Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0505

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 14 ta' Lulju 2006 li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtalità ta' l-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG)

    ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 993–995 (MT)
    ĠU L 199, 21.7.2006, p. 33–35 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/07/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/505/oj

    8.5.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    993


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta' l-14 ta' Lulju 2006

    li tistabbilixxi Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabilità biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar l-oġġettività u n-newtalità ta' l-opinjonijiet tal-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG)

    (2006/505/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-livell għoli ta' trasparenza u komparabilità fir-rappurtar finanzjarju għall-kumpaniji nnegozjati fi swieq pubbliċi tal-Komunità huwa meħtieġ biex jinbena suq tal-kapitali integrat li jopera b'mod effikaċi, mingħajr intoppi u effiċjenti.

    (2)

    Ir-Regolament 1606/2002 adottat fid-19 ta' Lulju 2002 tal-parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), biex jikkontribwixxi għal funzjonament aħjar tas-suq intern, jipprovdi li l-kumpaniji elenkati f'suq regolat għandhom iħejju il-kontijiet konsolidati tagħhom konformement ma' ġabra waħdanija ta' prinċipji dinjin tal-kontabilità, komunement imsemmija Standards Internazzjonali dwar ir-Raportaġġ Finanzjarju (International Financial Reporting Standards, IFRS) Fil-premessa 10, dan ir-Regolament jipprevedi l-ħolqien ta' kumitat tekniku tal-kontabilità li għandu jipprovdi sostenn u l-esperjenza lill-Kummissjoni fl-assesjar ta' l-istandards internazzjonali tal-kontabilità.

    (3)

    Il-Grupp Konsultattiv Ewropew għall-Informazzjoni Finanzjarja (EFRAG) twaqqaf f'Marzu 2001 mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-preparaturi, l-utenti u l-professjonijiet tal-kontabilità involuti fil-proċess ta' rappurtar finanzjarju. L-EFRAG jipprovdi opinjonijiet dwar jekk in-norma jew l-interpretazzjoni għandhiex tiġi approvata bil-liġi Komunitarja u, partikolarment, bir-rekwiżiti tar-Regolament 1606/2002 rigward ftehim, relevanza, fiduċja u komparabbilità kif ukoll il-prinċipju ta' stampa vera u ġusta kif stabbilit fid-Direttiva 78/660 (2) u d-Direttiva 83/349 (3).

    (4)

    Billi l-EFRAG huwa korp privat, huwa importanti għall-kwalità għolja, it-trasparenza u l-kredibilità tal-proċess ta' approvazzjoni li tkun stabbilita infrastruttura istituzzjonali xierqa li tiggarantixxi li l-parir ta' approvazzjoni tagħha jkun oġġettiv u bbilinċjat.

    (5)

    F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li għandu jitwaqqaf Grupp ta' Reviżjoni tal-Konsulenza dwar Normi fil-qasam tal-kontabiltà magħmul minn esperti indipendenti u rappreżentanti ta' livell għoli minn korpi nazzjonali ta' standardizzazzjoni biex iservi bħala korp li jeżamina l-parir ta' approvazzjoni mressaq mill-EFRAG bil-għan li jivvaluta jekk il-kontenut tiegħu huwiex ibbilanċjat u oġġettiv.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Huwa stabblit grupp ta' esperti mhux governattivi fil-qasam tal-kontabilità, minn hawn 'il quddiem imsemmi “il-grupp”.

    Artikolu 2

    Mandat

    Ir-rwol tal-grupp għandu jikkonsisti fl-għoti ta' pariri lill-Kummissjoni, qabel ma din tieħu deċiżjoni dwar approvazzjoni, dwar jekk l-opinjonjiet ta' l-EFRAG dwar l-approvazzjoni ta' Standards Internazzjonali dwar ir-Raportaġġ Finanzjarju (IFRS) u Interpretazzjonijiet tal-Kumitati Internazzjonali dwar ir-Raportaġġ Finanzjarju (IFRICs) humiex ibbilinċjati u oġġettivi.

    Artikolu 3

    Kompożizzjoni — Nomina

    1.   Il-grupp għandu jkun kompost minn massimu seba' membri.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tinnomina l-membri tal-grupp minn fost esperti indipendenti li l-esperjenza u l-kompetenza tagħhom fil-qasam tal-kontabilità, partikolarment fi kwistjonijiet dwar il-rappurtar finanzjarju, huma ampjament rikonoxxuti fuq livell Komunitarju. Il-membri għandhom jintgħażlu fuq il-bażi ta' proposti eliġibbli mressqa wara s-sejħa għal applikazzjonijiet ippubblikata fuq il-websajt tad-DĠ għas-Suq Intern u s-Servizzi.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tqis il-kriterji li ġejjin meta tivvaluta l-applikazzjonijiet:

    kompetenza ppruvata u esperjenza teknika ta' livell għoli, anki f'livell Ewropew u/jew internazzjonali, fil-qasam tal-kontabilità, partikolarment fi kwistjonijiet dwar il-rappurtar finanzjarju;

    indipendenza;

    il-ħtieġa għal kompożizzjoni bbilanċjata f'termini ta' l-oriġini ġeografika, il-parità bejn is-sessi (4), il-funzjonijiet u d-daqs ta' l-impriżi jew korpi kkonċernati;

    4.   Il-membri huma nnominati f'kapaċità personali u hu mistenni minnhom li jagħtu parir lill-Kummissjoni indipendentement minn kull influwenza esterna. Il-membri m'għandhomx jipparteċipaw fix-xogħol ta' l-EFRAG, la qabel in-nomina tal-grupp u lanqas matul iż-żmien tal-kariga tagħhom.

    5.   Kull sena, il-membri għandhom jiddikjaraw bil-miktub li jaġixxu fl-interess pubbliku kif ukoll jindikaw l-assenza jew l-eżistenza ta' kwalunkwe interess li jista' jikkomprometti l-indipendenza u l-oġġettività tagħhom.

    6.   Il-membri tal-grupp huma nnominati għal kariga ta' 3 snin li tista' tiġġedded. Ir-regoli ta' proċedura tal-grupp jistgħu jipprevedu tiġdid parzjali tal-membri kull sena fi gruppi ta' 2 jew 3.

    7.   F'każ ta' riżenja ta' membru tal-Grupp tul iż-żmien tal-kariga, kif ukoll meta membru ma jibqax kapaċi jikkontribwixxi b'mod effikaċi għax-xogħlijiet tal-grupp jew ma jikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4, jew l-Artikolu 287 tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tinnomina membru ġdid tal-Grupp skond il-paragrafi 3 u 4 għall-bqija tal-mandat tiegħu jew tagħha.

    8.   L-ismijiet tal-membri nominati mill-Kummissjoni għandu jiġi ppubblikat fis-sit ta' l-Internet tad-DĠ għas-Suq Intern u s-Servizzi. L-ismijiet tal-membri għandhom jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skond ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 (5).

    Artikolu 4

    Operat

    1.   Il-grupp għandu jkun ippresjedut minn wieħed mill-membri tiegħu. Il-president għandu jintgħażel b'maġġoranza sempliċi għal perjodu ta' sena.

    2.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni se jgħin fil-laqgħat tal-grupp u jista' jipparteċipa fid-dibattiti. Uffiċjali tal-Kummissjoni oħrajn interessati fil-kwistjonijiet diskussi mill-grupp jistgħu wkoll jattendu għal-laqgħat tiegħu.

    3.   Wara li tasallu l-opinjoni ta' l-EFRAG dwar l-approvazzjoni ta' l-IFRS jew ta' l-IFRICs, il-grupp għandu jagħti l-parir tiegħu dwar jekk l-opinjoni ta' l-EFRAG hijiex oġġettiva u bbilanċjata.

    4.   Il-grupp għandu jagħti l-parir tiegħu lill-Kummissjoni fl-iqsar żmien, li ma għandux ikun itwal minn 3 ġimgħat mid-data li fiha tasallu l-opinjoni ta' l-EFRAG. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, partikolarment meta l-kwistjoni tkun kumplessa, dan il-perjodu jista' jiġi estiż għal erba' ġimgħat.

    5.   Il-parir finali tal-grupp għandu jiġi ppubblikat fuq il-websajt ta' l-Internet tal-Kummissjoni.

    6.   Meta l-grupp jidentifika punt problematiku partikolari, il-president tal-grupp, qabel ma l-grupp joħroġ il-parir finali, għandu jiftaħ djalogu ma' l-EFRAG bil-għan li jsolvi l-kwistjoni. Il-Kummissjoni tista' tassisti fit-taħdidiet bejn il-grupp u l-EFRAG bil-għan li tistabbilixxi soluzzjoni bilanċjata.

    7.   Il-President tal-Grupp Konsultatttiv Tekniku (TEG) ta' l-EFRAG jista' jattendi l-laqgħat tal-grupp bħala osservatur. Il-president jew ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista' jistieden esperti jew osservaturi b'kompetenza speċifika f'suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw fix-xogħlijiet tal-grupp meta dan ikun utli u/jew neċessarju.

    8.   L-informazzjoni miksuba mill-parteċipazzjoni fix-xogħlijiet tal-grupp ma tistax tinkixef, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dik l-informazzjoni tittratta kwistjonijiet kunfidenzjali.

    9.   Il-grupp għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta' proċedura adottati mill-Kummissjoni (6).

    10.   Barra mid-dokumenti msemmija f'dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista' tippubblika fuq l-Internet, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kwalunkwe sinteżi, konklużjoni, jew konklużjoni parzjali jew dokument ta' ħidma tal-grupp.

    Artikolu 5

    Spejjeż tal-laqgħat

    L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, ta' l-għajxien imħallsa mill-membri, l-esperti u l-osservaturi fl-ambitu ta' l-attivitajiet tal-grupp jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f'konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar il-rimborż ta' spejjeż għal esperti esterni.

    Il-membri, l-esperti u l-osservaturi m'għandhomx jitħallsu għas-servizzi mogħtija.

    L-ispejjeż għal-laqgħat jiġu rimborżati fil-limiti tal-baġit annwali allokat għall-grupp mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni.

    Artikolu 6

    Applikabilità

    Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Għandha tibqa' tapplika sa 13.7.2009. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar estensjoni possibbli qabel din id-data.

    Magħmul fi Brussell, nhar l-14 ta' Lulju 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Charlie MCCREEVY

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.

    (2)  ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87).

    (3)  ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2006/43/KE.

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ġunju 2000 dwar il-bilanċ bejn is-sessi fil-kumitati u l-gruppi ta' l-esperti stabbiliti minnha (ĠU L 154, 27.6.2000, p. 34).

    (5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (6)  L-Anness III tad-dokument SEC(2005)1004.


    Top