Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R0027

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 27/2004 tal-5 ta’ Jannar 2004 li jwaqqaf ir-regoli dettaljati għat-tħaddim tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-iffinanzjar mit-Taqsima tal-Garanziji tal-FAEGG tal-miżuri ta’ l-iżvilupp rurali fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja

ĠU L 5, 9.1.2004, p. 36–41 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/27/oj

32004R0027



Official Journal L 005 , 09/01/2004 P. 0036 - 0041


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 27/2004

tal-5 ta’ Jannar 2004

li jwaqqaf ir-regoli dettaljati għat-tħaddim tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-iffinanzjar mit-Taqsima tal-Garanziji tal-FAEGG tal-miżuri ta’ l-iżvilupp rurali fir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITà EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat tas-Sħubija tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja [1], l-aktar l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-Att tas-Sħubija tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja [2], u l-aktar l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 41 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikoli 47a(2) u (3) u 47b tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija Agrikoli (FEGGA) u li jemenda u jħassar ċerti regolamenti [3], kif emendat bl-Att tas-Sħubija tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja, iwaqqfu regoli speċjali għall-iffinanzjar mit-Taqsima tal-Garanziji tal-FAEGG tal-miżuri ta’ l-iżvulupp rurali msemmija fl-Artikolu 47a(1) ta’ dak ir-Regolament. L-aktar, dawn jistabbilixxu li ċerti diżposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999, li jippreskrivi d-diżposizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [4], kif emendat l-aħħar bl-Att ta’ l-Sħubija, għandhom ikunu jgħoddu.

(2) Dawn ir-regoli għandhom jidħlu fis-seħħ mas-Sħubija ta’ l-Istati Membri l-ġodda. Biex titħaffef it-transizzjoni bejn ir-regoli li hemm bħalissa fuq it-tħaddim tat-Taqsima tal-Garanziji tal-FAEGG, imwaqqfa l-aktar fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [5], u r-regoli ta’ l-applikazzjoni, u r-regoli speċjali mwaqqfa bir-Regolament (KE) Nru 1257/1999, għandhom jitwaqqfu miżuri ta’ tħaddim.

(3) Minħabba li l-Istati Membri l-ġodda għadhom ma addottawx il-munita waħdanija, għandhom jitwaqqfu diżposizzjonijiet speċjali fuq, fost oħrajn, ir-rata tal-kambju li għandha tintuża għad-dikjarazzjonijiet tan-nefqa, f’deroga mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2808/98 tat-22 ta’ Diċembru 1998 li jippreskrivi r-regoli dettaljati li japplikaw is-sistema agrimonetarja ta’ l-Ewro fl-agrikoltura [6].

(4) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 445/2002 tas-26 ta’ Frar 2002, li jwaqqaf ir-regoli dettaljati għat-tħaddim tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 fuq l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar il-Gwida u l-Garanzija (FAEGG) [7], jistabbilixxi d-diżposizzjonijiet finanzjarji li ma jaqblux mar-regoli speċjali stabbiliti fl-Artikolu 47a u 47b tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999. Dawk id-diżposizzjonijiet m’għandhomx ikunu jgħoddu għad-dokumenti tal-programmi ta’ l-iżvilupp rurali ta’ l-Istati Membri l-ġodda.

(5) L-Artikolu 33g u 33għ tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 rispettivament jipprovdu għal parti mill-iffinanzjar, taħt il-programmi ta’ l-iżvilupp rurali, tal-kumplamenti għall-pagamenti diretti u tal-kumplamenti għall-għajnuna ta’ l-Istat f’Malta. Minħabba n-natura speċifika ħafna ta’ dawn il-miżuri, għandhom jitwaqqfu diżposizzjonijiet speċjali għat-tmexxija u l-kontroll tagħhom.

(6) Minħabba li s-sħubija ta’ l-Istati Membri l-ġodda se ssir fl-1 ta’ Mejju 2004 milli fil-bidu tas-sena, għandhom jitwaqqfu miżuri speċjali għas-sottomissjoni ta’ applikazzjonijiet li jsaħħu l-għajnuna liż-żoni inqas vantaġġati fl-2004 biex ikun żgurat li l-Istati Membri l-ġodda jilħqu l-obbligi tagħhom fejn għandhom x’jaqsmu l-kontrolli.

(7) Il-miżuri huma msemmija f’dan ir-Regolament huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar il-Gwida u l-Garanzija,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Qasam ta’ l-applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-diżposizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fl-Artikolu 47a u 47b tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 li jgħodd għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja (minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Istati Membri l-ġodda").

Artikolu 2

L-Eliġibbiltà tan-nefqa

1. Għall-għanijiet tat-tieni sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, id-data aħħarija għall-eliġibbiltà tan-nefqa stabbilita fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li japprovaw id-dokumenti tal-programmi ta’ l-iżvilupp rurali ta’ l-Istati Membri l-ġodda għandha jkollha x’taqsam ma’ pagamenti li jkunu saru mill-aġenziji li jħallsu msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999.

2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 33(5) ta’ l-Att tas-Sħubija, in-nefqa biss marbuta ma’ xogħol magħżul biex parti minnu tkun iffinanzjata taħt ir-Regolament (KE) Nru 1257/1999, fi qbil mal-kriterji ta’ l-għażla u l-proċeduri stabbiliti, u li tul il-perjodu kollu li matulu jkun sar dan kien jiddependi mir-regoli tal-Komunità, għandha tkun eliġibbli.

Artikolu 3

Il-Pagamenti

1. Ir-referenzi għall-awtorità li qed tħallas li hemm fl-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandhom ikunu miftiehma bħala r-referenzi għall-aġenziji li jħallsu li hemm msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999.

2. Għall-għan ta’ l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, il-pagamenti interim u dawk tal-bilanċ aħħari għandhom ikunu x’jaqsmu mal-pagamenti li jkunu saru fil-fatt mill-aġenziji li jħallsu.

3. Għat-tħaddim ta’ l-Artikolu 32(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, il-pagamenti interim taħt id-dokumenti tal-programmi ta’ l-iżvilupp rurali għandhom ikunu jiddependu mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) is-sottomissjoni lill-Kummissjoni ta’ l-aħħar rapport tat-tħaddim li huwa dovut, kif previst fit-tielet sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 48(2) tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999;

(b) is-sottomissjoni ta’ l-aħħar kontijiet annwali dovuti kif meħtieġ taħt l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999.

4. Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 32(4) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, il-bilanċ aħħari taħt id-dokumenti tal-programmi ta’ l-iżvilupp rurali għandu jitħallas fuq il-bażi ta’ l-aħħar deċiżjoni ta’ l-approvazzjoni tal-kontijiet prevista fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999.

5. L-applikazzjonijiet tal-pagament iċċertifikati għandhom jintwerew fi qbil mal-mudell mogħti fl-Anness ta’ dan.

Artikolu 4

L-Aġenziji li jħallsu

1. Kull aġenzija li tħallas għandha żżomm il-kontijiet li jkopru b’mod esklussiv l-użu tal-fondi disponibbli lilha biex tħallas in-nefqa fuq il-miżuri previsti fid-dokumenti tal-programmi ta’ l-iżvilupp rurali.

2. L-aġenziji li jħallsu għandhom jiżguraw li l-kontribuzzjoni tal-Komunità titħallas lill-benefiċjarju fl-istess żmien jew wara li tkun tħallset il-kontibuzzjoni nazzjonali.

Artikolu 5

L-użu ta’ l-Ewro

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, ir-rabtiet, id-dikjarazzjonijiet tan-nefqa li jsostnu l-applikazzjonijiet għall-ħlas, u l-pagamenti għandhom jitfissru f’Ewro fi qbil mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 643/2000 [8].

Madankollu, fil-każ tal-miżura prevista fl-Artikolu 33g tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jikkonvertu n-nefqa li tkun saret fil-munita nazzjonali fl-Ewro, u dan billi tintuża r-rata tal-kambju applikabbli għall-iskemi ta’ appoġġ dirett.

Artikolu 6

Id-Dikjarazzjonijiet u t-tbassir tan-nefqa

L-Artikoli 47, 48 u 49 tar-Regolament (KE) Nru 445/2002 m’għandhomx ikunu jgħoddu għad-dokumenti ta’ programmi ta’ l-iżvilupp Rurali ta’ l-Istati Membri l-ġodda.

Artikolu 7

L-Approvazzjoni tal-kontijiet

1. Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1663/95 [9], il-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 4(1) ta’ dan għandhom jinkludu:

(a) in-nefqa annwali mqassra bil-miżura ta’ l-iżvilupp rurali;

(b) tabella li tkun turi d-differenzi bejn in-nefqa ddikjarata taħt (a) u dik iddikjarata għall-għan tal-ħlasijiet interim imsemmija fl-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-Regolament;

(ċ) tabella, meħuda mill-ktieb tad-debituri, li tkun turi d-dejn sħiħ magħruf iżda li ma jkunx għadu tħallas lura fit-tmiem tas-sena finanzjarja għall-miżuri ta’ l-iżvilupp rurali.

2. Għall-għanijiet tat-tieni sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1663/95, l-ammonti 1i jinkisbu mill-ġdid jew li jitħallsu taħt id-deċiżjoni ta’ l-approvazzjoni tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999 għandhom jitnaqqsu minn jew jiżdiedu ma’ pagamenti li jiġu wara li tkun għamlet il-Kummissjoni.

Artikolu 8

It-total ta’ ħlasijiet diretti

1. Minkejja l-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 445/2002, il-pagamenti li jsiru mill-aġenziji li jħallsu, liema pagamenti jkollhom x’jaqsmu mat-total ta’ pagamenti diretti, kif previsti fl-Artikolu 33g tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999, għandhom isiru fuq il-bażi ta’ l-applikazzjoni tal-ħlas li tintbagħat għall-ħlas sħiħ nazzjonali dirett jew għall-għajnuna kumplamentari nazzjonali diretta li hemm fl-Artikolu 1ċ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 [10]. Fil-każ ta’ l-Istati Membri l-ġodda li japplikaw l-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999, l-aġenziji li jħallsu għandhom jiżguraw li t-total tal-ħlasijiet diretti jitħallsu fl-istess żmien jew wara dawk diretti tal-Komunità, taħt l-iskema ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999.

2. Minkejja l-Artikoli 59 sa 64 tar-Regolament (KE) Nru 445/2002, l-Istati Membri għandhom iħaddmu r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 [11] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001 [12] fil-każ tal-miżura prevista fl-Artikolu 33g tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999.

Artikolu 9

It-Total ta’ għajnuna ta’ l-Istat f’Malta

Minkejja l-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 445/2002, il-ħlasijiet li jsiru mill-aġenzija li qed tħallas dwar il-kumplament għall-għajnuna ta’ l-Istat f’Malta li hemm fl-Artikolu 33għ tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 għandhom isiru fuq il-bażi ta’ l-applikazzjoni tal-ħlas li tkun intbagħtet għall-għajnuna ta’ l-Istat.

Artikolu 10

Id-Diżposizzjonijiet transnazzjonali għall-2004

Il-benefiċjarji għandhom jibagħtu l-applikazzjonijiet għall-ħlasijiet ta’ kumpens li hemm fil-Kapitlu V tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 għall-2004 lill-awtoritajiet kompetenti qabel l-1 ta’ Lulju 2004 jew b’data aktar tard li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri l-ġodda li tkun kumpatibbli ma’ l-obbligi tal-kontroll tagħhom taħt it-Taqsima 6 tal-Kapitlu II tar-Regolament (KE) Nru 445/2002.

Artikolu 11

Id-Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004 suġġett għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Lituwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fil-kumplessità tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fil-5 ta’ Jannar 2004.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 236, 23.09.03, p. 17.

[2] ĠU L 236, 23.09.03, p. 33.

[3] ĠU L 160, 26.06.99, p. 80.

[4] ĠU L 161, 26.06.99, p. 1.

[5] ĠU L 160, 26.06.99, p. 103.

[6] ĠU L 349, ta’ l-24.12.1998, p. 36. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 816/2003 (ĠU L 116, tat-13.5.2003, p. 12).

[7] ĠU L 74, tal-15.3.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 963/2003 (ĠU L 138, tal-5.6.2003, p. 32).

[8] ĠU L 78, 29.03.00, p. 4.

[9] ĠU L 158, tat-8.7.1995, p. 6. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2025/2001 (ĠU L 274, tas-17.10.2001, p. 3).

[10] ĠU L 160, 26.06.99, p. 113.

[11] ĠU L 355, 05.12.92, p. 1.

[12] ĠU L 327, 12.12.01, p. 11.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top