EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004L0014

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/14/KE tad-29 ta' Jannar 2004 li temenda d-Direttiva 93/10/KEE li għandha x'taqsam ma' materjali u oġġetti magħmula minn film taċ-ċellulożi reġenerat maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikelTest b'relevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 27, 30.1.2004, p. 48–51 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/07/2007; Impliċitament imħassar minn 32007L0042

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/14/oj

32004L0014



Official Journal L 027 , 30/01/2004 P. 0048 - 0051


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/14/KE

tad-29 ta' Jannar 2004

li temenda d-Direttiva 93/10/KEE li għandha x'taqsam ma' materjali u oġġetti magħmula minn film taċ-ċellulożi reġenerat maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkonsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkonsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/109/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar it-tqarrib lejn xulxin tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu ma' materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel [1], kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [2], u partikolarment l-Artikolu 3 tiegħu,

Wara li kkonsultaw mal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel,

Billi:

(1) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 93/10/KEE tal-15 ta' Marzu 1993 li għandha x'taqsam ma' materjali u oġġetti magħmula minn film taċ-ċellulożi reġenerat maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel [3], kif emendata mid-Direttiva 93/111/KE [4], tapplika għal film taċ-ċellulożi riġenerat u tistabbilixxi lista ta' sustanzi awtorizzati flimkien ma' restrizzjonijiet fuq l-użu tagħhom. Dik id-Direttiva tkopri film-ijiet taċ-ċellulożi riġenerati mhux miksija jew miksija b'kisi fabbrikat biss ma' sustanzi mniżżla fiha.

(2) Minbarra żviluppi teknoloġiċi, huwa meħtieġ li jiġi awtorizzat tip ġdid ta' film taċ-ċellulożi riġenerat b'kisi li jikkonsisti minn plastik, li huwa kompostibbli u bijodegradabbli. Dan it-tip ġdid ta' film taċ-ċellulożi reġenerat huwa konsistenti mal-ħtiġijiet ambjentali tad-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Diċembru 1994 dwar pakkeġġjar u skart tal-pakkeġġjar [5], kif emendata mir-Regolament (KE) Nru 1882/2003. Għal din ir-raġuni, din l-awtorizzazzjoni hija fl-interess ta' konsistenza ta' leġislazzjoni Komunitarja.

(3) Ir-regoli li jridu jiġu applikati għall-film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati għandhom ikunu speċifiċi għan-natura tas-saff f'kuntatt ma' l-oġġett ta' l-ikel. Għal din ir-raġuni, il-ħtiġijiet għal film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati miksija b'kisi li jikkonsisti mill-plastik għandhom ikunu differenti minn dawk provvduti għal film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati mhux miksija jew miksija b'kisi derivati miċ-ċellulożi.

(4) Sustanzi awtorizzati biss għandhom jintużaw fil-fabbrikazzjoni tat-tipi kollha ta' film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati, inkluż film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati miksija bil-plastik.

(5) Fil-każ ta' film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati miksija b'kisi li jikkonsisti mill-plastik, is-saff fil-kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel jikkonsisti minn materjali u oġġetti simili għall-materjali tal-plastik maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel. Għalhekk huwa xieraq li r-regoli provvduti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/72/KE tas-6 ta' Awissu 2002 li għandhom x'jaqsmu ma' materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel [6] għandhom ikunu applikabbli wkoll għal dawn il-film-ijiet.

(6) Fl-interess ta' konsistenza ta' leġislazzjoni Komunitarja, il-verifika ta' konformita ta' film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati miksija bil-plastik mal-limiti ta' migrazzjoni mfassla mid-Direttiva 2002/72/KE għandha titwettaq skond ir-regoli preskritti fid-Direttiva tal-Kunsill 82/711/KEE tat-18 ta' Ottubru 1982 li tippreskrivi r-regoli bażiċi meħtieġa għat-testjar tal-migrazzjoni tal-kostitwenti ta' materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel [7], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 97/48/KE [8], u d-Direttiva tal-Kunsill 85/572/KEE tad-19 ta' Diċembru 1985 li tippreskrivi l-lista ta' simulanti li jridu jintużaw għat-testjar ta' migrazzjoni ta' kostitwenti ta' materjali u oġġetti tal-plastik maħsuba biex jiġu f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel [9].

(7) Numru ta' polimeri wżati bħala kisi għandhom jitħassru mill-lista ta' sustanzi awtorizzati kif dikjarati fid-Direttiva 93/10/KEE billi huma koperti mir-regoli dikjarati fid-Direttiva 2002/72/KE li jgħoddu għal film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati miksija bil-plastik.

(8) Erba' solventi għandhom jitħassru wkoll mill-lista ta' sustanzi awtorizzati dikjarati fid-Direttiva 93/10/KEE billi fatti magħrufa (data) ġodda huma disponibbli li juru riskju għar-riproduzzjoni u minħabba li m'għadhomx jintużaw fil-fabbrikazzjoni ta' film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati. B'żieda ma' dan, xi plastiċizzaturi, li m'għadhomx jintużaw, għandhom jitħassru wkoll minn dik il-lista.

(9) B'żieda ma' dan, ir-restrizzjoni fuq l-użu ta' 2-ethylhexyl diphenyl phosphate (sinonimu: phosphoric acid diphenyl 2-ethylhexyl ester) dikjarata fid-Direttiva 93/10/KEE għandha tiġi emendata biex titqies l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel tad-19 ta' Marzu 1998.

(10) Id-Direttiva 93/10/KEE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq.

(11) Il-miżuri provduti f'din id-Direttiva huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 93/10/KEE hija emendata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 1(3), jitħassar punt (a).

2. Jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:

"L-Artikolu 1a

Il-film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati riferiti fl-Artikolu 1(2) għandhom jappartjenu għal wieħed minn dawn it-tipi li ġejjin:

(a) film taċ-ċellulożi reġenerat mhux miksi;

(b) film taċ-ċellulożi reġenerat miksi bil-kisi derivat miċ-ċellulożi;

jew

(ċ) film taċ-ċellulożi reġenerat miksi bil-kisi li jikkonsisti mill-plastik."

3. L-Artikolu 2(1) jiġi mibdul b'dan li ġej:

"1. Film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati riferiti f'punti (a) u (b) ta' l-Artikolu 1a għandhom jiġu fabbrikati biss permezz ta' sustanzi jew gruppi ta' sustanzi mniżżla f'lista fl-Anness II bla ħsara għar-restrizzjonijiet dikjarati fih."

4. Jiddaħħal l-Artikolu 2a li ġej:

"L-Artikolu 2a

1. Film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati riferiti fl-Artikolu 1a (ċ) għandhom jiġu fabbrikati biss, qabel il-kisi, permezz ta' sustanzi jew gruppi ta' sustanzi mniżżla f'lista fl-ewwel parti ta' l-Anness II, bla ħsara għar-restrizzjonijiet dikjarati fih.

2. Il-kisi li jrid jiġi applikat lill film taċ-ċellulożi reġenerat riferit fil-paragrafu 1 għandu jiġi fabbrikat biss permezz ta' sustanzi jew gruppi ta' sustanzi mniżżla f'lista fl-Annessi II sa VI mad-Direttiva 2002/72/KE, bla ħsara għar-restrizzjonijiet dikjarati fih.

3. Mingħajr preġudizzju għal paragrafu 1, materjali u oġġetti magħmula minn film taċ-ċellulożi reġenerat riferiti fl-Artikolu 1 a(ċ) għandhom jikkonformaw ma' l-Artikoli 2, 7 u 8 tad-Direttiva 2002/72/KE."

5. L-Anness II jiġi emendat b'mod konformi ma' l-Anness ma' din id-Direttiva.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mid-29 ta' Lulju 2005. Għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni t-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta' correlazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet b'tali mod illi:

(a) jippermettu l-kummerċ u l-użu ta' film taċ-ċellulożi reġenerat li huwa maħsub sabiex jiġi f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel li jikkonformaw ma' din id-Direttiva, mid-29 ta' Lulju 2005;

(b) jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni u l-importazzjoni fil-Komunità ta' film taċ-ċellulożi reġenerat li huwa maħsub sabiex jiġi f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel u li ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva mid-29 ta' Jannar 2006. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-istati membri għandhom jistabbilixxu kif trid issir din ir-riferenza.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewliena tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, fid-29 ta' Jannar 2004.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 38.

[2] ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1.

[3] ĠU L 93, tas-17.4.1993, p. 27.

[4] ĠU L 310, ta' l-14.12.1993, p. 41.

[5] ĠU L 365, tal-31.12.1994, p. 10.

[6] ĠU L 220, tal-15.8.2002, p. 18.

[7] ĠU L 297, tat-23.10.1982, p. 26.

[8] ĠU L 222, tat-12.8.1997, p. 10.

[9] ĠU L 372, tal-31.12.1985, p. 14.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

It-tieni parti ta' l-Anness II mad-Direttiva 93/10/KEE tiġi emendata kif ġej:

1. Fit-tielet linja (Ċ. Kisi) tat-tieni kolonna (Restrizzjonijiet) tat-tabella: "Mhux aktar minn 50 mg ta' kisi/dm2 ta' film fuq in-naħa f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel" jitħassar.

2. Il-polimeri li ġejjin u r-restrizzjonijiet tagħhom jitħassru mit-tabella:

"Denominazzjonijiet | Restrizzjonijiet |

—Polimeri, kopolimeri u t-taħlitiet tagħhom magħmula ma' dawn il-monomeri li ġejjin: | Bi qbil mad-direttivi tal-Komunità u, fl-assenza tagħhom, ma' leġislazzjoni nazzjonali sakemm issir l-adozzjoni ta' direttivi tal-Komunità. |

vinil acetals derivati minn aldeidi saturati (C1 sa C6) |

aċetat tal-vinil |

alkyl (C1 sa C4) eteri tal-vinil |

aċidi akriliċi, crotonic, itaconic, maleic, metakriliċi u l-esteri tagħhom |

butadiene |

sirene |

metilstirene |

klorur tal-vinylidene |

acrylonitrile |

methacrylonitrile |

etilene, propilene, 1 –u 2- butilene |

klorur tal-vinil | Skond id-Direttiva 78/142/KEE (ĠU L 44, tal-15.2.1978, p. 15)" |

3. Għal reżini, il-kontenut tal-kolonna

"Restrizzjonijiet"

tat-tabella jinbidel b'dan li ġej:

"2.Reżini | Il-kwantita totali ta' sustanzi ma tistax taqbeż 12,5 mg/dm2 tal-kisi fuq in-naħa f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel u biss għat-tħejjija ta' film-ijiet taċ-ċellulożi reġenerati b'kisi bil-bażi ta' nitrat taċ-ċellulożi" |

4. Il-plastiċizzaturi li ġejjin u r-restrizzjonijiet tagħhom jitħassru mit-tabella:

"Denominazzjonijiet | Restrizzjonijiet |

—Butylbenzylphthalate | Mhux aktar minn 2,0 mg/dm2 tal-kisi fuq in-naħa f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel |

—Di-n-butyl phthalate | Mhux aktar minn 3,0 mg/dm2 tal-kisi fuq in-naħa f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel |

—Di(2-ethylhexyl) sebacate (= dioctylsebacate)" | |

5. Għall-plastiċizzatur li ġej, il-kontenut tal-kolonna

"Restrizzjonijiet"

tat-tabella jinbidel b'dan li ġej:

"Denominazzjonijiet | Restrizzjonijiet |

—2-ethylhexyl diphenyl phosphate (sinonimu: phos-phoric acid diphenyl 2-ethylhexyl ester) | L-ammont ta' 2-ethylhexyl diphenyl phosphate m'għandux jaqeż. (a)2,4 mg/kg ta' l-oġġett ta' l-ikel f'kuntatt ma' dan it-tip ta' film, jew(b)0.4 mg/dm2 fil-kisi fuq in-naħa f'kuntatt ma' oġġetti ta' l-ikel" |

6. Is-solventi li ġejjin jitħassru mit-tabella:

"Denominazzjonijiet | Restrizzjonijiet |

—Ethyleneglycol monoethyl ether | |

—Ethyleneglycol monoethyl ether acetate | |

—Ethyleneglycol monomethyl ether | |

—Ethyleneglycol monomethyl ether acetate" | |

--------------------------------------------------

Top