Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005L0012

    2005/12/KE: Direttiva tal-Kummissjoni 2005/12/KE tat- 18 ta’ Frar 2005 li temenda l-Annessi I u II tad-Direttiva 2003/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħtiġiet ta' stabbiltà speċifiċi għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 48, 19.2.2005, p. 19–27 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 306M, 15.11.2008, p. 109–117 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2005/12/oj

    15.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    109


    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2005/12/KE

    tat-18 ta’ Frar 2005

    li temenda l-Annessi I u II tad-Direttiva 2003/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħtiġiet ta' stabbiltà speċifiċi għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Filwaqt li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Filwaqt li kkunsidrat id-Direttiva 2003/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-14 ta' April 2003 dwar il-ħtiġiet ta' stabbiltà speċifiċi għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2003/25/KE tgħodd għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro kollha li joperaw lejn jew minn port ta’ Stat Membru fuq servizz regolari, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, meta jwettqu vjaġġi internazzjonali.

    (2)

    L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2003/25/KE jipprovdi li l-vapuri ro-ro għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti speċifiċi dwar l-istabbiltà li huma stabbiliti fid-dettall fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva u li l-Istati Membri għandhom jużaw fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti l-linji gwida stabbiliti fl-Anness II tagħha.

    (3)

    L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/25/KE jipprovdi li l-Annessi għad-Direttiva jistgħu jiġu emendati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11(2), sabiex jitqiesu l-iżviluppi fuq livell internazzjonali u b’mod partikolari fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-IMO).

    (4)

    Ir-Riżoluzzjoni ta’ l-IMO MSC 141(76) tal-5 ta’ Diċembru 2002 introduċiet metodu tat-test mudell rivedut u noti ta’ gwida assoċjati taħt ir-Riżoluzzjoni 14 tal-Konferenza ta’ l-1995 ta’ SOLAS (Safety of Life at Sea). Ir-Riżoluzzjoni 14 tikkonċerna ftehimiet reġjonali dwar rekwiżiti speċifiċi dwar l-istabbiltà għall-vapuri tal-passiġġieri ro-ro.

    (5)

    Il-mudell ta’ metodu tat-test rivedut għandu jidħol minflok il-metodu tat-test mudell applikat qabel li huwa provdut fid-Direttiva 2003/25/KE. Kwalunkwe vapur li jkun għadda mit-test skond il-metodu tat-test mudell applikat qabel m’għandux għalfejn jerġa’ jagħmel it-test.

    (6)

    Id-Direttiva 2003/25/KE għalhekk għandha tiġi emendata f’dan is-sens.

    (7)

    Il-miżuri provduti f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà fuq il-Baħar u l-Prevenzjoni tat-Tniġġiż mill-Vapuri stabbilit skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament u tal-Kunsill (2).

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2003/25/KE hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Anness I huwa emendat kif ġej:

    (a)

    Il-paragrafu 2.3 huwa sostitwit minn dan li ġej:

    “2.3

    ir-rassa tal-paratiji trasversali u loġitudinali li jridu jitqiesu bħala effettivi sabiex jillimitaw l-ilma baħar akkumulat li jiġi assunt fil-kompartiment ikkonċernat fil-gverta ro-ro bil-ħsara għandha tkun taqbel mas-sistema tat-tneħħija ta' l-ilma, u għandha tiflaħ pressa idrostatika skond ir-riżultati tal-kalkolu tal-ħsara. Dawn il-paratiji għandhom ikunu għolja mill-inqas 4 m kemm-il darba l-għoli ta’ l-ilma ma jkunx inqas minn 0.5 m. F’dawn il-każijiet l-għoli tal-paratija jista’ jiġi kkalkolat skond is-segwenti:

     

    Bh = 8hw

    fejn:

     

    Bh huwa l-għoli tal-paratija;

     

    u hw huwa l-għoli ta’ l-ilma.

    Fi kwalunkwe każ, l-għoli minimu tal-paratija m’għandux ikun inqas minn 2.2 m. Madankollu fil-każ ta' vapur li jkollu gverti tal-karozzi mdendla, l-għoli minimu tal-paratija ma għandux ikun inqas mill-għoli tal-qiegħ tal-gverta mdendla meta tkun fil-pożizzjoni mbaxxija tagħha;”

    (b)

    L-Appendiċi intitolat “Il-Metodu tat-Test Mudell”, huwa sostitwit mit-test muri fl-Anness I ta’ din id-Direttiva.

    (2)

    Fl-Anness II, Parti II, intitolat “It-Testijiet Mudell”, huwa sostitwit mit-test muri fl-Anness II ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex iħarsu din id-Direttiva fi żmien mhux aktar tard minn tnax-il xahar wara li tkun daħlet fis-seħħ. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella tal-korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-riferenza.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijeit ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 18 ta’ Frar 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Jacques BARROT

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 123, 17.5.2003, p. 22.

    (2)  ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 415/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 10).


    ANNESS I

    “Appendiċi

    Il-Metodu tat-Test Mudell

    1.   L-għanijiet

    Dan il-metodu tat-test mudell rivedut huwa reviżjoni tal-metodu li jinsab fl-Appendiċi għall-Anness għar-Riżoluzzjoni 14 tal-Konferenza ta’ SOLAS 1995. Mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Stokkolma saru għadd ta’ testijiet mudelli skond il-metodu tat-test fis-seħħ qabel. Matul dawn it-testijiet, ġew identifikati għadd ta’ rfinamenti fil-proċeduri. Dan il-metodu tat-test mudell il-ġdid jimmira li jinkludi dawn l-irfinamenti u, flimkien man-Noti ta’ Gwida mehmuża, jipprovdi proċedura aktar robusta għall-evalwazzjoni tas-sopravivenza ta’ vapur tal-passiġġieri ro-ro li jġarrab ħsara fil-baħar. Fit-testijiet provduti fil-paragrafu 1.4 tar-rekwiżiti ta’ l-istabbilità inklużi fl-Anness I, il-vapur għandu jkun kapaċi li jissopravivi fi triq tal-baħar kif iddefinita fil-paragrafu 4.1 hawn taħt f’xenarju tal-każ ta’ l-agħar ħsara.

    2.   Id-definizzjonijiet

    LBP

    huwa t-tul bejn il-perpendikolari

    HS

    l-għoli sinjifikanti tal-mewġa

    B

    il-wisa’ ffurmat tal-vapur

    TP

    huwa l-aqwa perjodu

    TZ

    huwa l-perjodu ta’ l-inkroċjatura żero

    3.   Il-mudell tal-vapur

    3.1.   Il-mudell għandu jikkopja l-vapur attwali kemm għall-konfigurazzjoni fuq barra kif ukoll l-arranġament intern, b’mod partikolari l-ispazji kollha bil-ħsara li għandhom effett fuq il-proċess ta’ għargħar u bligħ ta’ l-ilma. Għandhom jintużaw fond fl-ilma intatt, trimmjatura, mejl u KG operattiva li tillimita li jikkorrispondu għall-każ ta’ l-agħar ħsara. Barra minn dan, il-każ(ijiet) ta’ test li għandu jitqies/għandhom jitqiesu għandhom jirrappreżentaw il-każ(ijiet) ta’ l-agħar ħsara definit(i) skond ir-regolament ta’ SOLAS II-1/8.2.3.2 (SOLAS 90) fir-rigward ta’ l-arja kollha taħt il-kurva GZ pożittiva u l-linja ċentrali tal-ftuħ tal-ħsara għandha tinsab fil-firxa li ġejja:

    3.1.1.   ± 35 % LBP minn nofs il-vapur;

    3.1.2.   ikun meħtieġ test addizzjonali għall-agħar ħsara fi ħdan ± 10 % LBP minn nofs il-vapur jekk il-każ ta’ ħsara msemmi f’.1 huwa barra minn ± 10 % LBP minn nofs il-vapur.

    3.2.   Il-mudell għandu jħares is-segwenti:

    3.2.1.   tul bejn il-perpendikolari (LBP) għandu jkun l-akbar fost għall-inqas 3 m jew tul li jikkorrispondi għal skala mudell ta’ 1:40, u l-estent vertikali sa għall-inqas 3 tulijiet standard ta’ l-istruttura ta’ fuq ogħla mill-gverta tal-paratija (l-ispazju ħieles);

    3.2.2.   il-ħxuna tal-buq ta’ spazji mgħerrqa m’għandhiex teċċedi 4 mm;

    3.2.3.   fil-kundizzjonijiet fejn il-vapur huwa kemm intatt kif ukoll danneġġjat, il-mudell għandu jissodisfa l-marki korretti ta’ spustjar u tal-fond fl-ilma (TA, TM, TF, port u starboard) b’tolleranza massima fi kwalunkwe marka tal-fond fl-ilma ta’ + 2 mm. Il-marki tal-fond fl-ilma tal-pruwa u tal-poppa għandhom jinsabu qrib kemm jista’ jkun lejn FP u AP;

    3.2.4.   il-kompartimenti kollha danneġġjati u l-ispazji ro-ro għandhom ikunu mudellati bil-permabilitajiet korretti tal-wiċċ u tal-volum (il-valuri attwali u d-distribuzzjonijiet) li jiżguraw li l-massa ta’ l-imla ta’ l-għargħar u l-massa tad-distribuzzjoni huma rrappreżentati b’mod korrett;

    3.2.5.   il-karatteristiċi tal-moviment tal-vapur attwali għandhom ikunu mudellati sew, b’attenzjoni partikolari għat-tolleranza intatta tal-GM u r-radji tat-tidwir fil-moviment tal-ġirazzjoni minn ġenb għal ġenb u mill-pruwa għall-poppa. Iż-żewġ radji għandhom jiġu mkejla u jkunu fil-firxa ta’ bejn 0.35B sa 0.4B għall-moviment ta’ ġirazzjoni minn ġenb għal ġenb, u 0.2LOA sa 0.25LOA għall-moviment ta’ ġirazzjoni mill-pruwa għall-poppa;

    3.2.6.   il-karatteristiċi ewlenin tad-disinn bħal paratiji li minnhom ma jgħaddix ilma, rilaxx ta’ l-arja, eċċ., fuq u taħt il-gverta tal-paratija li jistgħu jirriżultaw f’għargħar asimmetriku għandhom ikunu mmudellati sew kemm jista’ jkun prattikabbli biex jirrappreżentaw is-sitwazzjoni reali. L-arranġamenti tal-ventilazzjoni u għargħar minn naħa għall-oħra għandhom jinbnew b’sezzjoni trasversali minima ta’ 500 mm2;

    3.2.7.   l-għamla tal-fetħa tal-ħsara għandha tkun kif ġej:

    1.

    profil trapeżoidali bil-ġenb immejjel 15° mal-vertikal u l-wisa’ fil-linja ta’ l-ilma skond id-disinn definit skond ir-regolament ta’ SOLAS II-1/8.4.1;

    2.

    profil ta’ triangolu isosceles fil-pjan orizzontali bl-għoli daqs B/5 skond ir-regolament ta’ SOLAS II-1/8.4.2. Jekk il-casings tal-ġenb huma armati ġewwa l-B/5, it-tul bil-ħsara ħdejn il-casings tal-ġenb m’għandux inkun inqas minn 25 mm;

    3.

    minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subparagrafi 3.2.7.1 u 3.2.7.2 hawn fuq, il-kompartimenti kollha meħuda bħala danneġġjati fil-kalkolu tal-każ(ijiet) ta’ l-agħar ħsara kif imsemmi fil-paragrafu 3.1 għandhom jiġu mgħarrqa fit-testijiet mudell;

    3.3.   Il-mudell fil-kondizzjoni ta’ l-ekwilibriju mgħarraq għandu jkun immejjel minn angolu addizzjonali li jikkorrispondi għal dak indott mill-mument tal-mejl Mh = max (Mpass; Mlaunch)-Mwind, iżda fl-ebda każ il-mejl finali ma għandu jkun inqas minn 1o lejn il-ħsara. Mpass, Mlaunch and Mwind huma kif speċifikat fir-regolament ta’ SOLAS II-1/8.2.3.4. Għall-vapuri eżistenti dan l-angolu jista’ jittieħed bħala 1o.

    4.   Il-proċedura għall-esperimenti

    4.1.   Il-mudell għandu jiġi ttestjat f’triq tal-baħar irregolari b’mewġa twila għamla ta’ għalla ddefinita mill-ispettru JONSWAP b’għoli sinjifikanti tal-mewġ HS, fattur ta’ l-aqwa titjib γ = 3.3 u l-aqwa perjodu Formula. HS huwa l-għoli tal-mewġ sinjifikanti għall-arja ta’ l-operazzjoni, li mhuwiex eċċedut bi probabbiltà ta’ aktar minn 10 % fuq bażi ta’ kull sena, iżda llimitat għal massimu ta’ 4 m.

    Barra minn dan,

    4.1.1.   il-wisa’ tat-tank għandu jkun biżżejjed li jiġi evitat kuntatt jew interazzjoni oħra mal-ġnub tat-tank u huwa rrakkomandat li ma jkunx inqas minn LBP + 2 m;

    4.1.2.   il-fond tat-tank għandu jkun biżżejjed għal mudellar tajjeb tal-mewġ iżda m’għandux ikun inqas minn 1 m;

    4.1.3.   biex tintuża realizzazzjoni tal-mewġ rappreżentattiva, il-kejl għandu jsir qabel it-test fi 3 postijiet differenti fil-firxa tal-moviment tal-kurrent;

    4.1.4.   is-sonda tal-mewġ l-eqreb għall-magna li tagħmel il-mewġ għandha tinsab fil-pożizzjoni fejn jinsab il-mudell meta jibda t-test;

    4.1.5.   il-varjazzjoni f’HS u TP għandha tkun fil-firxa ta’ ± 5 % għat-tliet postijiet; u

    4.1.6.   matul it-testijiet, għall-għanijiet ta’ approvazzjoni, għandha tkun permessa tolleranza ta’ +2,5 % f’HS, ±2,5 % f’ TP u ± 5 % f’ TZ b’riferenza għas-sonda li hija l-eqreb għall-magna li tagħemel il-mewġ.

    4.2.   Il-mudell għandu jkun ħieles li jimxi mal-kurrent u jitqiegħed bil-baħar għaż-żaqq (iħares 90°) bit-toqba tal-ħsara li tiffaċċja l-mewġ li ġej, bl-ebda sistema ta’ rmiġġ imwaħħla permanenti mal-mudell użat. Biex tinżamm direzzjoni tal-baħar għaż-żaqq ta’ madwar 90° matul it-test mudell, għandhom jiġu sodisfatti dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

    4.2.1.   il-linji tal-kontroll tad-direzzjoni, maħsuba għall-aġġustament minuri, għandhom jinsabu fil-linja ċentrali tal-linja ċentrali u l-poppa, b’mod simmetriku u fuq livell bejn il-pożizzjoni ta’ KG u l-linja ta’ l-ilma bil-ħsara; u

    4.2.2.   il-veloċità tal-ġarr għandha tkun daqs il-veloċità attwali tal-moviment tal-mewġ tal-mudell bl-aġġustament tal-veloċità magħmula meta jkun meħtieġ.

    4.3.   Għandhom isiru għall-inqas 10 esperimenti. Il-perjodu tat-test għal kull esperiment għandu jkun idum tant li jintlaħaq stat ta’ waqfa, iżda mhux inqas minn 30 minuta fi skala sħiħa. Għandha tintuża sensiela ta’ realizzazzjoni ta’ mewġ differenti għal kull esperiment.

    5.   Il-kriterji tas-sopravivenza

    Il-vapur għandu jitqies sopraviventi jekk jintlaħaq stat ta’ waqfa fil-provi suċċessivi tat-test kif meħtieġ mill-paragrafu 4.3. Il-mudell għandu jitqies li nqeleb jekk ikun hemm l-angolu tal-mejl minn ġenb għall-ieħor ta’ aktar minn 30° kontra l-assi vertikali jew inklinazzjoni (medja) mingħajr moviment ta’ aktar minn 20° għal perjodi ta’ aktar minn 3 minuti fi skala sħiħa, ukoll jekk jintlaħaq stat ta’ waqfien.

    6.   Id-dokumentazzjoni tat-test

    6.1   Il-programm tat-test mudell għandu jiġi approvat mill-Amministrazzjoni minn qabel.

    6.2.   It-testijiet għandhom jiġu ddokumentati permezz ta’ rapport u vidjo jew rekords oħrajn viżwali li fihom l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-mudell u r-riżultati tat-test, li għandhom jiġu approvati mill-Amministrazzjoni. Dawn għandhom jinkludu, bħala minimu, il-ispettri tal-mewġ teoretiċi u mkejla u l-istatistiċi tagħhom (HS, TP, TZ) ta’ l-elevazzjoni tal-mewġ fit-3 postijiet differenti fit-tank għal realizzazzjoni rappreżentattiva, u għat-testijiet bil-mudell, is-serje ta’ ħin ta’ l-istatistiċi ewlenin ta’ l-elevazzjoni tal-mewġ imkejla qrib il-magna li tagħmel il-mewġ u r-rekords tal-moviment mudell tar-rotazzjoni minn ġenb għall-ieħor, ta’ l-għoli tal-pruwa u tar-rotazzjoni mill-pruwa għall-poppa, u tal-veloċità tal-moviment tal-kurrent.”


    ANNESS II

    “PARTI II

    IT-TESTIJIET MUDELL

    L-għan ta’ dawn il-linji gwida huwa li jiżguraw l-uniformità fil-metodi wżati fil-kostruzzjoni u fil-verifika tal-mudell kif ukoll fit-twettiq u fl-analiżi tat-testijiet mudell.

    Il-kontenut tal-paragrafi 1 u 2 ta’ l-Appendiċi ta’ l-Anness I jitqiesu li jispjegaw lilhom infushom

    Il-Paragrafu 3 — il-Mudell tal-Vapur

    3.1.   Il-materjal li minnhu huwa magħmul il-mudell mhuwiex importanti fih innifsu, kemm-il darba l-mudell kemm fil-kondizzjoni intatta kif ukoll dik bil-ħsara jkun riġidu biżżejjed li jiżgura li l-kwalitajiet idrostatiċi tiegħu huma l-istess bħal dawk tal-vapur attwali u wkoll li r-reazzjoni flessurali tal-buq fil-mewġ hija negliġibbli.

    Huwa wkoll importanti li jiġi żgurat li l-kompartimenti bil-ħsara huma mmudellati preċiż kemm jista’ jkun prattikabbli, sabiex jiġi żgurat li jkun irrappreżentat il-volum korrett ta’ ilma ta’ l-għargħar.

    Ladarba d-dħul ta’ l-ilma (ukoll ammonti żgħar) fil-partijiet intatti tal-mudell se jaffettwa l-imġiba tiegħu, għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li dan id-dħul ma jseħħx.

    Fit-testijiet mudell li jinvolvu l-agħar ħsarat ta’ SOLAS ħdejn it-truf tal-vapur, ġie osservat li l-għargħar progressiv ma kienx possibbli minħabba t-tendenza ta’ l-ilma fuq il-gverta li jakkumula ħdejn il-ftuħ tal-ħsara u għalhekk jiskula ’l barra. Minħabba li dawn il-mudelli kienu kapaċi jissopravivu stati ta’ baħar għoli ħafna, filwaqt li nqelbu fi stati ta’ baħar inqas baxx bi ħsarat ta’ SOLAS inqas onerużi, ’il bogħod mit-truf, ġie introdott il-limitu ta’ ± 35 % sabiex dan jiġi mrażżan.

    Ir-riċerka estensiva li saret sabiex jiġu żviluppati kriterji xierqa għal vapuri ġodda wriet b’mod ċar li minbarra li l-GM u l-ispazju ħieles huma parametri importanti fl-abbiltà tal-vapuri tal-passiġġieri jissopravivu, l-erja taħt il-kurva ta’ l-istabbiltà residwali hija fattur ewlieni ieħor. Għalhekk, fl-għażla ta’ l-agħar ħsara taħt SOLAS għall-ħarsien tar-rekwiżit tal-paragrafu 3.1, l-agħar ħsara għandha tittieħed bħala dik li tagħti l-inqas erja taħt il-kurva ta’ l-istabbiltà residwali.

    3.2.   Id-dettalji tal-mudell

    3.2.1.   Meta jiġi rikonoxxut li l-effetti ta’ skala għandhom rwol importanti fl-imġiba tal-mudell matul it-testijiet, huwa importanti li jiġi żgurat li dawn l-effetti huma minimizzati kemm jista’ jkun prattikabbli. Il-mudell għandu jkun kbir kemm jista’ jkun ladarba d-dettalji tal-kompartimenti bil-ħsara huma aktar faċilment mibnija f’mudelli akbar u b’hekk jitnaqqsu l-effetti ta’ l-iskala. Għalhekk huwa meħtieġ li t-tul tal-mudell mhuwiex inqas minn dak li jikkorrispondi għall-akbar bejn skala ta’ 1:40 u 3 m.

    Instab matul it-testijiet li l-kobor vertikali tal-mudell jista’ jaffettwa r-riżultati meta jiġi ttestjat dinamikament. Għalhekk huwa meħtieġ li l-vapur huwa mmudellat għal mhux inqas minn tliet tulijiet standard fuq l-istruttura ’l fuq mill-gverta tal-paratija (l-ispazju ħieles) sabiex il-mewġ kbir tas-sensiela tal-mewġ ma jaqsmux il-mudell.

    3.2.2.   Il-mudell f’termini ta’ ħsara assunta għandu jkun irqiq kemm jista’ jkun possibbli fil-prattika biex jiġi żgurat li l-ammont ta’ ilma ta’ l-għargħar u ċ-ċentru tal-gravità tiegħu huma rrappreżentati b’mod xieraq. Il-ħxuna tal-buq m’għandhiex tkun aktar minn 4 mm. Huwa rikonoxxut li jista’ ma jkunx possibbli li l-buq mudell u l-elementi tas-subdiviżjoni primarji u sekondarji f’termini ta’ ħsara jiġu mibnija b’dettall biżżejjed u minħabba dawn il-limitazzjonijiet fil-kostruzzjoni jista’ ma jkunx possibbli li tiġi kkalkolata bil-preċiż il-permeabbiltà assunta ta’ l-ispazju.

    3.2.3.   Huwa importanti li mhux biss jiġi vverifikat il-fond fl-ilma fil-kondizzjoni intatta, iżda wkoll li l-fond fl-ilma tal-mudell danneġġjat jitkejjel sew għall-korrelazzjoni ma’ dawk derivati mill-kaloklu ta’ l-istabbiltà waqt il-ħsara. Għal raġunijiet prattiċi hija aċċettata tolleranza ta’ + 2 mm fi kwalunkwe fond fl-ilma.

    3.2.4.   Wara li jitkejjel il-fond fl-ilma waqt il-ħsara jista’ jinsab meħtieġ li jsiru aġġustamenti għall-permeabbiltà tal-kompartiment bil-ħsara jew bl-introduzzjoni tal-volumi intatti jew biż-żjieda tal-piżijiet. Iżda huwa importanti wkoll li jiġi żgurat li ċ-ċentru tal-gravità ta’ l-ilma ta’ l-għargħar huwa rrappreżentat b’mod ċar. F’dan il-każ kwalunkwe aġġustament li jsir għandu jkun jiffavorixxi s-sigurtà.

    Jekk il-mudell ikun jeħtieġ li jitwaħħlu miegħu ostakoli fuq il-gverta u l-ostakoli jkunu inqas mill-għoli tal-paratija indikat hawn taħt, il-mudell irid jiġu mgħammar b'CCTV sabiex kull ‘titjir’ u kull akkumulazzjoni ta' l-ilma fuq iż-żona mingħajr ħsara jkunu jistgħu jiġu mmonitorjati. F'dan il-każ, reġistrazzjoni bil-vidjo ta' l-okkażjoni trid tagħmel parti mir-rekords tat-test.

    L-għoli tal-paratiji trasversali jew lonġitudinali li huma meqjusa bħala effettivi biex jikkonfinaw l-ilma baħar li huwa assunt li ġie akkumulat fil-kompartiment ikkonċernat fil-gverta ro-ro bil-ħsara għandu jkun ta’ mhux inqas minn 4 m kemm-il darba l-għoli ta’ l-ilma huwa inqas minn 0,5 m. F’dan il-każ l-għoli tal-paratija jista’ jiġi kkalkolat skond dan li ġej:

     

    Bh = 8hw

     

    fejn Bh huwa l l-għoli tal-paratija; u

     

    hw huwa l-għoli ta’ l-ilma.

    Fi kwalunkwe każ, l-għoli minimu tal-paratija għandu jkun mhux inqas minn 2,2 m. Madankollu fil-każ ta’ vapur bil-gverti mdendla tal-karozzi, l-għoli minimu tal-paratija għandu jkun mhux inqas mill-għoli sal-parti ta’ taħt tal-gverta mdendla tal-karozza meta tkun fil-pożizzjoni mbaxxija.

    3.2.5.   Sabiex jiġi żgurat illi l-karatterstiċi tal-moviment tal-mudell jirrappreżentaw lil dawk tal-vapur attwali huwa importanti illi l-mudell jiġi inklinat kif ukoll irrolljat fil-kondizzjoni intatta hekk illi jiġu vverifikati l-GM intatt u d-distribuzzjoni tal-massa. Id-distribuzzjoni tal-massa għandha titkejjel fl-arja. Ir-radju trasversali tal-girazzjoni tal-vapur attwali għandu jkun fil-firxa bejn 0,35B sa 0,4B u r-radju lonġitudinali tal-girazzjoni għandu jkun fil-firxa bejn 0,2L sa 0,25L.

    Nota: Waqt li l-mudell fil-kondizzjoni ta' ħsara li jkun qiegħed jinklina u jirrolja jista' jiġi aċċettat bħala kontroll bl-għan li tiġi stabbilita l-kurva ta' l-istabbiltà residwali, dawn it-testijiet m’għandhomx jiġu aċċettati minflok it-testijiet intatti.

    3.2.6.   Huwa assunt illi l-ventilaturi tal-kompartiment bil-ħsara tal-vapur attwali jkunu adegwati għal għargħar bla xkiel u l-moviment ta' l-ilma tal-għargħar. Madankollu, filwaqt li wieħed ikun qiegħed jipprova jnaqqas l-arranġamenti tal-ventilazzjoni tal-vapur attwali jistgħu jiġu introdotti effetti mhux mixtieqa fil-mudell. Sabiex jiġi żgurat li ma jiġrix dan, huwa rrakkommandat li jinbnew arranġamenti tal-ventilazzjoni fi skala ikbar minn dik tal-mudell, filwaqt li jiġi żgurat illi dan ma jaffettwax il-moviment ta' l-ilma fuq il-gverta tal-karozzi.

    3.2.7.   Jitqies xieraq li tiġi kkonsidrata għamla ta’ ħsara rappreżentattiva ta’ sezzjoni trasversali tal-vapur li jolqot fir-reġjun tal-pruwa. L-angolu ta’ 15° huwa bbażat fuq studju tas-sezzjoni trasversali f’distanza ta’ B/5 mill-pruwa għal għażla rappreżentattiva ta’ vapuri ta’ tipi u daqsijiet differenti.

    Il-profil triangolari isosceles ta’ l-għamla priżmatika tal-ħsara huwa dak li jikkorrispondi għal-linja ta’ l-ilma meta mgħobbi.

    Barra minn dan, meta jiġu mwaħħla l-casings ta' mal-ġnub ta' wisa' inqas minn B/5 u sabiex jiġi evitat kull effett possibbli ta’ l-iskala, it-tul tal-ħsara f'dawk li huma l-casings tal-ġnub ma jridx ikun inqas minn 25 mm.

    3.3.   Fil-metodu tat-test mudell oriġinali tar-riżoluzzjoni 14 tal-Konferenza ta’ SOLAS 1995 l-effett tal-mejl indott mill-mument massimu dderivat minn kwalunkwe ffollar tal-passiġġieri, twaddib tad-dgħajjes ta’ salvataġġ, riħ u tidwar ma ma ġiex meqjus għalkemm dan l-effett kien parti minn SOLAS. Ir-riżultati minn investigazzjoni wrew, madankollu, li jkun prudenti li jitqiesu dawn l-effetti u li jinżamm il-minimu ta’ mejl ta’ 1° lejn il-ħsara għal skopijiet prattiċi. Għandu jiġi nnutat li l-mejl minħabba t-tidwir tqies li mhuwiex rilevanti.

    3.4.   Fil-każijiet fejn hemm marġinu fil-GM fil-kondizzjonijiet attwali ta’ tagħbija mqabbla mal-kurva GM li tillimita (derivata minn SOLAS 90), l-Amministrazzjoni tista’ taċċetta li jittieħed vantaġġ minn dan il-marġinu fit-test mudell. F’dawn il-każijiet il-kurva GM li tillimita għandha tiġi aġġustata. Dan l-aġġustament jista’ jsir kif ġej:

    Image

    d = dS–0,6 (dS–dLS)

    fejn: dS huwa l-fond fl-ilma tas-subdiviżjoni; u dLS huwa l-fond fl-ilma tal-bastiment ankrat.

    Il-kurva aġġustata hija linja dritta bejn il-GM użat fit-test mudell fil-fond ta’ l-ilma tas-subdiviżjoni u l-intersezzjoni tal-fond ta’ l-ilma oriġinali ta’ SOLAS 90, d.

    Il-Paragrafu 4 — Il-Proċedura għall-esperimenti

    4.1.   L-ispettri tal-mewġ

    L-ispettru ta’ JONSWAP għandu jintuża għaliex dan jiddeskrivi l-ibħra b’tul limitat u b’dewmien limitat li jikkorrispondu mal-maġġoranza tal-kondizzjonijiet fid-dinja kolha. F'dan ir-rigward huwa importanti mhux biss li jiġi vverifikat l-aqwa perjodu taż-żmien tas-sensiela tal-mewġ imma wkoll illi jkun korrett il-perjodu taż-żmien ta' l-inkroċjatura żero.

    Huwa meħtieġ li għal kull test, l-ispettru tal-mewġ huwa rrekordjat u ddokumentat. Il-kejl għandu jittieħed ħdejn is-sonda tal-mewġ li hija l-aktar qrib il-magna li tagħmel il-mewġ.

    Huwa wkoll meħtieġ li l-mudell iġorr strumenti sabiex jiġu mmonitorjati u rreġistrati l-movimenti tiegħu (il-mejl, il-għoli tal-pruwa u l-għadsa tal-pruwa) kif ukoll l-imġiba tiegħu (fil-mejl, fil-għads u fit-trimmjatura) matul it-test kollu.

    Instab illi mhux prattiku li jiġu ffissati l-limiti assoluti għal għoli sinjifikanti tal-mewġ, għall-aqwa perjodi u għall-perjodi ta' l-inkroċjatura żero ta' l-ispettri tal-mewġ tal-mudell. Għalhekk, ġie introdott marġinu aċċettabbli.

    4.2.   Sabiex tiġi evitata interferenza tas-sistema ta’ l-irmiġġ mad-dinamiċi tal-vapur, il-karretta ta’ l-irmonk (li miegħu hija mwaħħla s-sistema ta’ l-irmiġġ) għandha ssegwi l-mudell fil-veloċità attwali tal-moviment tiegħu mal-kurrent. Fi stat ta’ baħar b’mewġ irregolari, il-veloċità tal-moviment tal-kurrent ma tkunx kostanti; veloċità kostanti tal-karretta tirriżulta fi frekwenza baxxa, oxxillazzjonijiet kbar ta’ amplitudni tal-moviment tal-kurrent, li jistgħu jaffettwaw l-imġiba tal-mudell.

    4.3.   Huwa meħtieġ għadd suffiċjenti ta’ testijiet b’sensieli differenti ta’ mewġ sabiex tiġi żgurata d-dipendibbiltà statistika, jiġifieri l-għan huwa li jiġi ddeterminat b’livell għoli ta’ kunfidenza li vapur mhux sikur jinqeleb fil-kondizzjonijiet magħżula. Minimu ta’ 10 darbiet jitqies li jipprovdi livell raġonevoli ta’ dipendibbiltà.

    Il-Paragrafu 5 — Il-kriterji tas-sopravivenza

    Il-kontenut ta' dan il-paragrafu jitqies li jispjega lilu nnifsu.

    Il-Paragrafu 6 — L-appovazzjoni tat-test

    Id-dokumenti li ġejjin għandhom jagħmlu parti mir-rapport lill-amministrazzjoni:

    (a)

    il-kalkoli tal-ħsara lill-istabbiltà għall-agħar ħsara skond is-SOLAS u f'nofs il-vapur (jekk differenti);

    (b)

    it-tpinġija ta’ l-arranġament ġenerali tal-mudell flimkien mad-dettalji tal-kostruzzjoni u l-istrumentazzjoni;

    (c)

    l-esperiment ta’ l-inklinazzjoni u l-kejl tar-radji tal-ġirazzjoni;

    (d)

    l-ispettri nominali u mkejla tal-mewġ (fit-3 postijiet differenti għal realizzazzjoni rappreżentanti u għat-testijiet bil-mudell mis-sonda eqreb għall-magna li tagħmel il-mewġ);

    (e)

    rekord rappreżentattiv tal-movimenti tal-mudell, l-attitudni u l-moviment tal-kurrent;

    (f)

    ir-reġistrazzjonijiet bil-vidjo rilevanti.

    Nota:

    It-testijiet kollha għandhom jiġu mixhuda mill-amministrazzjoni.”


    Top