Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003D0475

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2003 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/604/KE dwar il-kompożizzjoni u l-istatuti tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika

    ĠU L 158, 27.6.2003, p. 55–57 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2003/475/oj

    32003D0475



    Official Journal L 158 , 27/06/2003 P. 0055 - 0057


    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

    tat-18 ta' Ġunju 2003

    li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/604/KE dwar il-kompożizzjoni u l-istatuti tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika

    (2003/475/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

    Wara li kunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni [1],

    Billi:

    (1) Il-Kumitat tal-Politika Ekonomika huwa previst fl-Artikolu 272 tat-Trattat.

    (2) Fid-29 ta' Settembru 2000 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2000/604/KE dwar il-kompożizzjoni u l-istatuti tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika [2].

    (3) Dawn l-Istatuti wasslu biex il-Kumitat ikun jista' jaħdem sew.

    (4) Wara d-deċiżjoni meħuda mill-Kapijiet ta' l-Istat jew tal-Gvern fil-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2002 li sar f'Kopenhagen, ghaxar membri ġodda iffirmaw nhar is-16 ta' April 2003 it-Trattat ta' l-Adeżjoni fl-Unjoni Ewropea u li huma mistennija jissieħbu fl-1 ta' Mejju 2004.

    (5) Il-Kumitat tal-Politika Ekonomika għandu jkompli jaħdem b'mod effettiv wara t-tkabbir.

    (6) Il-Komposizzjoni u l-Istatuti tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika għandhom ikunu aġġornati kif suppost,

    (14) L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom ikunu rappreżentati tajjeb fil-Kumitat. Kull wieħed minnhom għandu jinnomina żewġ membri.

    IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2000/604/KE qed hawnhekk tiġi emendata kif ġej:

    (a) il-premessa 14 għandha tinbidel b'dan li ġej:

    "(14) L-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom ikunu rappreżentati tajjeb fil-Kumitat. Kull wieħed minnhom għandu jinnomina żewġ membri.";

    (b) l-Anness għandu jinbidel bl-Anness li jinsab hawnhekk.

    Artikolu 2

    Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2003.

    Magħmulha fil-Lussemburgu, fit-18 ta' Ġunju 2003.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. Drys

    [1] ĠU C 127, tad-29.5.2003, p. 33.

    [2] ĠU L 257, tal-11.10.2000, p. 28.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    "

    L-ANNESS

    L-ISTATUTI TAL-KUMITAT TAL-POLITIKA EKONOMIKA

    PARTI I: IL-KOMPITI TAL-KUMITAT

    Artikolu 1

    1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 114 u 207 tat-Trattat, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika (minn hawn il quddiem imsejjaħ 'il-Kumitat), għandu jgħin biex jitħejja x-xogħol tal-Kunsill fil-koordinament tal-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u l-Komunità, u jagħti parir lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.

    2. Il-Kumitat għandu jgħin ukoll fit-tħejjija tax-xogħol tal-Kunsill billi jagħmel analiżi ekonomika, jagħti opinjonijiet fuq il-metodoloġiji, u jagħmel abbozz ta' formulazzjonijiet għal rakkomandazzjonijiet ta' politika, speċjalment fuq politika strutturali biex jitjieb il-potenzal tat-tkabbir u ta' l-impiegi fil-Komunità. F'dan il-kuntest, dan għandu jiffoka b'mod partikolari fuq:

    (a) it-tħaddim ta' l-oġġetti, tal-kapital, tas-servizzi u s-swieq tax-xogħol, inklużi pagi, produttività, u l-iżviluppi fl-impieg u l-kompetittività,

    (b) ir-rwol u l-effiċenza tas-settur pubbliku u s-sostenibbilità għal żmien twil tal-finanzi pubbliċi,

    (ċ) l-implikazzjonijiet wiesgħa ekonomiċi ta' politika speċifika, bħal dik marbuta ma' l-ambjent, ir-riċerka, kif ukoll l-iżvilupp u l-koeżjoni soċjali.

    3. Fl-oqsma msemmija fuq, il-Kumitat għandu, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 114 u 207 tat-Trattat, jagħti appoġġ lix-xogħol tal-Kunsill, b'mod speċjali fil-formulazzjoni tal-linjigwidi wiesgħa tal-politika ekonomika, u għandu jgħin fil-proċedura ta' sorveljanza multilaterali li hemm imsemmija fl-Artikolu 99(3) tat-Trattat. F'dan il-kuntest, il-Kumitat għandu jagħmel reviżjonijiet regolari fuq il-pajjiżi li jiffokaw b'mod speċjali fuq ir-riformi strutturali fl-Istati Membri.

    4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 130 u 207 tat-Trattat, il-Kumitat għandu jgħin fix-xogħol tal-Kunsill taħt it-Titolu ta' l-Impieg li hemm fit-Trattat.

    5. Il-Kumitat għandu jappoġġja lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, b'mod speċjali billi jżomm taħt reviżjoni l-iżviluppi makro-ekonomiċi ta' perjodu qasir u medju fl-Istati Membri u l-Komunità u billi jipprovdi analiżi u opinjoni, partikolarment fuq il-kwistjonijiet metodoloġiċi marbuta ma' l-interazzjoni bejn il-politika strutturali u makro-ekonomika u fuq l-iżviluppi fis-salarji fl-Istati Membri u l-Komunità.

    6. Il-Kumitat għandu jipprovdi qafas li fi ħdanu d-djalogu makro-ekonomiku li jinvolvi r-rappreżentanti tal-Kumitat (inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew), tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, tal-Kumitat ta' l-Impjiegi, tal-Kummissjoni u ta' l-imsieħba soċjali, ikun jista' jitwettaq fuq livell tekniku.

    7. Il-Kumitat għandu jkun ikkonsultat mill-Kummissjoni fuq ir-rata massima ta' żieda għan-nefqa mhux obbligatorja tal-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, kif previst fl-Artikolu 272 tat-Trattat.

    Artikolu 2

    Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjonijiet tiegħu fuq it-talba li ssir mill-Kunsill, jew mill-Kummissjoni jew mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju jew inkella fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

    Artikolu 3

    Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-Kumitat għandu jaħdem mill-qrib mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju meta jagħmel rapport lill-Kunsill. Fl-għajnuna tiegħu biex iħejji l-linjigwidi wiesgħa tal-politika ekonomika, l-Kumitat għandu jirrapporta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Dan għandu jikkoordina x-xogħol tiegħu mal-Kumitat ta' l-Impiegi u ma' kumitati oħra, kif ukoll ma' gruppi ta' ħidma li jkunu qed iħejju x-xogħol tal-Kunsill fl-oqsma fejn dawn il-kumitati u gruppi ta' ħidma jkunu kompetenti.

    PART II: Il-KOMPOSIZZJONI

    Artikolu 4

    1. L-Istati Membri, l-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew għandhom kull wieħed jaħtru żewġ membri għal dan il-Kumitat.

    2. Il-membri tal-kumitat għandhom jintgħażlu minn fost l-uffiċjali anzjani li jkollhom kompetenza kbira fil-qasam tal-formulazzjoni tal-politika ekonomika u strutturali.

    Artikolu 5

    Il-membri tal-Kumitat għandhom ikunu mmexxija, fit-twettiq tad-doveri tagħhom, mill-interessi ġenerali tal-Komunità.

    PART III: IL-PRESIDENT U S-SEGRETARJAT

    Artikolu 6

    1. Il-Kumitat għandu jeleġġi minn fost il-membri tiegħu, b'maġġoranza tal-membri tiegħu, president u sa tliet viċi-presidenti għal perjodu ta' sentejn. Bħala regola, t-terminu ta' sentejn m'għandux jiġġedded.

    2. Il-president għandu jiddelega d-dritt tal-vot tiegħu/tagħha lil membru ieħor tad-delegazzjoni tiegħu/tagħha.

    Artikolu 7

    Jekk dan/din ma jkunx(tkunx) jista'(tista') jwettaq(twettaq) l-obbligi tiegħu/tagħha, il-president għandu jinbidel minn wieħed mill-viċi-presidenti tal-Kumitat.

    Artikolu 8

    1. Il-Kumitat għandu jkun megħjun minn segretarjat taħt id-direzzjoni ta' segretarju. Is-segretarju u l-istaff tas-segretarjat li hu meħtieġ biex jitwettqu l-kompiti tas-segretarjat għandhom ikunu provduti mill-Kummissjoni. Is-segretarju għandu jinħatar mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mill-Kumitat. Meta dawn iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom lejn il-Kumitat, is-segretarju u l-istaff tiegħu/tagħha għandhom jaħdmu fuq l-istruzzjonijiet tal-Kumitat.

    2. L-ispejjeż tal-Kumitat għandhom ikunu inklużi fl-estimi tal-Kummissjoni.

    PART IV: IL-PROCEDURI LEGALI

    Artikolu 9

    Jekk ikun hemm talba biex jittieħed vot, l-opinjonijiet jew ir-rapporti għandhom ikunu adottati b'maġġoranza ta' membri. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Madankollu, meta jingħata parir jew opinjoni dwar kwistjonijiet li fuqhom il-Kunsill wara jista' jieħu xi deċiżjoni, l-membri mill-banek ċentrali u l-Kummissjoni jistgħu jieħdu sehem sħiħ fid-diskussjoni, iżda ma jistgħux jivvutaw. Il-Kumitat għandu jirrapporta wkoll fuq dawk l-opinjonijiet tal-minorità jew inkella dawk konverġenti li jkunu tqajmu waqt id-diskussjoni.

    Artikolu 10

    Bħala regola, l-membri biss jistgħu jitkellmu matul il-laqgħat tal-Kumitat.

    Artikolu 11

    Il-Kumitat jista' jafda l-istudju ta' kwistjonijiet speċifiċi lis-sotto-kumitati jew inkella lill-gruppi ta' ħidma. Il-presidenza ta' dawn il-gruppi għandha titwettaq minn xi membru tal-Kumitat, maħtur mill-Kumitat stess.

    Artikolu 12

    Il-Kumitat, is-sotto-kumitati jew il-gruppi ta' ħidma jistgħu jistiednu lil xi esperti biex jgħinuhom.

    Artikolu 13

    Il-Kumitat għandu jitlaqqa' mill-president fuq l-inizjattiva tiegħu proprja, jew fuq it-talba tal-Kunsill, tal-Kummissjoni jew inkella minn ta' l-anqas ħames membri.

    Artikolu 14

    1. Bħala regola, il-president għandu jirrappreżenta lill-Kumitat; b'mod speċjali l-president jista' jkun awtorizzat mill-Kumitat biex jirrapporta fuq id-diskussjonijiet u jagħti, oralment, kummenti dwar l-opinjonijiet u r-rapporti mħejjija mill-Kumitat.

    2. Il-president tal-Kumitat għandu jkollu r-responsabbiltà li jżomm ir-relazzjonijiet tal-Kumitat mal-Parlament Ewropew, li dan għandu jinżamm infurmat, kif xieraq, dwar ix-xogħol tal-Kumitat.

    Artikolu 15

    1. Kemm-il darba ma jkunx deċiż mod ieħor, il-proċeduri legali tal-Kumitat għandhom ikunu kunfidenzali. L-istess regola għandha tgħodd għall-proċeduri legali tas-sotto-kumitati jew il-gruppi ta' ħidma ta' dan il-Kumitat.

    2. Ir-rapporti jew l-opinjonijiet imħejjija mill-Kumitat għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku wara li dawn ikunu ġew komunikati lill-indirizzant, kemm-il darba ma jkunx hemm raġunijiet oħra biex dawn jinżammu kunfidenzali.

    Artikolu 16

    Il-Kumitat għandu jadotta l-arranġamenti proċedurali tiegħu stess.

    "

    --------------------------------------------------

    Top