Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996L0035

Id-Direttiva tal-Kunsill 96/35/KE tat-3 ta' Ġunju 1996 fuq il-ħatra u l-kwalifiki vokazzjonali ta' konsulenti dwar is-sigurtà għat-traspost ta' merkanzija perikoluża bit-triq, bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni

ĠU L 145, 19.6.1996, p. 10–15 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2009; Imħassar b' 32008L0068

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1996/35/oj

31996L0035



Official Journal L 145 , 19/06/1996 P. 0010 - 0015


Id-Direttiva tal-Kunsill 96/35/KE

tat-3 ta' Ġunju 1996

fuq il-ħatra u l-kwalifiki vokazzjonali ta' konsulenti dwar is-sigurtà għat-traspost ta' merkanzija perikoluża bit-triq, bil-ferrovija u bil-passaġġi fuq l-ilma interni

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 75 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Waqt li aġixxa skond il-proċeduri mwaqqfa fl-Artikolu 189ċ tat-Trattat [3],

Billi matul numru ta' snin il-kwantitajiet ta' merkanzija perikoluża trasportati fuq bażi nazzjonali u internazzjonali żdiedu sewwa, b'hekk żiedu r-riskju ta' aċċidenti;

Billi wħud mill-aċċidenti li jiġru meta merkanziji perikolużi jkunu jinġarru jistgħu jiġu kkawżati minħabba nuqqas ta' għarfien tar-riskji marbuta ma' trasport simili;

Billi huwa meħtieġ, fil-kuntest tat-twaqqif ta' suq wieħed fit-trasport, li jiġu adottati miżuri biex jippromwovu l-prevenzjoni ta' riskji marbuta ma' trasport simili;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 fuq l-introduzzjoni ta' miżuri biex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol [4] ma tintroduċix miżuri li jipprevjenu r-riskji marbuta mat-trasport ta' merkanzija perikoluża;

Billi impriżi involuti fit-trasport jew it-tagħbija jew il-ħatt relatat ta' merkanzija perikoluża għandhom ikunu mitluba jikkonformaw mar-regoli fuq il-prevenzjoni tar-riskji marbuta mat-trasport ta' merkanzija perikoluża, sew jekk bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni; billi, għal dak il-għan, il-ħatra ta' konsulent dwar is-sigurta għat-trasport ta' merkanzija perikoluża li jkunu rċevew taħriġ vokazzjonali xieraq għandha tkun preskritta;

Billi l-għan tat-taħriġ vokazzjonali ta' konsulenti fuq is-sigurtà għandu jkun għarfien tal-liġijiet essenzjali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għal trasport simili;

Billi l-Istati Membri għandhom iwaqqfu qafas komuni minimu għal taħriġ vokazzjonali attestat b'suċċess f'eżami;

Billi l-Istati Membri għandhom joħorġu ċertifikati-tip tal-Komunità li jattestaw il-kwalifiki vokazzjonali ta' konsulent sabiex dawk li jkollhom ċertifikati simili jkunu jistgħu mbagħad iwettqu l-ħidma tagħhom fil-Komunità kollha;

Billi l-kwalifika vokazzjonali ta' konsulent dwar is-sigurtà għandha tgħin il-kwalità tas-servizz fl-interessi ta' l-utenti; billi kwalifika vokazzjonali simili tgħin ukoll biex tnaqqas kemm jista' jkun ir-riskji ta' inċidenti li jistgħu jikkaġunaw ħsara irriversibbli għall-ambjent u korrimenti gravi lil persuni oħra li jistgħu jiġu f'kuntatt ma' merkanzija perikoluża,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Mira

l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa skond il-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva biex jassiguraw li mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1999 impriżi li l-attivitajiet tagħhom jinkludu t-trasport, jew it-tagħbija u l-ħatt relatat, ta' merkanzija perikoluża bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni għandhom kull wieħed jaħtru konsulent wieħed jew aktar fuq it-trasport ta' merkanzija perikoluża, responsabbli biex jgħin biex jipprevienu r-riskju inerenti ma' attivitajiet simili fir-rigward ta' persuni, proprjetà u l-ambjent.

L-Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva:

(a) "impriża" għandha tfisser kull persuna naturali, kull persuna legali, sewwa jekk tagħmel profitt sewwa le, kull assoċjazzjoni jew grupp ta' persuni mingħajr personalità legali, sewwa jekk tagħmel profitt jew le, jew kull korp uffiċjali, sewwa jekk għandu personalità legali huwa nnifsu jew jiddependi minn awtorità li għandha personalità simili, li ġġorr, tgħabbi jew tħott merkanzija perikoluża;

(b) "konsulent tas-sigurta għat-trasport ta' merkanzija perikoluża", minn issa 'l quddiem magħruf bħala "konsulent", għandu jfisser kull persuna maħtura mill-kap ta' l-impriża li r-rwol tiegħu huwa li jagħmel id-doveri u jwettaq ix-xogħlijiet definiti fl-Artikolu 4 u li għandu l-attestat tat-taħriġ li hemm ipprovdut fl-Artikolu 5;

(ċ) "merkanzija perikoluża" għandha tfisser merkanzija definita bħala tali fl-Anness A tad-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta' Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq [5];

(d) "attivitajiet" għandha tfisser it-trasport ta' merkanzija perikoluża bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilma interni bl-eċċezzjoni ta' passaġġi fuq l-ilma interni nazzjonali li mhux konnessi mal-passaġġi fuq l-ilma interni ta' Stati Membri oħra, flimkien mat-tagħbija u l-ħatt relatat.

L-Artikolu 3

Eżenzjonijiet

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li din id-Direttiva ma tkunx tapplika għal impriżi:

(a) li l-attivitajiet tagħhom jikkonċernaw it-trasport ta' merkanzija perikoluża b'mezzi ta' trasport li jappartienu lill-forzi armati jew huma taħt ir-responsabbiltà tagħhom,

(b) li l-attivitajiet tagħhom jikkonċernaw kwantitajiet f'kull unità ta' trasport iżgħar minn dawk definiti fil-marġini 10010 u 10011 fl-Anness B tad-Direttiva 94/55/KE, jew

(ċ) li l-attivitajiet prinċipali jew sekondarji tagħhom mhux it-trasport jew it-tagħbija u l-ħatt relatat ta' merkanzija perikoluża iżda li minn żmien għal żmien jidħlu għal xogħol ta' trasport nazzjonali jew it-tagħbija u l-ħatt relatat ta' merkanzija perikoluża li fih ftit periklu jew riskju ta' kontaminazzjoni.

L-Artikolu 4

Ir-rwol u l-ħatra tal-konsulent

1. Ix-xogħol prinċipali ta' konsulent ikun, taħt ir-responsabbiltà tal-kap ta' l-impriża, li jipprova bil-mezzi kollha xierqa u bl-azzjoni kollha xierqa, fl-ambitu tal-limiti ta' l-attivitajiet rilevanti ta' l-impriża, iħaffef it-tmexxija ta' dawk l-attivitajiet b'mod konformi mar-regoli applikabbli bl-aktar mod ħieles mill-periklu possibbli. Huwa għandu jagħmel ix-xogħlijiet elenkati fl-Anness I relevanti ma' l-attivitajiet ta' l-impriża.

2. Il-konsulent jista' jkun ukoll il-kap ta' l-impriża, persuna b'doveri oħra ma' l-impriża, jew persuna mhux direttament impjegata minn dik l-impriża, sakemm dik il-persuna tkun kapaċi tagħmel id-doveri ta' konsulent.

3. Kull impriża għandha, fuq talba, tinforma lill-awtorità kompetenti jew lill-korp maħtur għal dak l-iskop minn kull Stat Membru dwar l-identità tal-konsulent tagħha.

L-Artikolu 5

Attestat ta' taħriġ

1. Konsulent għandu jkollu attestat ta' taħriġ vokazzjonali tip tal-Komunità, minn issa 'l quddiem imsejjaħ "l-attestat", validu għall-mod jew modi ta' trasport ikkonċernat. Dak l-attestat għandu jinħareġ mill-awtorità kompetenti jew il-korp maħtur għan dak il-għan minn kull Stat Membru.

2. Biex jikseb attestat kandidat għandu jagħmel taħriġ u jgħaddi eżami approvat mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru.

3. L-għanijiet ewlenin tat-taħriġ għandu jkun biex jagħti lill-kandidati biżżejjed għarfien dwar ir-riskji inerenti mat-trasport ta' merkanzija perikoluża, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-modi ta' trasport konċernat u d-doveri elenkati fl-Anness I.

4. L-eżami għandu jkopri ta' l-anqas is-suġġetti elenkati fl-Anness II.

5. L-attestat għandu jieħu l-forma stabbilita fl-Anness III.

6. L-attestat għandu jkun rikonoxxut mill-Istati Membri kollha.

L-Artikolu 6

Il-validità ta' l-attestat

L-attestat għandu jkun validu għal ħames snin. Il-perijodu ta' validità ta' attestat għandu jkun estiż awtomatikament għal ħames snin kull darba fejn, matul l-aħħar sena qabel ma jagħlaq, min għandu l-attestat ikun għamel korsijiet ta' aġġornament jew għadda eżami li t-tnejn li huma jridu jkunu approvati mill-awtorità kompetenti.

L-Artikolu 7

Rapporti ta' inċidenti

Kull meta aċċident jaffettwa persuna, proprjetà jew l-ambjent jew jirriżulta fi ħsara għall-proprjetà jew l-ambjent matul it-trasport, tagħbija jew ħatt, magħmul mill-impriża kkonċernata, konsulent għandu, wara li jkun ġabar it-tagħrif kollu rilevanti, jipprepara rapport dwar l-inċident għall-amministrazzjoni ta' l-impriża jew għall-awtorità pubblika lokali, kif xieraq.

Dak ir-rapport m'għandux jieħu l-post ta' xi rapport mill-amministrazzjoni ta' l-impriża li jista' jkun meħtieġ fl-Istati Membri taħt xi leġislazzjoni oħra internazzjonali, tal-Komunità jew nazzjonali.

L-Artikolu 8

Adattament tad-Direttiva

L-emendi meħtieġa biex wieħed jadatta din id-Direttiva mal-progress xjentifiku u tekniku fl-oqsma fl-ambitu ta' l-għan tagħha għandhom ikunu adottati b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9.

L-Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat tat-trasport ta' merkanzija perikoluża mwaqqaf bl-Artikolu 9 tad-Direttiva 94/55/KE, minn issa 'l quddiem imsejjaħ "il-Kumitat", li għandu jikkonsisti minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u jkun presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jagħti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-fehma tiegħu fuq dak l-abbozz f'terminu ta' żmien li l-president jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-ħaġa. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun jeħtieġlu jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom ikunu mogħtija piż bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-president m'għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Jekk il-miżuri maħsuba ma jaqblux ma' l-opinjoni tal-Kumitat jew jekk il-Kumitat ma jagħtix opinjoni il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tagħti lill-Kunsill suġġeriment dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk fi żmien tliet xhur mid-data li jkun inkitiblu l-Kunsill ma jkunx ħa passi, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti.

L-Artikolu 10

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet fuq is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fil-post tax-xogħol stabbiliti fid-Direttiva 89/391/KEE u fid-Direttivi individwali li jimplimentawha.

L-Artikolu 11

1. l-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet meħtieġa biex iħarsu din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 1999. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri għandhom jinkludu referenzi għal din id-Direttiva jew jagħmlu magħhom referenzi simili fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-mod li fih dawn ir-referenzi għandhom isiru.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi domestika li huma jadottaw fil-kamp regolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 12

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-3 ta' Ġunju 1996.

Għall-Kunsill

Il-President

T. Treu

[1] ĠU C 185, tas-17.7.1991, p. 5 u ĠU C 233, tal-11.9.1992, p. 5.

[2] L-opinjoni mogħtija fis-27 ta' Novembru 1991 (ĠU C 40, tas-17.2.1992, p. 46).

[3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Mejju 1992 (ĠU C 150, tal-15.6.1992, p. 332), il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 1995 (ĠU C 297, ta' l-10.11.1995, p. 13) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Jannar 1996 (ĠU C 32, tal-5.2.1996, p. 49).

[4] ĠU L 183, tad-29.6.1989, p. 1.

[5] ĠU L 319, tad-12.12.1994, p. 7.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

ID-DOVERI TA' KONSULENT IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 4(1)

Konsulent għandu dawn id-doveri li ġejjin b'mod partikolari:

- jimmonitorja konformità mar-regoli li jħarsu t-trasport ta' merkanzija perikoluża,

- jagħti parir lill-impriża tiegħu dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża,

- jipprepara rapport kull sena lill-amministrazzjoni ta' l-impriża tiegħu jew lill-awtorità pubblika lokali, kif xieraq, fuq l-attivitajiet ta' l-impriża fit-trasport ta' merkanzija perikoluża. Rapporti annwali simili għandhom jinżammu għal ħames snin u jkunu disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali meta jitolbuhom.

Id-doveri ta' konsulent jinkludu monitorjar tal-prattiċi li ġejjin relatati ma' l-attivitajiet rilevanti ta' l-impriża:

- il-proċeduri għal konformità mar-regoli li jirregolaw l-identifikazzjoni ta' merkanzija perikoluża li qed jiġu ttrasportati,

- il-prattika ta' l-impriża li tagħti kas, meta tixtri mezzi ta' trasport, ta' xi ħtiġijiet speċjali f'konnessjoni mal-merkanziji perikolużi li qed jinġarru,

- il-proċeduri għal-verifika ta' l-apparat użat f'konnessjoni mat-trasport, tagħbija jew ħatt ta' merkanzija perikoluża,

- it-taħriġ xieraq ta' l-impjegati ta' l-impriża u ż-żamma ta' rekord ta' taħriġ simili,

- it-tħaddim ta' proċeduri xierqa ta' emerġenza fil-kas ta' aċċident jew inċident li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà matul it-trasport, tagħbija jew ħatt ta' merkanzija perikoluża,

- l-investigazzjoni u, fejn xieraq, il-preparazzjoni ta' rapporti fuq aċċidenti serji, inċidenti jew nuqqasijiet serji rrikordjati matul it-trasport, tagħbija jew ħatt ta' merkanzija perikoluża,

- it-tħaddim ta' miżuri xierqa biex jevita li jiġru aċċidenti, inċidenti jew ksur (ta' regoli) serju,

- l-attenzjoni li tingħata tal-preskrizzjonijiet legali u ħtiġiet speċjali assoċjati mat-trasport ta' merkanzija perikoluża fl-għażla u l-użu ta' subkuntratturi jew terzi persuni,

- verifika li ħaddiema involuti fit-trasport, tagħbija jew ħatt ta' merkanzija perikoluża għandhom proċeduri ta' xogħol u iistruzzjonijiet dettaljati,

- l-introduzzjoni ta' miżuri biex jikber l-għarfien tar-riskji marbuta mat-trasport, tagħbija u ħatt ta' merkanzija perikoluża,

- it-tħaddim ta' proċeduri ta' verifika biex tkun assigurata l-preżenza abbord il-mezz ta' trasport tad-dokumenti u apparat ta' sigurezza li għandhom jakkompanjaw it-trasport u l-konformità ta' dokumenti u apparat simili mar-regolamenti,

- it-tħaddim tal-proċeduri ta' verifika biex tkun assigurata l-konformità mar-regoli li jirregolaw it-tagħbija u l-ħatt.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Suġġetti msemmija fl-Artikolu 5(4)

It-tagħrif meħtieġ biex wieħed jikkwalifika għal attestat għandu jinkludi ta' l-anqas dan li ġej:

I. Miżuri ġenerali ta' prevenzjoni u sigurtà:

- għarfien tat-tipi ta' konsegwenzi li jistgħu jiġu kkawżati b'aċċident li jinvolvi merkanzija perikoluża,

- għarfien tal-kawżi ewlenin ta' l-aċċidenti.

II. Dispożizzjonijiet relatati mal-mod ta' trasport użati taħt il-liġi nazzjonali, standards tal-Komunità, konvenzjonijiet u ftehim internazzjonali, fir-rigward ta' dan li ġej b'mod partikolari:

1. il-klassifikazzjoni ta' merkanzija perikoluża:

- il-proċedura għall-klassifika ta' soluzzjonijiet u taħlit,

- l-istruttura tad-deskrizzjoni ta' sustanzi,

- it-taqsim ta' merkanzija perikoluża u l-prinċipji tal-klassifikazzjoni tagħhom,

- in-natura tas-sustanzi u merkanzija perikoluża trasportati,

- il-proprjetajiet tagħhom fiżiċi, kimikali u tossikoloġiċi;

2. ħtiġijiet ġenerali ta' pakkjar, li jinkludu tankers, tank-containers, ecc.

- tipi ta' ppakkjar, kodifikazzjoni u markar,

- ħtiġijiet ta' ppakkjar u preskrizzjonijiet għat-testjar ta' ppakkjar,

- l-istat ta' l-ippakkjar u verifiki minn żmien għal żmien;

3. markar ta' periklu u tikketti:

- l-immarkar fuq tikketti ta' periklu,

- it-tqegħid u t-tneħħija ta' tikketti ta' periklu,

- twaħħil ta' avviżi u tabelli;

4. referenzi fid-dokumenti tat-trasport:

- tagħrif fid-dokument tat-trasport,

- id-dikjarazzjoni ta' konformità ta' min jagħmel il-konsenja;

5. il-metodu tal-konsenja u r-restrizzjonijiet ta' kif tintbagħat:

- tagħbija sħiħa,

- trasport bil-bulk,

- trasport f'containers tal-bulk kbar,

- trasport ta' containers,

- trasport ġo tankijiet fissi u li jiżżarmaw;

6. it-trasport ta' passiġġieri;

7. projbizzjonijiet u prekawzjonijiet relatati ma' tagħbija mħallta;

8. is-segregazzjoni ta' sustanzi;

9. limiti fuq il-kwantitajiet li jinġarru u kwantitajiet eżenti;

10. maniġġjar u stivar:

- tagħbija u ħatt (rapporti ta' mili),

- stivar u segregazzjoni;

11. tindif u/jew degassing qabel it-tagħbija u wara l-ħatt;

12. ekwipaġġi: taħriġ vokazzjonali;

13. karti tal-vettura:

- id-dokument tat-trasport,

- istruzzjonijiet miktuba,

- l-attestat ta' l-approvazzjoni tal-vettura,

- l-attestat tat-taħriġ tas-sewwieq tal-vettura,

- l-attestat ta' taħriġ fit-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni,

- kopji ta' xi derogi,

- dokumenti oħra;

14. istruzzjonijiet ta' sigurtà: implimentazzjoni ta' l-istruzzjonijiet u apparat għall-protezzjoni tas-sewwieq;

15. impenji ta' osservanza: parkeġġar;

16. regolamenti u restrizzjonijiet tat-traffiku u n-navigazzjoni;

17. skariki ta' materjal kontaminanti tax-xogħol jew aċċidentali;

18. ħtiġijiet relatati ma' apparat ta' trasport.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

FORMA TA' ATTESTAT IMSEMMI FL-ARTIKOLU 5(5)

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top