EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R1980

Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar skema riveduta ta' l-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja

ĠU L 237, 21.9.2000, p. 1–12 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/02/2010; Imħassar b' 32010R0066

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/1980/oj

32000R1980



Official Journal L 237 , 21/09/2000 P. 0001 - 0012


Ir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-17 ta' Lulju 2000

dwar skema riveduta ta' l-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) L-għanijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 880/92 tat-23 ta' Marzu 1992 dwar l-iskema ta' l-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja [4] kienu li tiġi stabbilita skema volontarja fil-Komunità ta' eko-tikketta bil-għan li tippromwovi prodotti b'impatt ambjentali mnaqqas matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollha tagħhom u biex tipprovdi lill-konsumaturi b'informazzjoni eżatta, li ma tqarraqx u xjentifikament ibbażata fuq l-impatt ambjentali tal-prodotti.

(2) L-Artikolu 18 tar-Regolament (KEE) Nru 880/92 jipprovdi li fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-iskema fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba matul il-ħidma tagħha u għandha tipproponi kwalunkwe emendi xierqa għar-Regolament.

(3) L-esperjenza miksuba matul l-implementazzjoni tar-Regolament uriet il-ħtieġa li tiġi emendata l-iskema sabiex tiżdied l-effettività tagħha, jitjieb l-ippjanar tagħha u l-ħidma tagħha tiġi ssimplifikata.

(4) L-għanijiet bażiċi ta' l-iskema voluntarja u selettiva ta' l-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja għadhom validi; b'mod partikolari skema ta' għoti bħal din għandha tipprovdi gwida lill-konsumaturi dwar il-prodotti b'potenzjal li jnaqqsu l-impatt ambjentali meta wieħed iħares lejhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollha tagħhom, u għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-karatteristiċi ambjentali ta' prodotti bit-tikketta.

(5) Għall-aċċettazzjoni mill-pubbliku ġenerali tas-sistema ta' l-għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja huwa essenzjali li NGOs ambjentali u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi jilagħbu parti importanti u li jkunu involuti b'mod attiv fl-iżvilupp u l-istabbiliment ta' kriterji għall-eko-tikketti Komunitarji.

(6) Huwa meħtieġ li jiġi spjegat lill-konsumaturi li l-eko-tikketta tirrapreżenta dawk il-prodotti li għandhom il-potenzjal li jnaqqsu ċerti impatti ambjentali negattivi, meta mqabblin ma' prodotti oħra fl-istess grupp ta' prodotti, mingħajr preġudizzju għal ħtiġiet regolatorji applikabbli għal prodotti fil-livell tal-Komunità jew fil-livell nazzjonali.

(7) Il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-iskema għandu jkun jinkludi prodotti u fatturi ambjentali li huma ta' nteress min-naħa tas-suq intern u ta' l-ambjent; għall-għan ta' dan ir-Regolament, prodotti għandhom jinkludu wkoll servizzi.

(8) Il-metodu proċedurali u metodoloġiku għall-istabbiliment ta' kriterji ta' eko-tikketta għandu jiġi aġġornat fid-dawl tal-progress xjentifiku u tekniku u ta' l-esperjenza miksuba f'dan il-qasam, biex tiġi żgurata l-konsistenza ma' l-istandards relevanti rikonoxxuti fuq livell internazzjonali li qegħdin jevolvu f'dan il-qasam.

(9) Il-prinċipji biex jiġi stabbilit il-livell ta' eko-tikketta għandhom jiġu ċċarati, sabiex tiġi ffaċilitata l-konsistenza u l-effettività ta' l-implementazzjoni ta' l-Iskema.

(10) L-eko-tikketta għandha tinkludi informazzjoni sempliċi, eżatta, mhux qarrierqa u bbażata fuq ix-xjenza fuq aspetti ambjentali prinċipali li jiġu kkunsidrati fl-għoti tat-tikketta, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati.

(11) Fil-fażijiet varji ta' l-għoti ta' l-eko-tikketta, għandhom isiru sforzi biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti ta' riżorsi u livell għoli ta' protezzjoni ambjentali.

(12) Huwa meħtieġ li tiġi pprovduta aktar informazzjoni dwar it-tikketta dwar ir-raġunijiet għall-għoti tagħha sabiex tgħin lill-konsumaturi biex jifhmu l-importanza ta' l-għotja.

(13) L-iskema ta' l-eko-tikketta għandha fuq perjodu ta' żmien twil tkun tiffananzja lilha nnifisha. Il-kontribuzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri ma għandhomx jiżdiedu.

(14) Huwa meħtieġ li l-biċċa xogħol tal-kontribuzzjoni għall-istabbiliment u tar-reviżjoni tal-kriterji ta' l-eko-tikketta kif ukoll tal-ħtiġiet ta' stima u verifika tiġi fdata f'idejn korp xieraq, il-Bord ta' l-Ittikkettjar Ekoloġiku ta' l-Unjoni Ewropea (EUEB), sabiex tilħaq implimentazzjoni effiċjenti u newtrali ta' l-iskema; il-EUEB għandu jkun magħmul minn korpi kompetenti diġà nnominati mill-Istati Membri permezz ta' l-Artikolu 9 tar-Regolament (KEE) Nru 880/92, u minn forum ta' konsultazzjoni li għandu jipprovdi għal parteċipazzjoni ibbilanċjata tal-partijiet relevanti kollha interessati.

(15) Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-iskema ta' għoti ta' l-eko-tikketta Komunitarja tkun konsistenti u koordinata mal-prijoritajiet tal-politika ambjentali tal-Komunità u ma' skemi oħra fil-Komunità ta' ttikkettjar u ċertifikazzjoni ta' kwalità bħal dawk stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta' Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta' ittikkettjar ta' informazzjoni standard dwar il-prodott dwar il-konsum ta' l-enerġija u ta' riżorsi oħra minn appliances domestiċi [5] u bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2092/91 ta' l-24 ta' Ġunju 1991 dwar produzzjoni organika ta' prodotti agrikoli u indikazzjonijiet li jirreferu għalihom għal prodotti agrikoli u affarijiet ta' l-ikel [6]

(16) Filwaqt li l-iskemi ta' eko-tikketta eżistenti kif ukoll dawk ġodda fl-Istati Membri jistgħu jibqgħu jeżistu, għandha ssir dispożizzjoni sabiex jiġi żgurat il-koordinament bejn l-iskema ta' l-eko-tikketta Komunitarja u skemi l-oħra ta' ttikettjar fil-Komunità, sabiex jippromwovu l-għanijiet komuni ta' konsum sostenibbli.

(17) Huma meħtieġ li tiġi ggarantita t-trasparenza fl-implementazzjoni ta' l-iskema u li tkun żgurata l-konsistena ma' l-istandards internazzjonali relevanti sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għal, u l-parteċipazzjoni fl-Iskema minn fabbrikanti u esportaturi minn pajjiżi barra mill-Komunità.

(18) Il-miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għat-tħaddim tal-poteri ta' implimentazzjoni fdati lill-Kummissjoni [7].

(19) Ir-Regolament (KEE) Nru 880/92 għandu jiġi mibdul b'dan ir-Regolament sabiex jintroduċi bl-aktar mod effettiv il-ħtieġa li jiġu riveduti id-dispożizzjonijiet tar-raġunijiet imsemmija fuq, filwaqt li dispożizzjonijiet transizzjonali xierqa jiżguraw il-kontinwità u t-transizzjoni bla nkwiet bejn iż-żewġ Regolamenti,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Għanijiet u prinċipji

1. L-għan ta' l-iskema ta' l-eko-tikketta Komunitarja (minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Iskema") huwa li jinkoraġġixxi prodotti li jkollhom il-potenzjal li jnaqqsu l-impatt ambjentali negattiv, meta mqabbla ma' prodotti oħra ta' l-istess grupp ta' prodotti, b'hekk jikkontribwixxu għall-użu effiċjenti ta' riżorsi u livell għoli ta' protezzjoni ambjentali. Dan il-għan għandu jintlaħaq permezz ta' l-għoti ta' gwida u ta' informazzjoni eżatta, mhux qarrieqa u bbażata fuq ix-xjenza lill-konsumaturi dwar prodotti bħal dawn.

Għall-iskop ta' dan ir-Regolament:

- it-terminu "prodott" għandu jittieħed li jinkludi kull tip ta' oġġetti jew servizzi,

- it-terminu "konsumatur" għandu jittieħed li jinkludi xerrejja profesjonali.

2. L-impatt ambjentali għandu jiġi identifikat fuq il-bażi ta' l-stima ta' l-inter-azzjoni ta' prodotti ma' l-ambjent, inkluż l-użu ta' l-enerġija u r-riżorsi naturali, matul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott.

3. Il-parteċipazzjoni fl-Iskema għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet ambjentali jew regolatorji oħra tal-Komunità jew liġi nazzjonali applikabbli għall-fażijiet varji fil-ħajja ta' l-oġġetti, u fejn xieraq għal servizz.

4. L-implementazzjoni ta' l-Iskema għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, inkluż il-prinċipju ta' prekwazjoni, ma' l-istrumenti adottati bi qbil magħhom u mal-politika ambjentali tal-Komunità, kif speċifikata fil-Programm ta' Strateġija u Azzjoni tal-Komunità f'dak li għandu x'jaqsam mal-Ħames Programm ta' Azzjoni ta' Żvilupp Ambjentali u Sostenibbli stabbilit bir-Risoluzzjoni ta' l-1 ta' Frar 1993 [8], u għandha tiġi kkoordinata ma' arranġamenti oħra ta' ttikkettjar jew ċertifikazzjoni tal-kwalità kif ukoll ma' skemi bħalma huma, b'mod partikolari, l-Iskema ta' Ttikkettjar ta' l-Enerġija fil-Komunità stabbilita bid-Direttiva 92/75/KEE u l-Iskema ta' l-Agrikoltura Organika stabbilita bir-Regolament (KEE) Nru 2092/91.

L-Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

1. L-eko-tikketta Komunitarja tista' tingħata lil prodotti disponibbli fil-Komunità li jkunu konformi mal-ħtiġiet ambjentali essenzjali li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 3 u mal-kriterji ta' eko-tikketta li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 4. Il-kriterji ta' l-eko-tikketta għandhom jiġu stabbiliti skond il-gruppi ta' prodotti.

Gruppi ta' prodotti tfisser kull oġġett jew servizz li jservi għanijiet simili u li jkunu ekwivalenti f'termini ta' użu u ta' perċezzjoni tal-konsumatur.

2. Sabiex jiġi inkluż f'din l-Iskema, grupp ta' prodott għandu jissodisfa dawn il-kondizzjonijiet:

(a) għandu jirrapreżenta volum sinifikanti ta' bejgħ u kummerċ fis-suq intern;

(b) għandu jinvolvi, f'fażi waħda jew aktar mill-ħajja tal-prodott, impatt ambjentali sinifikanti fiq skala globali jew reġjonali u/jew ta' natura ġenerali;

(ċ) għandu jippreżenta potenzjal sinnifikanti biex joħloq titjib ambjentali permezz ta' l-għażla mill-konsumatur kif ukoll bħala inċentiv għall-fabbrikanti jew dawk li jipprovdu servizzi li jfittxu vantaġġ kompetittiv billi joffru prodotti li jikkwalifikaw għall-eko-tikketta; u

(d) li parti sinifikanti mill-volum tal-bejgħ tiegħu tinbiegħ għall-konsum jew użu finali.

3. Grupp ta' prodott jista' jiġi suddiviż f'sub-gruppi, b'addattament li jikkorrespondi għall-kriterji ta' l-eko-tikketta, meta dan ikun meħtieġ mill-karatteristiċi tal-prodotti u bil-għan li jiġi żgurat il-potenzjal ottimali ta' l-eko-tikketta biex jitwettaq it-titjib ambjentali.

Il-kriterji ta' l-eko-tikketta li għandhom x' jaqsmu mas-subgruppi diversi ta' grupp ta' prodott wieħed, koperti bl-istess dokument ta' kriterji, ippubblikati bi qbil ma' l-Artikolu 6(5), għandhom isiru applikabbli fl-istess żmien.

4. L-eko-tikketta m'għandhiex tingħata għal sostanzi jew preparazzjonijiet ikklassifikati bħala tossiċi ħafna, tossiċi, perikolużi għall-ambjent, karċinoġeniċi, tossiċi għar-riproduzzjoni, jew mutaġeniċi bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE [9] jew mad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [10] lanqas ma għandha tingħata għal oġġetti fabbrikati bi proċessi li x'aktarx jistgħu jkunu ta' ħsara sinifikanti għall-bniedem u/jew għall-ambjent, jew li fl-applikazzjoni normali tagħhom jistgħu jkunu ta' ħsara għall-konsumatur.

5. Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal ikel, xorb, farmaċewtiċi u lanqas għal apparat mediku kif definit bid-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE [11], liema apparat ikun maħsub biss għal użu professjonali jew sabiex jiġi preskritt jew sorveljat minn professjonisti mediċi.

L-Artikolu 3

Ħtiġiet ambjentali

1. L-eko-tikketta tista' tingħata lill-prodott li jkollu karatteristiċi li jippermettulu li dan jikkontribwixxi b'mod sinnifikanti għat-titjib f'dak li għandu x'jaqsam ma' aspetti ambjentali prinċipali, li huma marbutin ma' l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1. Dawn l-aspetti ambjentali għandhom jiġu identifikati fid-dawl tal-matriċi ta' l-stima indikattiva fl-Anness I u għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness II.

2. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw:

(a) fl-evalwazzjoni ta' titjib komparattiv, għandu jiġi kkunsidrat il-bilanċ nett ambjentali bejn il-benefiċċji ambjentali u l-piżijiet, inklużi l-aspetti tas-saħħa u tas-sigurtà, assoċjati ma' l-addattamenti matul il-fażijiet varji tal-ħajja tal-prodotti li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati. L-evalwazzjoni għandha tagħti kas ukoll tal-benefiċċji ambjentali possibli li għandhom x'jaqsmu ma' l-utilizzazzjoni tal-prodotti konċernati;

(b) l-aspetti ambjentali prinċipali għandhom jiġu stabbiliti billi jiġu identifikati l-kategoriji ta' l-impatt ambjentali meta l-prodotti li jkunu qegħdin jiġu eżaminati jipprovdu l-aktar kontribuzzjoni sinnifikanti mill-perspettiva taċ-ċiklu tal-ħajja, u fost aspetti bħal dawn, li għalihom ikun jeżisti potenzjal għal titjib;

(ċ) il-fażi ta' qabel il-produzzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja ta' l-oġġetti tinkludi l-estrazzjoni jew il-produzzjoni u l-proċessar tal-materja prima u tal-produzzjoni ta' l-enerġija. Dawk l-aspetti għandhom jitqiesu, sakemm ikun teknikament possibli.

L-Artikolu 4

Kriterji ta' l-eko-tikketta u l-ħtiġiet ta' stima u ta' verifika

1. Għandhom jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi ta' eko-tikketta skond il-gruppi ta' prodotti. Dawn il-kriterji għandhom jistabbilixxu l-ħtiġiet ta' kull aspett ambjentali prinċipali msemmi fl-Artikolu 3, li prodott għandu jissodisfa sabiex ikun jista' jiġi kkunsidrat għall-għoti ta' eko-tikketta, inklużi l-ħtiġiet li għandhom x'jaqsmu mal-kapaċità tal-prodott li jissodisfa l-ħtiġiet tal-konsumaturi.

2. Il-kriterji għandhom ifittxu li jiżguraw bażi selettiva fuq il-prinċipji li ġejjin:

(a) il-prospetti tal-prodott li jippenetra s-suq fil-Komunità għandhom, matul il-perjodu tal-validità tal-kriterji, ikunu biżżejjed għal titjib ambjentali effettiv permezz ta' l-għażla tal-konsumatur;

(b) is-selettività tal-kriterji għandha tagħti kas tal-prattiċità teknika u ekonomika ta' l-addattamenti meħtieġa sabiex jikkonformaw magħhom fi żmien perjodu reġjonevoli;

(ċ) is-selettività tal-kriterji għandha tiġi stabbilita bil-għan li jintlaħaq il-potenzjal massimu għal titjib ambjentali.

3. Il-ħtiġiet għal stima tal-konformità ta' prodotti speċifiċi mal-kriterji ta' l-eko-tikketta u għall-verifika tal-kondizzjonijiet għall-użu ta' l-eko-tikketta li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 9(1), għandhom jiġu stabbiliti għal kull grupp ta' prodott flimkien mal-kriterji ta' l-eko-tikketta.

4. Il-perjodu ta' validità tal-kriterji, u tal-ħtiġiet ta' studju u ta' verifika, għandu jiġi speċifikat fil-kriterji ta' kull sett ta' eko-tikketta għal kull grupp ta' prodott.

Ir-reviżjoni tal-kriterji ta' l-eko-tikketta kif ukoll tal-ħtiġiet ta' l-istima u l-verifika marbutin mal-kriterji għandha sseħħ fi żmien tajjeb qabel it-tmiem tal-perjodu ta' validità tal-kriterji speċifikati għal kull grupp ta' prodotti u għandha tirriżulta fi proposta għal prolongament, irtirar jew reviżjoni.

L-Artikolu 5

Pjan ta' xogħol

Bi qbil ma' l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1, għandu jiġi stabbilit pjan ta' xogħol għall-eko-tikketta Komunitarja mill-Kummissjoni fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, wara konsultazzjonijiet minn qabel mal-Bord ta' l-Ittikketjar Ekoloġiku ta' l-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-EUEB") li għalih hemm ipprovdut fl-Artikolu 13, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17. Il-pjan tax-xogħol għandu jinkludi strateġija għall-iżvilupp tas-sistema, li għandha tiġi stabbilita għat-tliet snin sussegwenti:

- għanijiet għat-titjib ambjentali u tal-penetrazzjoni fis-suq li l-iskema għandha tipprova tilħaq,

- lista mhux eżawrjenti ta' gruppi ta' prodotti li għandhom jiġu meqjusa bħala prijoritajiet għal azzjoni mill-Komunità,

- pjanijiet għal koordinament u kooperazzjoni bejn l-Iskema u skemi oħra ta' għoti ta' eko-tikketta fl-Istati Membri.

Il-pjan tax-xogħol għandu b'mod partikolari jagħti kas ta' l-iżvilupp ta' azzjonijiet konġunti sabiex jippromwovu prodotti mogħtija eko-tikketta u l-ħolqien ta' mekkaniżmu għal skambju ta' informazzjoni dwar gruppi ta' prodotti eżistenti u futuri fuq livell nazzjonali u ta' l-Unjoni Ewropea.

Il-pjan tax-xogħol għandu jipprovdi wkoll miżuri għall-implementazzjoni ta' l-istrateġija u għandu jinkludi l-ippjanar finanzjarju ta' l-Iskema.

Għandu jispeċifika wkoll is-servizzi li l-Iskema ma tkunx applikabbli għalihom, jingħata kas tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippermetti parteċipazzjoni voluntarja mill-organizzazzjonijiet f'sistema Komunitarja ta' eko-amministrazzjoni u verifika (EMAS).

Il-pjan tax-xogħol għandu jiġi rivedut perjodikament. L-ewwel reviżjoni tal-pjan tax-xogħol għandha tinkludi rapport dwar kif il-pjanijiet għal koordinament u kooperazzjoni bejn is-sistema tal-Komunità u s-sistemi nazzjonali ta' ttikketjar ambjentali jkunu ġew implimentati.

L-Artikolu 6

Proċeduri għall-istabbiliment ta' kriterji ta' eko-tikketta

1. Il-kondizzjonijiet għall-għoti ta' l-eko-tikketta għandhom jiġu definiti skond il-gruppi ta' prodotti.

Il-kriterji ekoloġiċi speċifiċi għal kull grupp ta' prodott u l-perjodi ta' validità rispettiva tagħhom għandhom jiġu stabbiliti bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 wara konsultazzjoni mal-EUEB.

2. Il-Kummissjoni għandha tagħti bidu għall-proċedura fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba tal-EUEB. Għandha tagħti mandati lill-EUEB sabiex jiżviluppa u perjodikament jirrevedi l-kriterji ta' l-eko-tikketta kif ukoll tal-ħtiġiet ta' l-istima u tal-verifika li għandhom x'jaqsmu ma' dawk il-kriterji, li japplikaw għal gruppi ta' prodotti li jaqgħu taħt l-iskop ta' dan ir-Regolament. Għandu jingħata limitu ta' żmien għat-twettieq tax-xogħol fil-mandat.

Il-Kummissjoni għandha, meta tħejji l-abbozz tal-mandat, tagħti l-kas dovut ta'

- l-pjan tax-xogħol stabbilit fl-Artikolu 5,

- il-ħtiġiet metedoloġiċi li hemm referenza għalihom fl-Anness II.

3. Fuq il-bażi tal-mandat, il-EUEB għandu jħejji abbozz tal-kriterji ta' l-eko-tikketta f'dak li għandu x'jaqsam mal-grupp tal-prodott u tal-ħtiġiet ta' l-istima u l-verifika marbutin ma dawk il-kriterji, kif speċifikat fl-Artikolu 4 u l-Anness IV, billi jingħata kas tar-riżultati tal-prattiċità u ta' l-istudju tas-suq, tal-konsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja u ta' l-analiżi tat-titjib li hemm referenza għalihom fl-Anness II.

4. Il-Kummissjoni għandha tkun infurmata bl-abbozz tal-kriterji li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 3 u għandha tiddeċiedi jekk il-mandat:

- ikunx ġie sodisfatt u l-abbozz tal-kriterji jkun jista' jiġi ppreżentat lill-Kumitat regolatorju bi qbil ma' l-Artikolu 17, jew

- ma jkunx ġie sodisfatt u f'dak il-każ li l-EUEB għandu jkompli bix-xogħol tiegħu fuq l-abbozz tal-kriterji.

5. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kriterji ta' l-eko-tikketta, u l-aġġornament tagħha, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (serje L).

L-Artikolu 7

L-għoti ta' l-eko-tikketta

1. L-applikazzjonijiet għal eko-tikketta jistgħu jiġu sottomessi mill-fabbrikanti, importaturi, fornituri ta' servizzi, negozjanti u bejjiegħa bl-imnut. L-aħħar tnejn imsemmija jistgħu jissottomettu applikazzjonijiet biss f'dak li għandu x'jaqsam ma' prodotti mpoġġija fis-suq taħt l-ismijiet tal-marka tagħhom.

2. L-applikazzjoni tista' tirreferi għal prodott impoġġi fis-suq permezz ta' isem tal-marka wieħed jew aktar. Ma għandha tkun meħtieġa l-ebda applikazzjoni ġdida għal modifiki fil-karatteristiċi tal-prodotti li ma jaffetwawx il-konformità mal-kriterja. Il-korpi kompetenti għandhom madankollu jkunu nfurmati b' modifiki sinifikanti.

3. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati lill-korp kompetenti bi qbil ma' li ġej:

(a) meta prodott joriġina fi Stat Membri wieħed, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-korp kompetenti ta' dak l-Istat Membru;

(b) meta prodott joriġina fl-istess għamla f'bosta Stati Membri, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata lill-korp kompetenti ta' wieħed minn dawk l-Istati Membri. F'każi bħal dawk il-korp kompetenti konċernat, meta jistma l-applikazzjoni, għandu jikkonsulta lill-korpi kompetenti f'dawk l-Istati Membri l-oħra;

(ċ) meta prodott joriġina minn barra l-Komunità, l-applikazzjoni tista' tiġi ppreżentata lill-korp kompetenti fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri li fih, il-prodott, ikun sejjer jitpoġġa jew ikun tpoġġa fis-suq.

4. Id-deċiżjoni ta' għoti ta' tikketta għandha tittieħed mill-korp kompetenti li jirċievi l-applikazzjoni wara:

(a) li jivverifika li l-prodott ikun konformi mal-kriterji ppublikati taħt l-Artikolu 6(5);

(b) jivverifika li l-applikazzjoni tkun konformi mal-ħtiġiet ta' l-istima u verifika; u

(ċ) li jikkonsulta lill-korpi kompetenti meta meħtieġ permezz ta' paragrafu 3.

5. Meta l-kriterji ta' eko-tikketta jeħtieġu li l-faċilitajiet tal-produzzjoni jissodisfaw ċerti ħtiġiet dawn għandhom jiġu sodisfatti fil-faċilitajiet kollha fejn il-prodott jiġi ffabbrikat.

6. Korpi kompetenti għandhom jirrikonoxxu testijiet u verifiki mwettqa minn korpi li huma akkreditati taħt l-istandards tas-serje EN 45000 jew standards internazzjonali ekwivalenti. Korpi kompetenti għandhom jikkollaboraw sabiex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva u konsistenti tal-proċeduri dwar l-istima u l-verifika.

L-Artikolu 8

L-eko-tikketta

L-għamla ta' l-eko-tikketta għandha tkun skond l-Anness III. Speċifikazzjonijiet għall-informazzjoni ambjentali relevanti għal kull grupp ta' prodott u għall-preżentazzjoni ta' dik l-informazzjoni fuq l-eko-tikketta għandhom jiġu nklużi fil-kriterji stabbiliti taħt l-Artikolu 6. F'kull każ l-informazzjoni għandha tkun ċara u tinftiehem.

Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-konsumatur irrappreżentati fil-Kumitat tal-Konsumatur stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 95/260/KE [12], qabel l-24 ta' Settembru 2005, sabiex tistudja kemm l-eko-tikketta u l-informazzjoni addizzjonali tissodisfa b'mod effettiv il-ħtiġiet ta' l-informazzjoni tal-konsumaturi. Fuq il-bażi ta' dan l-istudju, il-Kummissjoni għandha tintroduċi xi modifiki xierqa f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fl-eko-tikketta, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

L-Artikolu 9

Termini ta' l-użu

1. Il-korp kompetenti għandu jikkonkludi kuntratt ma' kull applikant għal eko-tikketta, li jkopri it-termini ta' l-użu tat-tikketta. Dawn għandhom jinkludu dispożizzjonijiet għall-irtirar ta' l-awtorizzazzjoni għall-użu tat-tikketta. L-awtorizzazzjoni għandha titqies mill-ġdid u l-kuntratt għandu jiġi rivedut jew terminat, kif xieraq, wara kwalunkwe reviżjoni tal-kriterji tal-eko-tikketta applikabbli għal prodott partikolari. Dan il-kuntratt għandu jiddikjara li l-parteċipazzjoni fl-Iskema għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-ħtiġiet ambjentali jew regolatorji oħra tal-Komunità jew liġi nazzjonali applikabbli għall-fażijiet varji fil-ħajja tal-oġġetti, u fejn xieraq għal servizz.

Biex jiġi ffaċilitat dan, għandu jiġi adottat kuntratt normali bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

2. L-eko-tikketta ma tistax tintuża, u ma jistgħux isiru referenzi għal eko-tikketta fir-reklamar qabel ma' t-tikketta tkun ġiet mogħtija u biss fir-rigward tal-prodott speċifiku li għalih tkun ingħatat.

Kull reklamar falz jew qarrieqi jew l-użu ta' tikketta jew logo li jista' jwassal għal konfużjoni ma' l-eko-tikketta Komunitarja kif introdotta b'dan ir-Regolament huwa projbit.

L-Artikolu 10

Promozzjoni ta' l-eko-tikketta

L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom, b'kooperazzjoni mal-membri tal-EUEB, jippromwovu l-użu ta' l-eko-tikketta Komunitarja b'azzjonijiet li jqajjmu l-għarfien u kampanji ta' informazzjoni għal konsumaturi, produtturi, negozjanti, bejjiegħa bl-imnut u l-pubbliku ġenerali, b'hekk jappoġġjaw l-iżvilupp ta' l-Iskema.

Sabiex ikun inkorraġit l-użu ta' prodotti bl-eko-tikketta il-Kummissjoni u istituzzjonijiet oħra tal-Komunità, kif ukoll awtoritajiet pubbliċi oħra fuq livell nazzjonali għandhom, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Komunità, jgħatu eżempju meta jispeċifikaw il-ħtiġiet tagħhom għal prodotti.

L-Artikolu 11

Skemi oħra ta' eko-tikketta fl-Istati Membri

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaġixxu sabiex jiżguraw il-koordinament meħtieġ bejn din l-Iskema tal-Komunità u skemi nazzjonali fl-Istati Membri, b'mod partikolari, fil-għażla ta' gruppi ta' prodotti kif ukoll fl-iżvilupp u r-reviżjoni tal-kriterji fil-livell tal-Komunità u nazzjonali. Għal dan il-għan għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta' kooperazzjoni u koordinament bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17, inklużi, inter alia, dawk maħsuba fil-pjan tax-xogħol prodotti bi qbil ma' l-Artikolu 5.

Meta prodott ikun iġib kemm l-eko-tikketta Komunitarja kif ukoll it-tiketta nazzjonali, iż-żewġ logos għandhom jiġu murija ma ġenb xulxin fuq il-prodott.

F'dan ir-rigward, l-iskemi ta' tikketti-eko eżistenti kif ukoll ġodda fl-Istati Membri jistgħu jibqgħu jeżistu flimkien ma' l-Iskema.

L-Artikolu 12

Spejjeż u miżati

Kull applikazzjoni għal għoti ta' eko-tikketta għandha tkun soġġetta għal ħlas li jkollu x'jaqsam ma' l-ispejjeż ta' l-proċessar ta' l-applikazzjoni.

L-użu ta' l-eko-tikketta għandu jinvolvi ħlas annwali mill-applikant.

Il-livell ta' applikazzjoni u l-ħlas annwali għandhom jiġu stabbiliti bi qbil ma' l-Anness V u taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

L-Artikolu 13

Il-Bord għall-Ittikkettjar-Ekoloġiku ta' l-Unjoni Ewropea

Il-Kummissjoni għandha tistabilixxi Bord għall-Ittikkettjar-Ekoloġiku ta' l-Unjoni Ewropea (EUEB) li jkun magħmul minn korpi kompetenti msemmija fl-Artikolu 14 u mill-Forum ta' Konsultazzjoni li hemm referenza għalih fl-Artikolu 15. Il-EUEB għandu b'mod partikolari jikkontribwixxi għall-istabbiliment u r-reviżjoni tal-kriterji ta' l-eko-tikketta kif ukoll għal ħtiġiet ta' studju u verifikar skond l-Artikolu 6.

Ir-regoli tal-proċedura tal-EUEB għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 u għandhom jiġu kkunsidrati l-prinċipji proċedurali stabbiliti fl-Anness IV.

L-Artikolu 14

Korpi kompetenti

1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-korp jew korpi (minn hawn 'l quddiem imsejħa bħala "l-korp kompetenti" jew "korpi kompetenti"), responsabbli għat-twettieq tal-ħidmiet li għalihom hemm ipprovdut f'dan ir-Regolament, huwa maħtur qiegħed jaħdem/huma maħturin u qegħdin jaħdmu. Meta jiġi maħtur aktar minn korp kompetenti wieħed, l-Istat Membru għandu jistabbilixxi dawk il-poteri tal-korpi rispettivi u l-ħtiġiet ta' koordinazzjoni applikabbli għalihom.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a) l-kompożizzjoni tal-korpi kompetenti tkun tali hekk li tiggarantixxi l-independenza u n-newtratilità tagħhom;

(b) ir-regoli tal-proċedura tal-korpi kompetenti jiżguraw, f'livell nazzjonali, l-involviment attiv tal-partijiet kollha nteressati u fuq livell xieraq ta' trasparenza;

(ċ) il-korpi kompetenti japplikaw tajjeb id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 15

Forum ta' konsultazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li fit-twettieq ta' l-attivitajiet tiegħu, il-EUEB josserva, f'dak li għandu x'jaqsam ma' kull grupp ta' prodotti, parteċipazzjoni bbilanċjata tal-partijiet interessati relevanti kollha kkonċernati ma' dak il-grupp ta' prodotti bħalma huma l-industrija u fornituri ta' servizzi, inklużi impriżi żgħar u ta' daqs medju, organizzazzjonijiet ta' l-artiġjanat u n-negozju tagħhom, għaqdiet tal-ħaddiema, negozjanti, bejjiegħa bl-imnut, importaturi, gruppi ta' protezzjoni ambjentali u organizzazzjonijiet tal-konsumaturi. Dawn il-partijiet għandhom jiltaqgħu f'forum konsultattiv. Ir-regoli tal-proċedura tal-forum għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

L-Artikolu 16

Addattament għall-progress tekniku

L-Annessi għal dan ir-Regolament jistgħu jiġu addattati għall-progress tekniku inkluż progress fl-attivitajiet relevanti ta' standardizzazzjoni internazzjonali, bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17.

L-Artikolu 17

Proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat.

2. Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta ir-regoli tal-proċedura tiegħu.

L-Artikolu 18

Ksur

Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri legali jew amministrattivi xierqa fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b'dawn il-miżuri.

L-Artikolu 19

Dispożizzjonijiet transitorji

Ir-Regolament (KE) Nru 880/92 huwa b' dan irrevokat. Madankollu, għandu jibqa' japplika għal kuntratti konklużi taħt l-Artikolu 12(1) tiegħu. Id-deċiżjonijiet ibbażati fuq ir-Regolament (KEE) Nru 880/92 għandhom jibqgħu japplikaw sakemm jiġu riveduti jew sakemm jiskadu.

L-Artikolu 20

Reviżjoni

Qabel l-24 ta' Settembru 2005, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-Iskema fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba matul l-operat tagħha.

Il-Kummissjoni għandha tipproponi kull emenda xierqa għal dan ir-Regolament.

L-Artikolu 21

Dispożizzjonijiet Finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara d-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta' Lulju 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

J. Glavany

[1] ĠU C 114, tat-12.4.1997, p. 9 uĠU C 64, tas-6.3.1999, p. 14.

[2] ĠU C 296, tad-29.9.1997, p. 77.

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Mejju 1998 (ĠU C 167, ta' l-1.6.1998, p. 118), kkonfermata nhar is-6 ta' Mejju 1999, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-11 ta' Novembru 1999 (ĠU C 25, tat-28.1.2000, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Marzu 2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000.

[4] ĠU L 99, tal-11.4.1992, p. 1.

[5] ĠU L 297, tat-13.10.1992, p. 16.

[6] ĠU L 198, tat-22.7.1991, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1804/1999 (ĠU L 222, ta' l-24.8.1999, p. 1).

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[8] ĠU C 138, tas-17.5.1993, p. 1.

[9] ĠU C 196, tas-16.8.1967, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 1999/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 199, tat-30.7.1999, p. 57).

[10] ĠU L 200, tat-30.7.1999, p. 1.

[11] ĠU L 169, tat-12.7.1993, p. 1. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 98/79/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 331, tas-7.12.1998, p. 1).

[12] ĠU L 162, tat-13.7.1995, p. 37.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

ĦTIĠIET METODOLOĠIĊI GĦALL-ISTABBILIMENT TAL-KRITERJI TA' L-EKO-TIKKETTA

Introduzzjoni

Il-proċess ta' l-identifikazzjoni u l-għażla ta' aspetti ambjentai prinċipali kif ukoll l-istabbiliment tal-kriterji ta' l-eko-tikketta għandhom jinkludu dawn il-passi:

- il-prattiċità u l-istudju tas-suq,

- konsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja,

- analiżi tat-titjib,

- proposta għall-kriterji.

Il-prattiċità u l-istudju tas-suq

Il-prattiċità u l-istudju tas-suq għandhom jikkunsidraw it-tipi varji tal-gruppi ta' prodotti msemmija li jkunu fis-suq tal-Komunità, il-kwantitajiet prodotti jew provduti, impurtati u mibjugħa, u l-istruttura tas-suq fl-Istati Membri. Għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-kummerċ intern u estern.

Il-perċezzjoni tal-konsumatur, id-differenzi funzjonali bejn it-tipi varji ta' prodotti u l-ħtieġa li jiġu identifikati s-subgruppi għandhom jiġu studjati.

Konsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja (LCC)

Aspetti ambjentali prinċipali li għalihom hem mil-ħtieġa li jiġu żviluppati kriterji għandhom jiġu ddefiniti permezz ta' l-użu ta' konsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja, u għandhom jiġu mwettqa bi qbil ma' metodi u standards rikonoxxuti fuq livell internazzjonali. Il-prinċipji stabbiliti fl-EN ISO 14040 u ISO 14024 għandhom għalhekk jitqiesu kif dovut, meta xieraq.

Analiżi tat-titjib

il-konsiderazzjonijiet għal titjib għandhom iqisu, b'mod partikolari, l-aspetti li ġejjin:

- il-potenzjal teoretiku għal titjib ambjentali flimkien mat-tibdil possibbli imdaħħal fl-istrutturi tas-suq. Dan għandu jkun ibbażat fuq stima ta' titjib mill-konsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja,

- il-prattiċità teknika, industrijali u ekonomika u l-modifiki tas-suq;

- l-attitudini tal-konsumatur, perċezzjonijiet u preferenzi, li jistgħu jinfluwenzaw l-effettività ta' l-eko-tikketta.

Proposta tal-kriterji.

Il-proposta finali għal kriterji ekoloġiċi għandha tqis l-aspetti ambjentali relevanti li għandhom x'jaqsmu mal-grupp tal-prodott.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

DESKRIZZJONI TA' L-EKO-TIKKETTA

Għamla ta' l-eko-tikketta

L-eko-tikketta għandha tingħata lill-prodotti li jikkonformaw mal-kriterji, għall-aspetti ambjentali prinċipali kollha magħżula. Għandha tinkludi informazzjoni għal konsumaturi bi qbil ma' l-Artikolu 8 u ma' din l-iskema kif ġejja.

It-tikketta hija magħmula f'żewġ partijiet: kaxxa 1 u kaxxa 2, kif ġej:

+++++ TIFF +++++

Kaxxa 2 fiha informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-għoti ta' l-eko-tikketta. Din l-informazzjoni għandu jkollha x'taqsam ma' għallinqas impatt ambjentali wieħed iżda ma' mhux aktar minn tlieta. L-informazzjoni għandha tkun f'għamla ta' deskrizzjoni qasira fi kliem.

Dan huwa eżempju:

* | tniġġis baxx ta' l-arja |

* | użu effiċjenti ta' l-enerġija |

* | tossiċità mnaqqsa |

Kaxxa 1 u kaxxa 2 jintużaw flimkien meta dan ikun prattiku iżda, meta l-konsiderazzjoni ta' l-ispazju tkun fattur importanti f'dak li għandu x'jaqsam ma' oġġetti żgħar, il-kaxxa 2 tista titħalla barra dwar xi applikazzjonijiet, sakemm tiġi wżata t-tikketta sħiħa fuq l-applikazzjonijiet l-oħra li għandhom x'jaqsmu ma' l-istess oġġett. Eżempju, il-kaxxa 1 tista tintuża waħidha fuq il-prodott innifsu jekk it-tikketta sħiħa tkun tidher x'imkien ieħor fuq l-ippakkjar, karti ta' informazzjoni jew materjal ieħor użat għall-bejgħ.

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

PRINĊIPJI PROĊEDURALI BIEX JIĠU STABBILITI L-KRITERJI TA' L-EKO-TIKKETTA

Għall-iżvilupp tal-kriterji ta' l-eko-tikketta kif ukoll għall-ħtiġiet ta' stima u ta' verifika li għandhom x' jaqsmu ma' dawk il-kriterji, għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:

1. Involviment tal-partijiet interessati

(a) Għandu jiġi stabbilit grupp speċifiku tax-xogħol ad hoc li jinvolvi l-partijiet interessati li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 15 u l-korpi kompetenti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 14, fi ħdan il-EUEB għall-iżvilupp tal-kriterji ta' l-eko-tikketta għal kull grupp ta' prodott.

(b) Il-partijiet interessati għandhom ikunu nvoluti fil-proċess ta' l-identifikazzjoni u l-għażla ta' l-aspetti ambjentali prinċipali, u b'mod speċjali f'dawn il-fażijiet:

(i) il-prattiċità u l-istudju tas-suq;

(ii) konsiderazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja;

(iii) analiżi tat-titjib;

(iv) proposta tal-kriterji.

Għandhom isiru l-isforzi raġjonevoli kollha biex jintlaħaq konsensus matul il-proċess, filwaqt li l-għan ikun ta' livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent.

Għandha tiġi maħruġa karta tax-xogħol li tiġbor sommarju tas-sejbiet prinċipali għal kull fażi u din għandha titqassam fi żmien xieraq lill-parteċipanti qabel il-laqgħa tal-grupp tax-xogħol ad hoc.

2. Konsultazzjoni bil-miftuħ u trasparenza

(a) Għandu jinħareġ u jiġi ppubblikat rapport finali li jkun fih ir-riżultati prinċipali. Dokumenti interim li jirriflettu r-riżultati tal-fażijiet differenti tax-xogħol għandhom ikunu magħmula disponibbli għal dawk interessati u għandhom jiġu kkunsidrati kummenti dwarhom.

(b) Għandha ssir konsultazzjoni bil-miftuħ dwar il-kontenut tar-rapport. Għandu jitħalla perjodu ta' mill-anqas 60 jum għas-sottomissjoni tal-kummenti dwar l-abbozz tal-kriterja qabel is-sottomissjoni tal-kriterji lill-kumitat, bi qbil mal-proċedura stabbilita bl-Artikolu 17. Għandhom jitqiesu kwalunkwe osservazzjonijiet mirċieva. Fuq talba, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-iżviluppi għall-kummenti.

(ċ) Ir-rapport għandu jinkludi sommarju eżekuttiv u l-Annessi b'komputazzjonijiet dettaljati ta' inventarju.

3. Kunfidenzjalità

Għandha tiġi żgurata l-protezzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali fornuta minn individwali, organizzazzjonijiet pubbliċi, kumpaniji privati, gruppi nteressati, partijiet interessati u sorsi oħra.

--------------------------------------------------

L-ANNESS V

ĦLAS

1. Ħlas għal applikazzjoni

Kull applikazzjoni għal għoti ta' eko-tikketta għandha tkun soġġetta għal ħlas li jkollu x'jaqsam ma' l-ispejjeż ta' l-ipproċessar ta' l-applikazzjoni. Għandu jkun stabbilit ħlas minimu u massimu.

Fil-każ ta' impriża żgħira jew ta' daqs medju [1] kif ukoll fil-każ ta' fabbrikanti ta' prodott kif ukoll ta' dawk li jipprovdu servizzi ta' pajjiżi li għandhom qegħdin jiżviluppaw, il-ħlas għall-applikazzjoni għandu jitnaqqas b'mill-anqas b'25 %.

2. Ħlas annwali

Kull applikant li jkun ingħata eko-tikketta għandu jħallas ħlas annwali għall-użu tat-tikketta lill-korp kompetenti li jkun ħareġ it-tikketta.

Il-perjodu kopert mill-ħlas għandu jibda mid-data ta' l-għotja ta' l-eko-tikketta lill-applikant.

Il-ħlas annwali għandu jiġi kkalkulat skond il-volum annwali ta' bejgħ fi ħdan il-Komunità tal-prodott mogħti l-eko-tikketta. Għandu jkun stabbilit ħlas minimu u massimu.

Fil-każ ta' impriża żgħira jew ta' daqs medju [2] kif ukoll fil-każ ta' fabbrikanti ta' prodott kif ukoll ta' dawk li jipprovdu servizzi ta' pajjiżi li għandhom qegħdin jiżviluppaw, il-ħlas għall-applikazzjoni għandu jitnaqqas b'mill-anqas b'25 %.

Applikanti li jkunu diġà rċevew ċertifikazzjoni permezz ta' EMAS jew ISO 14001 jistgħu jingħataw tnaqqis addizzjonali fil-ħlas annwali.

Fejn xieraq, jista' jingħata aktar tnaqqis fil-ħlas, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17.

3. Spejjeż għall-ittestjar u verifika

La l-ħlas għall-applikazzjoni u lanqas il-ħlas annwali ma għandu jinkludi spejjeż għal testijiet u verifiki li jistgħu jkunu meħtieġa għal prodotti li jkunu s-suġġett ta' applikazzjonijiet. L-applikanti għandhom iħallsu l-ispejjeż ta' testijiet u verifiki bħal dawn huma stess.

Fit-tħejjija tal-ħtiġiet ta' stima u ta' verifika, għandu jiġi osservat l-għan li l-ispejjeż jinżammu kemm jista' jkun limitati. Dan huwa b'mod partikolari importanti sabiex tkun iffaċilitata l-parteċipazzjoni minn impriżi żgħar u ta' daqs medju fis-sistema ta' l-eko-tikketta Komunitarja u b'hekk tikkontribwixxi għal tixrid akbar tas-sistema.

[1] Impriżi żgħar u ta' daqs medju kif definiti fir-Rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE (ĠU L 107, tat-30.4.1996, p.4).

[2] Impriżi żgħar u ta' daqs medju kif definiti fir-Rakkommandazzjoni tal-Kummissjoni 96/280/KE (ĠU L 107, tat-30.4.1996, p.4).

--------------------------------------------------

Top