EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998F0699

Azzjoni konġunta tat-3 ta' Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' Artikolu K.3 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-money laundering, l-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska ta' għodda u qligħ mill-kriminalità

ĠU L 333, 9.12.1998, p. 1–3 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 05/07/2001

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/1998/699/oj

31998F0699



Official Journal L 333 , 09/12/1998 P. 0001 - 0003


Azzjoni konġunta

tat-3 ta' Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' Artikolu K.3 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-money laundering, l-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar, is-sekwestru u l-konfiska ta' għodda u qligħ mill-kriminalità

(98/699/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikolu K.3(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizzjattiva tar-Renju Unit,

Wara li kkunsidra l-pjan ta'azzjoni ta' l-Ogħla Grupp fuq il-Kriminalità Organizzata approvat mill-Kunsill Ewropew ta' Amsterdam fis-16 u fis-17 ta' Ġunju 1997, u b'mod partikolari r-rikomandazzjoni 26(b) fuq it-tisħiħ ta'traċċi u twaqqif ta' qligħ mill-kriminalità,

Wara li eżamina l-opinjoni tal-Parlament Ewropew wara konsultazzjoni mmexxija mill-Presidenza bi qbil ma' l-Artikolu K.6 tat-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Azzjonijiet Konġunti tal-5 ta' Diċembru 1997 jistabbilixxu mekkaniżmu għall-evalwazzjoni ta' l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali għall-impriża internazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata [1], u tad- 19 ta' Marzu 1998, jistabbilixxu programm ta' skambju, taħriġ u koperazzjoni għall-persuni responsabbli li jieħdu azzjoni biex jiġġieldu l-kriminalità organizzata (Programm Falcone) [2],

Tenut kont ta' l-impenn ta' l-Istati Membri fuq prinċipji tal-Kunsill tal-Konvenzjoni Ewropea rigward Riċiklaġġ, Tfittxija, Sekwestru u Konfiska tal-Qligħ mill-Kriminalità 1990,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta proposta biex isir reat kriminali li tipparteċipa f'organizzazzjonijiet kriminali fl-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari għar-reati koperti minn dik l-Azzjoni Konġunta,

Wara li kkunsidra r-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 91/308/KEE ta' l-10 ta' Ġunju 1991 fuq il-prevenzjoni ta' użu tas-sistema finanzjarja għall-money laundering [3], u l-40 rikkomandazzjoni biex jiġi ikkombattut il-money laundering kif ġie ifformat mill-Azzjoni Finanzjarja tal-Forza tax-Xogħol dwar il-Money Laundering fl-1996, u b'mod partikolari r-rikkomandazzjoni 4 tagħha,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tas-17 ta' Diċembru li tikkonċerna l-approssimazzjoni tal-liġijiet u l-eżerċitazzjoni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea biex jiġi miġġieled il-vizzju tad- droga, u biex jiġi impedut u kkombattut it-traffikar tad- drogi illegali [4],

Bil-ħsieb ta' l-oġġettiv komuni biex tiġi mtejba il-kordinazzjoni bejn l-awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi,

Filwaqt li jiftakar l-Azzjoni Konġunta fuq il-ħolqien ta' Network Ġudizzjarju Ewropew, adottata mill-Kunsill fid- 29 ta' Ġunju 1998 [5],

Billi l-potenzjal biex l-attività kriminali fil-qasam tal-kriminalità organizzata tiġi sfrattata, b'koperazzjoni aktar effettiva bejn l-Istati Membri biex jiġu identifikati, rintraċċati, imwaqqfa u kkonfiskati l-assi miksuba mill-kriminalità, qiegħed jitjib;

Billi xi prattiċi kompatibbli reċiprokament qegħdin jagħmlu aktar effiċjenti l-koperazzjoni fuq livell Ewropew fl-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar jew is-sekwestru, u l-konfiska ta' assi illegali;

Billi r-rakkomandazzjoni Nr 16 tal-pjan ta' azzjoni imsemmija iktar 'il fuq biex tiġi kkombattuta l-kriminalità organizzata emfasizzat l-bżonn li jiġu mgħaġġla l-proċeduri għall-koperazzjoni ġudizzjarja għall-kwistjonijiet rrelatati mal-kriminalità organizzata, fi-waqt li jitnaqqas id-dewmien konsiderevoli fit-trażmissjoni u r-rispons tat-talbiet;

Wara li kkunsidra l-adeżjoni ta' l-Istati Membri mal-Konvenzjoni Ewropea ta' l-1959 dwar Assistenza Reċiproka fil-Kwistjonijiet Kriminali;

Fid-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi ta' l-1988 u s-Sezzjoni Speċjali ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fuq id-Drogi ta' l-1998;

Filwaqt li jirrikonoxxi r-riżultati tal-Laqgħa f'Dublin ta' l-1996 dwar il-konfiska ta' assi wara li jkunu identifikati ostakoli għall-koperazzjoni effettiva;

Filwaqt li jifhem li l-forom ta' koperazzjoni mniżżla f'din l-Azzjoni Konġunta huma bla ħsara għal forom oħra ta' koperazzjonijiet bilaterali jew multilaterali,

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

1. Sabiex isaħħu l-azzjoni effettiva kontra l-kriminalità organizzata, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda riżerva ma tittieħed jew titwettaq fir-rigward ta' l-Artikoli li ġejjin tal-Kunsill ta' l-1990 tal-Konvenzjoni Ewropea fuq il-Laundering, it-Tfittxija, is-Sekwestru u l-Konfiska ta' Qligħ miksuba mill-kriminalità (minn issa 'il quddiem hekk imsejħa "il-Konvenzjoni ta' l-1990"):

(a) l-Artikolu 2: Sakemm ir-reat jista' jiġi kkastigat bid-deprivazzjoni tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni ta' massimu ta' iżjed minn sena;

(b) l-Artikolu 6: Sakemm huma ikkonċernati reati serji. Dawn ir-reati għandhom f'kull każ jinkludu reati li jistgħu jiġu kkastigati b'deprivazzjoni tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni ta' massimu ta' iżjed minn sena, jew, fil-każ ta' dawk l-Istati li għandhom limitu minimu għar-reati fis-sistema legali tagħhom, reati li jistgħu jiġu kkastigati b'deprivazzjoni tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni ta' minimu ta' izjed minn sitt xhur.

Punt (a) m'għandux jaffettwa riservi dwar il-konfiska ta' qligħ miġjuba minn reati li jistgħu jkunu kkastigati taħt il-leġislazzjoni tat-tassazzjoni.

2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-legiżlazzjoni u l-proċeduri tiegħu dwar il-konfiska ta' qligħ miskuba mill-kriminalità jippermettu ukoll il-konfiska ta' propjetà li l-valur tagħha jikkorrispondi ma' dan il-qligħ, kemm fi proċeduri purament domestiċi kif ukoll fi proċedimenti li nbdew fuq talba ta' Stat Membru ieħor, inklużi talbiet għall-infurzar ta' mandati ta' konfiska barranija. Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu il-konfiska ta' propjetà li l-valur tagħha jikkorrispondi ma' dak tal-qligħ mill-kriminalità f'każijiet żgħar. Il-kliem "propjetà", "qligħ", u "konfiska" għandhom l-istess tifsira bħal dik fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' l-1990.

3. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-leġislazzjoni u l-proċeduri tiegħu jistgħu jippermettu l-identifikazzjoni u r-rintraċċar ta' qligħ li hu suspettat li nkiseb mill-kriminalità fuq talba ta' Stat Membru ieħor fejn hemm raġonevoli tajba sabiex ikun issuspettat li ġie kommess xi reat kriminali. Din il-leġislazzjoni u dawn il-proċeduri għandhom jippermettu li tiġi mogħtija għajnuna mill-bidu nett ta' l-investigazzjoni, u għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jirrestrinġu l-użu tagħhom tar-raġunjiet għal rifjut fir-rigward ta' Stati Membri oħra taħt il-paragrafi 2 u 3 ta' l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' l-1990.

Artikolu 2

1. Fl-istruttura ta' kif taħdem in-Network Ġudizzjarja Ewropea, kull Stat Membru għandu jipprepara gwida faċli għal min jużaha, li tinkludi fiha informazzjoni dwar minn fejn jista' jinkiseb parir, filwaqt li turi biċ-ċar l-għajnuna li jista' jipprovdi biex jiġu identifikati, rintraċċati, iffriżati jew issekwestrati u ikkonfiskati ingħodda u qligħ mill-kriminalità. Din il-gwida għandha tinkludi fiha wkoll kull restrizzjoni importanti fuq din l-għajnuna u l-informazzjoni li Stati li jagħmlu t-talba għandhom jipprovdu.

2. Il-gwidi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u dan għandu jittraduċihom fil-lingwi uffiċjali ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jqassam il-gwidi lil l-Istati Membri, lin- Network Ġudizzjarju Ewropew u lill-Europol.

3. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-gwida msemmija fil-paragrafu 1 tinżamm aġġornata u li kull tibdil jintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għat-traduzzjoni u d- distribuzzjoni skond il-paragrafu 2.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jagħtu l-istess prijorità għal kull talba mill-Istati Membri li għandha x'taqsam ma' l-identifikazzjoni ta' assi, rintraċċar, iffriżar jew sekwestru, u konfiska bħal dik mogħtija lill-mizuri bħal dawn fi proċedimenti domestiċi.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu il-kuntatt dirett bejn l-investigaturi, il-maġistrati ta' l-investigazzjoni, u l-prosekuturi ta' l-Istati Membri waqt li jagħmlu użu xieraq minn arranġamenti ta' koperazzjoni disponibbli, sabiex jiżguraw li talbiet għall-għajnuna minn mezzi fomali ma jsirux jekk mhux neċessarji. Meta talba formali hija neċessarja, l-Istat li jagħmel din it-talba għandu jiżgura li din hija ppreparata kif suppost u li tissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Istat li lilu qed issir it-talba.

2. Fejn mhux possibbli li ssir talba għall-għajnuna fil-forma mistennija mill-Istat li qiegħed ipoġġi t-talba, l-Istat li qiegħed issirlu t-talba għandu jipprova jissodisfa din it-talba b'xi mod ieħor, wara konsulta xierqa ma' l-Istat li jagħmel it-talba, filwaqt li jirrispetta l-leġislazzjoni nazzjonali u l-obbligi internazzjonali.

3. L-Istati Membri għandhom jissottomettu t-talbiet għall-għajnuna minn meta n-natura preċiża ta' l-għajnuna meħtieġa hija identifikata u, fejn talba hija immarkata "urġenti" jew hemm terminu perentorju, għandha tingħata spjegazzjoni għall-urġenza jew it-terminu perentorju.

Artikolu 5

1. L-Istati Membri għandhom, fejn mhux kontra l-liġijiet tagħhom, jieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex inaqqsu r-riskju li l-assi jinxterrdu. Dawk il-passi għandhom jinkludu dawk il-miżuri neċessarji biex jiżguraw li assi li huma s-soġġett ta' talba minn Stat Membru ieħor jistgħu jiġu iffriżati jew issekwestrati bi prontezza sabiex talba għall-konfiska magħmula wara ma tigix sfrattata.

2. Fejn, waqt li tkun qiegħda tingħata l-għajnuna legali mitluba f'parti mill-Istat Membru, jinqala' l-bżonn li jsiru iżjed inkjesti f'partijiet oħra ta' l-istess Stat Membru, l-Istat Membru għandu, fejn mhux kontra il-ligijiet tiegħu, jieħu l-passi kollha possibbli sabiex l-għajnuna neċessarja tingħata mingħajr il-bżonn ta' preparazzjoni ta' ittra għall-talba oħra.

3. Fejn l-eżekuzzjoni ta' talba twasssal għall-bżonn li jsiru iżjed inkjesti fuq punti relatati, u l-Istat li qiegħed jagħmel joħroġ ittra għall-talba supplementarja, l-Istat li qiegħed issirlu t-talba għandu, fejn mhux kontra l-liġijiet tiegħu, jieħu l-passi kollha possibbli biex iħaffef l-eżekuzzjoni ta' din it-talba supplementari.

Artikolu 6

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm arranġamenti sabiex il-ġudizzjarju tagħhom ikun familjari ma' l-aħjar prattika fil-koperazzjoni internazzjonali dwar l-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar jew is-sekwestru, u l-konfiska ta' l-għodda u l-qligħ mill-kriminalità.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li formazzjoni xierqa, li tirrifletti l-aħjar prattika prattika l-aktar addattati, tiġi ipprovduta lill-investigaturi, il-maġistrati ta' l-investigazzjoni, il-prosekuturi u l-uffiċjali oħra kollha li għandhom x'jaqsmu mal-koperazzjoni internazzjonali fis-setturi tal-identifikazzjoni, ir-rintraċċar, l-iffriżar jew is-sekwestru u l-konfiska.

3. Il-Presidenza u l-Istati Membri interessati, f'koperazzjoni xierqa man-Network Ġudizzjarju Ewropew u l-Europol, għandhom jorganizzaw kif hu neċessarju laqgħat għall-uffiċjali mill-Istati Membri u prattikanti oħra involuti biex jippromwovu u jiżviluppaw l-aħjar prattika u jinkoraġġixxu l-kompatibilità tal-proċeduri.

Artikolu 7

Il-Kunsill għandu, qabel l-aħħar tas-sena 2000, jirrevedi din l-Azzjoni Konġunta fid-dawl tar-riżultati ta' l-operazzjoni ta' l-Azzjoni Konġunta tal-5 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-mekkaniżmu għall-valutazzjoni ta' l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali ta' l-impenni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Artikolu 8

1. Bla ħsara għall-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jimplimentaw din l-Azzjoni Konġunta hekk kif tidħol fis-seħħ, u għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u nazzjonali relevanti jsiru jafu bil-kontenut tagħha.

2. Proposti xierqa għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 1 għandhom jingħataw mill-Istati Membri fi żmien tlett snin minn meta tidħol fis-seħħ din l-Azzjoni Konġunta għall-konsiderazzjoni minn awtoritajiet kompetenti bil-għan li jiġu adottati.

Artikolu 9

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u għandha tidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussel, it-3 Diċembru 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

K. Schlögl

[1] ĠU L 344, TAL-15.12.1997, P. 7.

[2] ĠU L 99, TAL-31.3.1998, P. 8.

[3] ĠU L 166, TAT-28.6.1991, P. 77.

[4] ĠU L 342, TAL-31.12.1996, P. 6.

[5] ĠU L 191, TAS-7.7.1998, P. 4.

--------------------------------------------------

Top