament tal-parti tal-għajnuna għar-ristrutturar li trid tingħata lill-impriża.

3.   L-ammont tal-pagament imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 m’għandux ikun ogħla minn 50 % tal-ewwel ħlas parzjali. Jekk dan l-ammont ma jkoprix is-somma sħiħa li trid titħallas, il-parti li tibqa’ għandha titħallas:

(a)

mhux iktar tard minn xahrejn wara li l-impriża tkun irċeviet it-tieni ħlas parzjali tal-għajnuna, fejn il-pagament isir mill-impriża;

(b)

flimkien mal-pagament tat-tieni ħlas parzjali tal-għajnuna għar-ristrutturar li jrid jitħallas lill-impriża, fejn il-pagament isir direttament mill-Istat Membru.

Artikolu 20

Deċiżjoni biex jiġu posposti l-pagamenti

Jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tipposponi l-pagamenti tal-għajnuna għad-diversifikazzjoni, tal-għajnuna addizzjonali għad-diversifikazzjoni, tal-għajnuna tranżizzjonali lir-raffinaturi full-time jew tal-għajnuna tranżizzjonali lil ċerti Stati Membri f’konformità mal-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, hi għandha tinforma lill-Istati Membri dwar id-deċiżjoni tagħha qabel il-31 ta’ Mejju u l-31 ta’ Jannar.

Artikolu 21

Munita

1.   Għall-fond ta’ ristrutturar temporanju, l-ammonti tal-impenji u l-pagamenti mill-Kummissjoni u l-ammonti tal-ammont ta’ ristrutturar temporanju, kif ukoll l-ammonti tal-infiq f’dikjarazzjonijiet ta’ nfiq mill-Istati Membri għandhom ikunu espressi u mħallsa bl-euro.

2.   Għal kwalunkwe pagament li jsir f’munita li ma tkunx l-euro, ir-rata tal-kambju għandha tkun ir-rata tal-kambju l-iktar reċenti stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-ewwel ġurnata tax-xahar tal-avveniment operattiv għall-pagament ikkonċernat.

L-avveniment operattiv għandu jkun id-data tal-pagament.

Artikolu 22

Rilaxx ta’ garanziji

1.   Il-garanziji msemmija fl-Artikoli 16(1) u 18(2) għandhom jiġu rilaxxati dejjem jekk:

(a)

il-miżuri u l-azzjonijiet kollha previsti fil-pjan ta’ ristrutturar, fil-programmi ta’ ristrutturar nazzjonali u fil-pjan tan-negozju, kif applikabbli, ikunu ġew implimentati;

(b)

ir-rapport finali msemmi fl-Artikolu 23(2) ikun ġie ppreżentat;

(c)

l-Istati Membri jkunu wettqu l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 25;

(d)

għall-għajnuna għar-ristrutturar, l-għajnuna lill-produtturi tal-pitravi zokkrin, tal-kannamieli u taċ-ċikwejra u lill-kuntratturi tal-makkinarju tkun ġiet imħallsa mill-impriża, sakemm dawn il-pagamenti ma jsirux direttament mill-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2);

(e)

jekk applikabbli, it-taxxa żejda relatata maz-zokkor, l-isoglukosju jew il-ġulepp tal-inulina barra l-kwota fl-istokk fil-bidu tas-sena kummerċjali li minnha l-kwota tkun irrinunzjata, tkun ġiet imħallsa.

2.   B’deroga għall-paragrafu 1, fuq talba tal-benefiċjarju, garanzija tista’ tkun rilaxxata parzjalment bl-ammont tan-nefqa li fil-fatt tkun saret fir-rigward tal-azzjonijiet u l-miżuri fil-pjan ta’ ristrutturar jew fil-pjan tan-negozju, sakemm l-ispezzjoni msemmija fl-Artikolu 25(1) tkun twettqet b’mod effettiv u r-rapport tal-ispezzjoni msemmi fl-Artikolu 25(3) ikun ġie stabbilit.

3.   Ħlief fil-każ ta’ force majeure, il-garanzija tittieħed jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ma jkunux ġew issodisfatti sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Settembru 2011.

KAPITOLU VI

RAPPURTAR, KONTROLLI U SANZJONIJIET

Artikolu 23

Rappurtar mill-impriżi

1.   L-impriżi li japplikaw għall-għajnuna għar-ristrutturar għandhom jinfurmaw lill-partijiet involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni msemmi fl-Artikolu 1 dwar:

(a)

id-deċiżjonijiet meħuda mill-Istat Membru f’konformità mal-Artikoli 8, 9, 10 u 11;

(b)

dak li fil-fatt ikun twettaq kull sena skont il-pjan ta’ ristrutturar approvat.

2.   L-impriżi li jirċievu għajnuna taħt il-fond ta’ ristrutturar għandhom jippreżentaw rapport ta’ progress annwali lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun ta l-għajnuna, mhux iktar tard minn tliet xhur wara t-tmiem tas-sena kummerċjali li fiha l-miżuri korrispondenti jkunu twettqu.

Ir-rapport għandu jagħti d-dettalji tal-azzjonijiet jew il-miżuri li ttieħdu u l-ispejjeż li saru matul is-sena kummerċjali preċedenti, filwaqt li jqabbilhom mal-azzjonijiet jew il-miżuri u l-ispejjeż elaborati fil-pjan ta’ ristrutturar jew fil-pjan tan-negozju kkonċernat.

Mhux iktar tard minn tliet xhur wara l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u l-miżuri kollha previsti fil-pjan ta’ ristrutturar jew fil-pjan tan-negozju kkonċernat, l-impriża għandha tippreżenta lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rapport finali li jiġbor fil-qosor dawn l-azzjonijiet u l-miżuri u l-ispejjeż li jkunu saru.

Artikolu 24

Rappurtar mill-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress annwali li jikkonċernaw il-pjanijiet ta’ ristrutturar, il-programmi ta’ ristrutturar nazzjonali u l-pjanijiet tan-negozju, mhux iktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tas-sena kummerċjali kkonċernata.

Dawk ir-rapporti għandu jinkludu:

(a)

deskrizzjoni tal-azzjonijiet jew il-miżuri li ttieħdu u kemm kienu fil-ħin;

(b)

dikjarazzjoni tal-fatti skont mill-inqas kontroll wieħed fuq il-post għal kul sit ta’ fabbrika għal kull pjan ta’ ristrutturar jew pjan tan-negozju;

(c)

tqabbil bejn l-ispejjeż previsti u dawk li jkunu saru;

(d)

analiżi tal-involvimenti ta’ fondi Komunitarji oħra u l-konformità tagħhom mal-għajnuniet iffinanzjati mill-fond ta’ ristrutturar;

(e)

jekk applikabbli, kwalunkwe bidla fi pjan ta’ ristrutturar, ir-raġunijiet għal din u l-implikazzjonijiet għall-futur.

2.   Sat-30 ta’ Ġunju 2011, l-Istat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport ta’ progress finali fejn iqabbel l-azzjonijiet jew il-miżuri implimentati u l-ispejjeż li jkunu saru ma’ dawk previsti fil-pjanijiet ta’ ristrutturar, fil-programmi ta’ ristrutturar nazzjonali u fil-pjanijiet tan-negozju filwaqt li jispjega r-raġunijiet għal devjazzjonijiet.

Ir-rapport ta’ progress finali għandu jinkludi wkoll lista tas-sanzjonijiet applikati matul il-perjodu kollu kif ukoll dikjarazzjoni li l-ebda taxxa, sanzjoni jew ammont relatat maz-zokkor, l-isoglukosju jew il-ġulepp tal-inulina li jkunu ġew prodotti qabel minn fabbriki li ġew żarmati parzjalment jew kompletament ikunu baqgħu ma tħallsux.

Artikolu 25

Kontrolli

1.   Kull impriża u sit ta’ produzzjoni li jkunu ngħataw għajnuna taħt il-fond ta’ ristrutturar għandhom jiġu spezzjonati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fi żmien tliet xhur wara l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 23(2).

L-ispezzjoni għandha tara li jkun hemm konformità mal-pjan ta’ ristrutturar jew mal-pjan tan-negozju u għandha tivverifika r-reqqa u l-kompletezza tal-informazzjoni mogħtija mill-impriża fir-rapport ta’ progress. L-ewwel spezzjoni taħt pjan ta’ ristrutturar għandha tivverifika wkoll kwalunkwe informazzjoni addizzjonali mogħtija mill-impriża fl-applikazzjoni għall-għajnuna għar-ristrutturar, b’mod partikulari l-konferma msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

2.   L-ispezzjoni għandha tkopri fil-każijiet kollha l-elementi tal-pjan ta’ ristrutturar imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006. Għal kull spezzjoni għandu jiġi stabbilit rapport, li jiddeskrivi bi sħiħ il-ħidma li tkun saret, ir-riżultati ewlenin u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu meħtieġa.

3.   Ir-rapport ta’ spezzjoni għandu jkun imqassam fil-partijiet li ġejjin:

(a)

parti ġenerali, li jkollha, b’mod partikulari, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

il-benefiċjarju u s-sit ta’ produzzjoni soġġett għall-ispezzjoni;

(ii)

il-persuni preżenti;

(iii)

jekk il-benefiċjarju ġiex mgħarraf biż-żjara minn qabel u, jekk iva, il-perjodu tan-notifika minn qabel;

(b)

għal kull wieħed mill-elementi tal-pjan ta’ ristrutturar elenkat fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 320/2006 u għal kull pjan tan-negozju, parti li tirrifletti b’mod separat il-kontrolli mwettqa u li jkollha, b’mod partikulari, l-informazzjoni li ġejja:

(i)

ir-rekwiżiti u l-istandards soġġetti għall-ispezzjoni;

(ii)

in-natura tal-kontrolli u sa liema punt ikunu twettqu;

(iii)

ir-riżultati;

(iv)

l-elementi tal-pjan ta’ ristrutturar jew tal-pjan tan-negozju li jinstab li ma jkunx hemm konformità magħhom;

(c)

parti ta’ evalwazzjoni li tagħti stima tal-importanza tan-nuqqas ta’ konformità rigward kull element fuq il-bażi tas-severità, il-kejl, il-grad ta’ permanenza u l-istorja preċedenti tiegħu b’indikazzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jkun wassal jew li għandu jwassal għall-adozzjoni ta’ miżuri f’konformità mal-Artikolu 26 jew 27.

4.   Il-benefiċjarju għandu jkun infurmat dwar kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li tinstab.

5.   Ir-rapport ta’ spezzjoni għandu jkun iffinalizzat fi żmien xahar wara l-ispezzjoni.

Artikolu 26

Irkupru

1.   Bla ħsara għall-paragrafu 4, jekk benefiċjarju ma jkunx konformi ma’ wieħed jew iktar mill-impenji tiegħu fil-pjan ta’ ristrutturar, fil-pjan tan-negozju jew fi pjan ta’ ristrutturar nazzjonali, kif applikabbli, il-parti tal-għajnuna mogħtija rigward l-impenn (impenji) ikkonċernat(i) għandha tiġi rkuprata ħlief fil-każ ta’ force majeure.

2.   L-imgħax għandu jkun ikkalkolat għall-perjodu mis-60 ġurnata wara dik li fiha l-benefiċjarju jkun mgħarraf bl-obbligu li jerġa’ jħallas l-għajnuna sal-ġurnata li fiha l-għajnuna fil-fatt titħallas lura.

Ir-rata tal-imgħax għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid, kif ippubblikata fis-serje C tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tal-kalendarju tax-xahar li fih ikun hemm il-ġurnata tal-iskadenza, miżjuda bi tliet punti perċentwali u nofs.

3.   L-Istat Membru jista’ jagħti lill-benefiċjarju perjodu ta’ xahrejn biex isir konformi mal-impenn taħt il-pjan ta’ ristrutturar jew il-pjan tan-negozju.

Artikolu 27

Sanzjonijiet

1.   Jekk benefiċjarju ma jkunx konformi ma’ wieħed jew iktar mill-impenji tiegħu taħt il-pjan ta’ ristrutturar, il-pjan tan-negozju jew il-programm ta’ ristrutturar nazzjonali, kif applikabbli, hu jkun meħtieġ iħallas ammont ugwali għal 10 % tal-ammont li jrid jiġi rkuprat taħt l-Artikolu 26.

2.   Is-sanzjonijiet li jridu jiġu imposti skont il-paragrafu 1 m’għandhomx jiġu imposti jekk l-impriża tista’ turi, għas-sodisfazzjon tal-awtorità kompetenti, li n-nuqqas ta’ konformità ikun minħabba force majeure u jekk ikun identifikat b’mod ċar in-nuqqas ta’ konformità fir-rapport ta’ progress ippreżentat f’konformità mal-Artikolu 23(2).

3.   Jekk in-nuqqas ta’ konformità sar b’mod intenzjonat jew bħala riżultat ta’ negliġenza gravi, il-benefiċjarju għandu jkun meħtieġ iħallas ammont ugwali għal 30 % tal-ammont li jrid jiġi rkuprat taħt l-Artikolu 26.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONI FINALI

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata meta jiġi ppublikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2006.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 27 ta’ Ġunju 2006.

Għall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42.

(2)  ĠU L 178, 30.6.2001, p. 1. Regolament revokat mir-Regolament (KE) Nru 318/2006.

(3)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.

(5)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(6)  ĠU L 160, 26.6.1999, p. 103.


ANNESS

Image

Test ta 'immaġni

Top