Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0154

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 154/2004 tas-26 ta' Jannar 2004 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri relattiv għall-proroga tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet għas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire fuq sajd 'il barra mill-kosta tal-Côte d'Ivoire matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2003 sat-30 ta' Ġunju 2004

    ĠU L 27, 30.1.2004, p. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2004

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/154/oj

    32004R0154



    Official Journal L 027 , 30/01/2004 P. 0001 - 0002


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 154/2004

    tas-26 ta' Jannar 2004

    dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri relattiv għall-proroga tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet għas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire fuq sajd 'il barra mill-kosta tal-Côte d'Ivoire matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2003 sat-30 ta' Ġunju 2004

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 flimkien ma' l-Artikolu 300(2) u l-ewwel ta' l-Artikolu 300(3) ta' dan,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

    Billi:

    (1) Skond il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire fuq is-sajd 'il barra mill-kosta tal-Côte d'Ivoire [2], qabel jiskadi l-perjodu ta' validità tal-Protokoll anness mal-Ftehim, il-partijiet kontraenti għandhom jinnegozjaw sabiex jiftehmu l-kontenut tal-Protokoll għall-perjodu li ġej u kwalunkwe tibdil jew żieda li għandu jsir fl-Anness.

    (2) Sakemm isiru n-negozjati fuq it-tibdil li għandu jsir fil-Protokoll eżistenti approvati mir-Regolament (KE) Nru 722/2001 [3], iż-żewġ partijiet iddeċidew jestendu l-validità tiegħu għal sena permezz ta' Ftehim fil-forma ta' Skambjar ta' Ittri.

    (3) Huwa fl-interess tal-Komunità li tali estensjoni tiġi approvata.

    (4) L-allokazzjoni ta' opportunitajiet għas-sajd lill-Istati Membri għandhom jiġu kkonfermati,

    KIEN ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Huwa approvat, f'isem il-Komunità Ewropea, il-Ftehim fil-forma ta' Skambjar ta' Ittri relattiv għall-proroga tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet għas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Côte d'Ivoire fuq sajd 'il barra mill-kosta tal-Côte d'Ivoire matul il-perjodu mill-1 ta' Lulju 2003 sat-30 ta' Ġunju 2004.

    It-test tal-Ftehim fil-forma ta' Skambjar ta' Ittri huwa anness ma' dan ir-Regolament [4].

    Artikolu 2

    L-opportunitajiet għas-sajd imniżżla fil-Protokoll għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri kif ġej:

    (a) sajd tal-qiegħ:

    Spanja: 600 GRT kull xahar (medja fis-sena);

    (b) sajd tat-tonn:

    (i) xbieki biex jinqabad it-tonn

    - Franza: 18-il bastiment,

    - Spanja: 21 bastiment;

    (ii) bastimenti tal-wiċċ

    - Spanja: 15-il bastiment,

    - Portugall: 5 bastimenti;

    (iii) bastimenti tat-tonn bl-arblu u bil-kannen

    - Franza: 7 bastimenti,

    - Spanja: 5 bastiment.

    Jekk l-applikazzjonijiet minn dawn l-Istati Membri ma jispurgawx l-opportunitajiet għas-sajd imniżżla fil-Protokoll, il-Kummissjoni tista' tikkunsidra applikazzjonijiet għal liċenzi minn kwalunkwe Stat Membru ieħor.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri li għandhom bastimenti jistgħadu skond il-Ftehim fil-forma ta' Skambjar ta' Ittri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni, bil-mod speċifikat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 500/2001 [5], tal-kwantitajiet ta' kull ħażna meħud fiż-żona tas-sajd tal-Côte d'Ivoire.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-26 ta' Jannar 2004.

    F'isem il-Kunsill

    Il-President

    B. Cowen

    [1] Opinjoni mogħtija fit-18 ta' Diċembru 2003 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [2] ĠU L 379, 31.12.90, pġ. 3.

    [3] ĠU L 102, 12.04.01, pġ. 1.

    [4] ĠU L 319, 04.12.03, pġ. 19.

    [5] ĠU L 73, 15.03.01, pġ. 8.

    --------------------------------------------------

    Top