This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32004D0853
2004/853/EC: Council Decision of 7 December 2004 authorising the French Republic and the Italian Republic to apply a measure derogating from Article 3(1) of the Sixth Council Directive (77/388/EEC) on the harmonisation of the laws of the Member States relating to turnover taxes
2004/853/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta’ Diċembru 2004 li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana japplikaw miżura derogatorja mill-Artikolu 3(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' taxxi fuq il-valur tal-bejgħ
2004/853/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta’ Diċembru 2004 li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana japplikaw miżura derogatorja mill-Artikolu 3(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' taxxi fuq il-valur tal-bejgħ
ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 60–61
(MT)
ĠU L 369, 16.12.2004, p. 58–59
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
In force
31.12.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
60 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tas-7 ta’ Diċembru 2004
li tawtorizza lir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika Taljana japplikaw miżura derogatorja mill-Artikolu 3(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta' taxxi fuq il-valur tal-bejgħ
(2004/853/KE)
IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-valur tal-bejgħ — Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 27(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Billi:
(1) |
Skond l-Artikolu 27 tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru sabiex jintroduċi miżuri speċjali derogatorji mid-dispożizzjonijiet ta' dik id-Direttiva, sabiex tiġi simplifikata l-proċedura li biha tintalab it-taxxa jew biex jiġu prevenuti ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. |
(2) |
F’talba ppreżentata lill-Kummissjoni u reġistrata għand is-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fl-24 ta' Marzu 2004, il-Gvernijiet Franċiżi u Taljani talbu l-awtorizzazzjoni biex jidderogaw mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/388/KEE. |
(3) |
Skond l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittra ta' l-1 ta' Ġunju 2004 bit-talba magħmula mill-Gvernijiet ta' Franza u ta' l-Italja u b’ittra tat-3 ta’ Ġunju 2004 l-Kummissjoni għarrfet lir-Repubblika Franċiża u lir-Repubblika Taljana li kellha l-informazzjoni kollha li hi tqis bħala meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba. |
(4) |
Bejn Franza u l-Italja hemm żewġ mini: Mont Blanc (Monte Bianco) u Fréjus. Il-fruntiera bejn iż-żewġ Stati hija ġewwa l-mina iżda ma jkunx prattiku li l-ġbir tat-tariffi jsir ġo fiha. L-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 77/388/KEE jistipula li “… ‘it-territorju ta' Stat Membru’ għandu jfisser it-territorju tal-pajjiż…”. Skond ir-regoli attwali, għalhekk, l-ammont taxxabbli tat-tariffi għandu jkun relatat mat-tul tal-mina li tappartjeni għal kull Stat. Ladarba jkun għoli wisq u ta' tfixkil li jkun hemm kabina tal-ħlas f'kull tarf tal-mina għal kull Stat Membru biex jiġbru s-sehem tagħhom tat-tariffa, it-tariffi jinġabru flimkien fl-entratura tal-mina. Kull vjaġġ minn ġol-mina għandu jiġi fatturat b'żewġ tariffi u żewġ rati ta' VAT differenti: waħda għat-territorju Franċiż u l-oħra għat-territorju Taljan. Barra minn hekk, l-ammont taxxabbli u l-VAT għandhom wara dan jinqasmu bejn iż-żewġ Stati Membri. B'hekk il-VAT hija fattur kumplikanti addizzjonali f'mekkaniżmu ta' kumpens finanzjarju li diġà huwa kumpless li jirriżulta mill-qsim ta' l-ispejjeż ta' ġestjoni tal-mina. |
(5) |
L-iskop tad-deroga mitluba minn Franza u l-Italja huwa li jfittxu awtorizzazzjoni biex jidderogaw mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward tal-mina ta' Mont Blanc (Monte Bianco) u l-mina ta' Fréjus. |
(6) |
Għaż-żewġ mini ż-żewġ Stati jixtiequ jikkunsidraw it-tul sħiħ tal-karreġġjata ġewwa 'l mina bħala territorju ta' l-Istat li fih jibda kwalunkwe vjaġġ ta' transitu minn ġol-mina li jagħmel użu mill-karreġġjata. B'hekk l-uffiċċju Franċiż japplika l-VAT Franċiża għat-tariffa sħiħa għall-vjaġġi kollha li jibdew min-naħa Franċiża. L-istess mekkaniżmu jiġi applikat mill-uffiċċju Taljan għal vjaġġi kollha li jibdew min-naħa Taljana. |
(7) |
Din id-deroga għandha effett biss fir-rigward tal-ħlasijiet f'tariffi u sabiex jiġi ssimplifikat l-mod li bih il-VAT tiġi kkalkulata u ddikjarata. Ma taffettwax it-territorju tal-VAT ta' l-Italja jew Franza għall-iskopijiet ta' kwalunkwe fornimenti oħrajn. |
(8) |
Il-miżura maħsuba hija mfassla biex issolvi l-problemi ppreżentati hawn fuq billi tissimplifika l-arranġamenti għal ħlas tat-taxxa u hija essenzjalment ta' natura teknika. Ma taffettwax ħażin lir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet provduti mill-VAT, u lanqas ma għandha xi effett fuq l-ammont tat-taxxa dovuta fl-istadju finali tal-konsum. |
(9) |
Billi l-materja involuta hija d-definizzjoni tat-territorju għal skopijiet ta' VAT li għaliha m'għandu jkun hemm l-ebda tibdil, id-deroga mitluba għandha tingħata għal perijodu indefinittiv, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B'deroga mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/388/KEE, Franza u l-Italja huma b'dan awtorizzati jikkunsidraw il-karreġġjata fil-mini ta' Mont Blanc (Monte Bianco) u Fréjus, għat-tul sħiħ tagħhom, bħala parti mit-territorju ta' l-Istat Membru li minnu jibda kwalunkwe vjaġġ li jagħmel użu mill-karreġġjata.
Artikolu 2
L-Artikolu 1 għandu japplika għat-tariffi tal-mini biss.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża u lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, 7 ta’ Diċembru 2004.
Għall-Kunsill
Il-President
G. ZALM
(1) ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).