Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992R3577

    Ir-Regolament Tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu)

    ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7–10 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2013

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1992/3577/oj

    31992R3577



    Official Journal L 364 , 12/12/1992 P. 0007 - 0010
    Finnish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0203
    Swedish special edition: Chapter 6 Volume 3 P. 0203


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92

    tas-7 ta’ Diċembru 1992

    li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 84(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi fit-12 ta’ Ġunju 1992, il-Parlament Ewropew adotta r-Riżoluzzjoni tiegħu dwar il-liberalizzazzjoni tal-kabotaġġ marittimuu l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tiegħu;

    Billi b’konformità ma’ l-Artikolu 61 tat-Trattat libertà biex jiġu pprovduti s-servizzi fil-qasam tat-trasport marittimu għandu jkun regolat mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu li jirreferi għat-trasport;

    Billi l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet dwar l-għoti ta’ servizzi ta’ trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri hi meħtieġa biex ikun stabbilit suq intern; billi s-suq intern għandu jkun fih żona li fiha l-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital hu assigurat;

    Billi għalhekk il-libertà biex jiġu pprovduti s-servizzi għandha tkun applikata għat-trasport marittimu ġewwa Stati Membri;

    Billi l-benefiċċjarji ta’ din il-libertà għandhom ikunu l-proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li joperaw vapuri reġistrati fi u li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru kemm jekk dan għandu jew le xtajta marittima;

    Billi din il-libertà għandha tkun estiża għal vapuri rreġistrati wkoll fil-Euro ladarba dak ir-reġistru jkun approvat;

    Billi sabiex jiġi evitat tgħawwiġ ta’ kompetizzjoni, proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li jeżerċitaw il-libertà li jipprovdu servizzi ta’ kabotaġġ għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha biex isir kabotaġġ fi Stat Membru li fih il-vapuri tiegħu huma reġistrati; billi proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li joperaw vapuri rreġistrati fi Stat Membru li ma jkollhomx il-jedd li jagħmlu kabotaġġ f’dak l-Istat għandhom minkejja kollox ikunu benefiċjarji ta’ dan ir-Regolament matul perijodu transitorju;

    Billi l-implementazzjoni ta’ din il-libertà għandha tkun gradwali u mhux neċessarjament mogħtija b’mod uniformi għas-servizzi kollha f’dan il-każ, meta wieħed jikkunsidra n-natura ta’ ċerti servizzi speċifiċi u l-kobor ta’ l-isforz li ċerti ekonomiji fil-Komunità li juru differenzi fi żvilupp għandhom iġarrbu;

    Billi l-introduzzjoni ta’ servizzi pubbliċi li tinvolvi ċerti jeddijiet u obbligazzjonijiet għall-proprjetarji ta’ vapuri interessati tista’ tkun iġġustifikata sabiex jiġi assigurat li jkun hemm servizzi ta’ trasport regolari biżżejjed, minn u bejn gżejjer, sakemm ma jkunx hemm distinzjoni għal raġunijiet ta’ nazzjonalità jew ta’ residenza;

    Billi għandhom jiġu adottati dispożizzjonijiet sabiex jittieħdu miżuri ta’ salvagwardja għar-rigward ta’ swieq ta’ trasport marittimu affetwati minn disturb serju jew fl-eventwalità ta’ emerġenza; billi, għal dan il-għan, għandhom jiġu introdotti proċeduri xierqa ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet;

    Billi, invista tal-ħtieġa li jiġi assigurat l-operat xieraq tas-suq intern u ta’ adozzjonijiet possibbli fid-dawl ta’ esperjenza, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jekk meħtieġ tissottometti proposti addizzjonali,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    1. Sa mill-1 ta’ Jannar 1993, il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu) għandu japplika għal proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li jkollhom il-vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, sakemm dawn il-vapuri jkunu konformi mal-kundizzjonijiet kollha biex jagħmlu kabotaġġ f’dak l-Istat Membru, inklużi vapuri rreġistrati f’Euros, ladarba dak ir-Reġistru jkun approvat mill-Kunsill.

    2. B’mezz ta’ deroga, l-applikar tad-dispożizzjoni ta’ paragrafu 1 li teħtieġ li vapuri josservaw il-kundizzjonijiet kollha biex jagħmlu kabotaġġ fl-Istat Membru li fih ikunu rreġistrati f’dak il-waqt għandha tkun temporanjament sospiża sal-31 ta’ Diċembru 1996.

    L-Artikolu 2

    Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

    1. "servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu)" tfisser servizzi normalment ipprovduti għal remunerazzjoni u għandhom b’mod partikolari jinkludu:

    (a) kabotaġġ fl-art ewlenija: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn portijiet li jinstabu fuq l-art ewlenija jew it-territorju prinċipali ta’ l-istess Stat Membru mingħajr waqfien fi gżejjer;

    (b) servizzi ta’ forniment off-shore: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn xi port fi Stat Membru u stallazzjonijiet jew strutturi li jinsabu fuq l-estenzjoni maritima kontinentali ta’ dak l-Istat Membru;

    (ċ) kabotaġġ tal-gżejjer: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn:

    - portijiet li jinstabu fuq l-art ewlenija u fuq waħda jew aktar mill-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru,

    - portijiet li jinstabu fuq il-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru;

    Ceuta u Melilla għandhom ikunu ttrattati bl-istess mod bħala portijiet ta’ gżejjer.

    2. "Proprjetarju ta’ vapur tal-Komunità" tfisser:

    (a) dawk ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru stabbiliti fi Stat Membru skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat Membru u li jagħmlu attivitajiet tal-ġarr bil-baħar;

    (b) kumpanniji ta’ ġarr bil-baħar stabbiliti skond il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru u li l-post prinċipali tax-xogħol tagħhom ikun jinstab, u l-kontroll effettiv eżerċitat, fi Stat Membru;

    jew

    (ċ) dawk ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru stabbilit barra mill-Komunità jew kumpanniji tal-ġarr marittimu stabbiliti barra mill-Komunità u kkontrollati minn persuni ta’ nazzjonalita ta’ Stat Membru, jekk il-vapuri tagħhom ikunu rreġistrati fi u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru b’konformità mal-leġislazzjoni tiegħu;

    3. "Kuntratt ta’ servizz pubbliku" jfisser kuntratt magħmul bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru u proprjetarju ta’ vapur ta’ Stat Membru sabiex jiġu pprovduti lill-pubbliku servizzi ta’ trasport adegwati.

    Kuntratt ta’ servizz pubbliku jista’ jkopri l-aktar:

    - servizzi ta’ trasport li jissodisfaw standards fissi ta’ kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità,

    - servizzi ta’ trasport addizzjonali,

    - servizzi ta’ trasport b’rati speċifiċi u suġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari għal ċerti kategoriji ta’ passiġġieri jew fuq ċerti rotot,

    - aġġustamenti ta’ servizzi għal ħtiġijiet attwali;

    4. "obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku" tfisser obbligazzjonijiet li l-proprjetarju ta’ vapur tal-Komunità f’dak il-każ, jekk ikun qiegħed jikkonsidra l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess grad jew taħt l-istess kundizzjonijiet;

    5. "disturb serju tas-suq intern ta’ trasport" tfisser id-dehra fuq is-suq ta’ problemi speċifiċi għal dak is-suq u li:

    - x’aktarx iwasslu għal eċċess serju jew potenzjali fit-tul ta’ forniment b’eċċess fuq il-ħtieġa,

    - ikunu dovuti lil, jew aggravati bi, operazzjonijiet ta’ kabotaġġ marittimu, u

    - joħolqu theddida serja għall-istabilità finanzjarja u s-sopravivenza ta’ numru sinifikanti ta’ proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità,

    sakemm it-tbassir f’termini qosra jew medji għas-suq f’dak il-każ ma jindikawx xi titjib sostanzjali u li jtulu.

    L-Artikolu 3

    1. Għal vapuri li jaħgmlu kabotaġġ fl-art ewlenija u għal vapuri tal-passiġġieri, il-materji kollha li jirreferu għal persunal għandhom ikunu r-responsabbiltà ta’ l-Istat li fih il-vapur ikun irreġistrat (stat tal-bandiera), minbarra għal vapuri li jkunu iżgħar minn 650 gt, fejn il-kundizzjonijiet ta’ l-Istat li jospita jistgħu jiġu applikati.

    2. Għal vapuri li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer, il-materji kollha dwar persunal huma r-responsabbiltà ta’ l-Istat li fih il-vapur ikun qed jagħmel servizz ta’ trasport marittimu (Stat ospitanti).

    3. Iżda, mill-1 ta’ Jannar 1999, għal vapuri ta’ tagħbija ’l fuq minn 650 gt li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer, meta l-vjaġġ f’dak il-każ jsegwi jew jippreċedi vjaġġ lil jew minn Stat ieħor, il-materji kollha dwar persunal ikunu r-responsabbiltà ta’ l-Istat li fih il-vapur ikun irreġistrat (Stat tal-bandiera).

    4. Il-Kummissjoni għandha tagħmel eżami profond tal-impatt ekonomiku u soċjali tal-liberalizzazzjoni ta’ kabotaġġ tal-gżejjer u għandha tagħti rapport lill-Kunsill qabel l-1 ta’ Jannar 1997.

    Fuq il-bażi ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni għandha tagħti proposta lill-Kunsill li tista’ tinkludi aġġustamenti fil-provvedimenti tan-nazzjonalità tal-persunal li jinsabu f’paragrafi 2 u 3 sabiex dik is-sistema definittiva tkun approvata mill-Kunsill fi żmien xieraq u qabel l-1 ta’ Jannar 1999.

    L-Artikolu 4

    1. Stat Membru jista’ jagħmel kuntratti ta’ servizz pubbliku ma’ jew jimponi obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ servizzi ta’ kabotaġġ, fuq kumpanniji ta’ ġarr marittimu li jipparteċipaw f’servizzi regolari lejn, minn u bejn gżejjer.

    Kull meta Stat Membru jagħmel kuntratti ta’ servizz pubbliku jew jimponi obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku, dan għandu jagħmel hekk fuq bażi mhux diskriminatorja għar-rigward ta’ proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità.

    2. Meta jiġu imposti obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku, Stati Membri għandhom ikunu llimitati għal ħtiġijiet dwar portijiet li jkunu servuti, regolarità, kontinwità, frekwenza, kapaċità li jipprovdu s-servizz, rati li għandhom jiġu mitluba u l-persunal tal-vapur.

    Meta jkun applikabbli, kull kumpens għal obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku għandu jkun disponibbli lill-proprjetarji kollha tal-vapuri tal-Komunità.

    3. Kuntratti eżistenti ta’ servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis-seħħ sad-data ta’ l-iskadenza tal-kuntratt rilevanti.

    L-Artikolu 5

    1. Fl-eventwalità ta’ disturb serju tas-suq ta’ trasport intern minħabba liberalizzazzjoni ta’ kabotaġġ, Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni li jadotta miżuri ta’ salvagward.

    Wara li tikkonsulta lil-Istati Membri l-oħra, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi meta jkun xieraq dwar il-miżuri ta’ salvagward xieraq, fi żmien 30 jum tax-xogħol minn meta tkun irċevuta t-talba rilevanti minn Stat Membru. Dawk il-miżuri jistgħu jinvolvu l-esklużjoni temporanja, li ma teċċedix 12-il xahar, taż-żona f’dak il-każ mill-għanijiet ta’ dan ir-Regolament.

    Il-Kummissjoni għandha tikkomunika kull deċiżjoni dwar il-miżuri ta’ salvagward tagħha lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

    Jekk wara l-perijodu ta’ 30 jum tax-xogħol il-Kummissjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni dwar is-suġġett, l-Istat Membru interessat għandu jkun intitolat li japplika l-miżuri mitluba sakemm il-Kummissjoni tkun ħadet id-deċiżjoni tagħha.

    Iżda, fl-eventwalità ta’ emerġenza, Stati Membri jistgħu unilateralment jadottaw il-miżuri proviżorji xierqa li jistgħu jibqgħu fis-seħħ għal mhux aktar minn tliet xhur. F’dik l-eventwalità, Stati Membri għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummisjsoni bl-adozzjoni ta’ dawk il-miżuri. Il-Kummissjoni tista’ tirrevoka l-miżuri jew tikkonfermahom bi jew mingħajr modifiki sakemm din tieħu d-deċiżjoni finali skond it-tieni sub-paragrafu.

    2. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tadotta miżuri ta’ salvagward fuq l-inizjattiva tagħha stess, wara li tikkonsulta l-Istati Membri.

    L-Artikolu 6

    1. Bħala mezz ta’ deroga, is-servizzi ta’ trasport marittimu li ġejjin magħmula ġewwa l-Mediterran u madwar il-kosta ta’ Spanja, il-Portugall u Franza għandhom temporanjament ikunu eżentati mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

    - servizzi ta’ vapuri tal-passiġġieri, sa l-1 ta’ Jannar 1995,

    - trasport ta’ oġġetti strateġiċi (żejt, prodotti taż-żejt u ilma tax-xorb) sa l-1 ta’ Jannar 1997,

    - servizzi minn vapuri iżgħar minn 650 gt, sa l-1 ta’ Jannar 1998,

    - servizzi regolari ta’ passiġġieri u servizzi tal-laneċ, sa l-1 ta’ Jannar 1999.

    2. Bħala deroga, kabotaġġ tal-gżejjer fil-Mediterran u kabotaġġ għar-rigward ta’ l-arċipelagi Kanarji, Ażores u Madejra, Ceuta u Melilla, il-gżejjer Franċiżi madwar il-kosta tal-Atlantiku u d-dipartimenti mbiegħda Franċiżi għandhom ikunu temporanjament eżentati mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa l-1 ta’ Jannar 1999.

    3. Għal raġunijiet ta’ koeżjoni soċjo-ekonomika, id-deroga mogħtija fil-paragrafu 2 għandha tkun estiża għall-Greċja sa’ l-1 ta’ Jannar 2001 għal servizz regolari ta’ passiġġieri u servizzi ta’ laneċ ipprovduti minn vapuri ta’ anqas minn 650 gt.

    L-Artikolu 7

    L-Artikolu 62 tat-Trattat għandu japplika għall-materji koperti b’dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 8

    Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-dritt ta’ stabbiliment u għal dan ir-Regolament, persuna li tipprovdi servizz marittimu tista’, sabiex tagħmel dan, tagħmel din l-attività tagħha temporanjament fl-Istati Membri fejn is-servizz ikun ipprovdut, taħt l-istess kundizzjonijiet li jkunu imposti minn dak l-Istat fuq iċ-ċittadini tiegħu.

    L-Artikolu 9

    Qabel jadottaw liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, Stati Membri għandhom jikkonsultaw mal-Kummissjoni. Dawn għandhom jinfurmaw lil din ta’ l-aħħar bil-miżuri li jkunu ġew adottati.

    L-Artikolu 10

    Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kunsill, qabel l-1 ta’ Jannar 1995, u wara dan kull sentejn, rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u, jekk ikun xieraq, għandha wkoll tagħti xi proposti meħtieġa.

    L-Artikolu 11

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-7 ta’ Diċembru 1992.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. MacGregor

    [1] ĠU C 73, tad-19.3.1991, p. 27.

    [2] ĠU C 295, tas-26.11.1990, p. 687, u opinjoni mogħtija fl-20 ta’ Novembru 1992 (għadha mhix ippubblikata fl-Ġurnal Uffiċjali)

    [3] ĠU C 56, tas-7.3.1990, p. 70.

    --------------------------------------------------

    Top