Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003E0473

    Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2003/473/PESK tal-25 ta' Ġunju 2003 li tirrigwarda kontribuzzjoni mill-Unjoni Ewropea fil-proċess tas-soluzzjoni tal-konflitt fil-Georgia/l-Ossetia ta' Isfel

    ĠU L 157, 26.6.2003, p. 72–73 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2004

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2003/473/oj

    32003E0473



    Official Journal L 157 , 26/06/2003 P. 0072 - 0073


    Azzjoni konġunta tal-Kunsill 2003/473/PESK

    tal-25 ta' Ġunju 2003

    li tirrigwarda kontribuzzjoni mill-Unjoni Ewropea fil-proċess tas-soluzzjoni tal-konflitt fil-Georgia/l-Ossetia ta' Isfel

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkonsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

    Billi:

    (1) Fis-26 ta' Frar 2001, il-Kunsill iddikjara r-rieda tajba tiegħu li jaħdem rwol politiku iktar attiv fil-Kawkażja ta' Isfel u li jħares għal iktar modi kif jappoġġja l-isforzi għalbiex jipprevjieni u jirrisolvi l-konflitti fir-reġjun, b'mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-koperazzjoni ma' l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa (OSCE).

    (2) Fid-29 ta' Ottubru 2001, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2001/759/PESK [1], li tirrigwarda kontribuzzjoni mill-Unjoni Europea għall-proċess tas-soluzzjoni tal-konflitt fl-Ossetia ta' Isfel.

    (3) Il-kontribuzzjoni ta' l-UE skond din l-Azzjoni Konġunta għall-missjoni ta' l-OSCE fil-Georgia kienet effettiva sabiex tiżgura l-funzjonament tas-segretarjati permanenti għan-naħat tal-Georgia u ta' l-Ossetia ta' Isfel, taħt il-patroċinju ta' l-OSCE, u li tiffaċilita l-laqgħat tal-Kummissjoni Konġunta tal-Kontroll (JCC) u tal-Grupp ta' l-Esperti, li huma l-istrumenti ewliena tal-proċess tas-soluzzjoni tal-konflitt.

    (4) Il-UE tikkonsidra illi l-għajnuna tagħha rrinfurzat l-effikaċja tar-rwol tagħha, kif ukoll dik ta' l-OSCE, fis-soluzzjoni tal-konflitt.

    (5) L-OSCE u l-ko-Sedji tal-JCC appellaw għall-għajnuna ta' segwiment mill-UE u l-UE qablet li toffri iktar għajnuna finanzjarja għall-proċess tas-soluzzjoni tal-konflitt.

    (6) Il-Kummissjoni qablet li tiġi fdata bl-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta.

    (7) Il-Kummisjoni trid tiżgura viżibbiltà adegwata tal-kontribuzzjoni ta' l-UE għall-proġett,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    1. L-Unjoni Ewropea għandha tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-proċess tas-soluzzjoni tal-konflitt fl-Ossetia ta' Isfel.

    2. Għal dan il-għan, l-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi kontribuzzjoni lill-OSCE sabiex tiffinanzja l-laqgħat tal-JCC u tal-Grupp ta' l-Esperti, għalbiex tipprovdi l-organizzazzjoni ta' konferenzi taħt il-patroċinju tal-JCC u sabiex tipprovdi għall-pubblikazzjoni ta' rivista tal-JCC.

    Artikolu 2

    1. Il-ħruġ tal-għajnuna finanzjarja pprovduta skond din l-Azzjoni Konġunta għandha tkun ikkondizzjonata bis-sejħa ta' mhux inqas minn żewġ laqgħat tal-JCC u tal-grupp ta' l-Esperti fit-12-il xahar mid-data tal-bidu tal-ftehim tal-finanzjament li jrid jiġi konkluż bejn il-Kommissjoni u l-missjoni ta' l-OSCE fil-Georgia. Kemm in-naħa tal-Georgia u kemm in-naħa ta' l-Ossetia ta' Isfel għandhom jagħmlu sforzi li jisgħu jiġu murija sabiex jinkiseb progress reali politiku lejn soluzzjoni dejjiema u paċifika tad-differenzi ta' bejniethom.

    2. Il-Kunsill għandu jafda f'idejn il-Kummissjoni l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta, bil-ħsieb li tilħaq il-għan speċifikat fl-Artikolu 1(2). Għal dan il-fini, il-Kummissjoni għandha tikkonkludi ftehim finanzjarju mal-missjoni ta' l-OSCE fil-Georgia dwar l-użu tal-kontribuzzjoni ta' l-UE, li għandha tiegħu l-għamla ta' għotja.

    3. Il-missjoni ta' l-OSCE fil-Georgia għandha tkun responsabbli mir-rifużjoni ta' l-ispejjeż tal-missjoni, għall-organizzazzjoni tal-konferenzi taħt il-patroċinju tal-JCC, u għall-pubblikazjoni ta' rivista tal-JCC. Il-ftehim finanzjarju jrid jistabbilixi illi l-missjoni ta' l-OSCE fil-Georgia għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni ta' l-UE għal dan il-proġett.

    4. Il-Kummissjoni għandha, permezz tad-Delegazzjoni fi Tbilisi, tikkopera mill-qrib mal-missjoni ta' l-OSCE fil-Georgia sabiex timmonitorja u tivvaluta l-progress, sabiex tiżgura s-suċċess ta' l-azzjoni, kif ukoll l-użu korrett tal-għotja għall-għanijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(2).

    5. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta bil-miktub dwar l-implimentazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill taħt l-awtorità tal-Presidenza, assistita mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, Rappreżentant Għoli għas-PESK. Dan it-tagħrif għandu jkun imsejjes, b'mod partikolari, fuq rapporti regolari li jridu jiġu pprovvduti mill-missjoni ta' l-OSCE fil-Georgia skond ir-relazzjoni kontrattwali tagħha mal-Kummissjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 2(2) hawn fuq.

    Artikolu 3

    1. L-ammont finanzjarju tar-riferiment għall-għanijiet riferiti fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 160000.

    2. Il-ġestjoni tan-nefqa ffinanzjata bl-ammont speċifikat fil-paragrafu 1 għandha tkun bla ħsara għall-proċeduri u r-regoli ta' l-Unjoni Ewopea li japplikaw għall-estimi finanzjarji ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, bl-eċċezzjoni li kull finanzjament bil-quddiem ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità Ewropea.

    Artikolu 4

    1. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2003.

    Għandha tiskadi fit-30 ta' Ġunju 2004.

    2. Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi riveduta għaxar xhur wara d-dħul tagħha is-seħħ.

    Artikolu 5

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussel, fil-25 ta' Ġunju 2003.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. Papandreou

    [1] ĠU L 286, tat-30.10.2001, p. 4.

    --------------------------------------------------

    Top