Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31979R1963

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1963/79 tas-6 ta’ Settembru 1979 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-rifużjoni ta’ produzzjoni dwar iż-żejt taż-żebbuġa fil-manifattura ta’ ċertu ikel ippriservat

    ĠU L 227, 7.9.1979, p. 10–11 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 21/11/2014: This act has been changed. Current consolidated version: 09/06/2001

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1979/1963/oj

    31979R1963



    Official Journal L 227 , 07/09/1979 P. 0010 - 0011
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 11 P. 0078
    Spanish special edition: Chapter 03 Volume 16 P. 0212
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 11 P. 0078
    Portuguese special edition Chapter 03 Volume 16 P. 0212


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1963/79

    tas-6 ta’ Settembru 1979

    li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-rifużjoni ta’ produzzjoni dwar iż-żejt taż-żebbuġa fil-manifattura ta’ ċertu ikel ippriservat

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar l-istabbiliment t’organiżazzjoni komuni dwar is-suq fiż-żjut u xaħmijiet [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 590/79 [2],

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2749/78 tat-23 ta’ Novembru 1978 dwar negozju fiż-żjut u xaħmijiet bejn il-Komunità u l-Greċja [3],

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 591/79 tas-26 ta’ Marzu 1979 li jistabilixxi regoli ġenerali li jikkonċernaw ir-rifużjoni ta’ produzzjoni għaż-żjut taż-żebbuġa użati fil-manifattura ta’ ċertu ikel ippriservati [4], u partikolarment l-Artikolu 9 tiegħu,

    Billi l-arranġamenti tal-kontroll ipprovduti għalihom fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KEE) Nru 591/79 jridu jassiguraw li r-rifużjoni ta’ produzzjoni tingħata biss rigward żejt taż-żebbuġa li jissodisfa l-kondizzjonijiet stabiliti fir-Regolament preżenti u fir-Regolament (KEE) Nru 591/79; billi, bi prinċipju, ir-rifużjoni għandha tingħata biss wara li jkun sar il-kontroll;

    Billi, jekk il-kontroll irid isir effettwat sewwa, l-applikazzjoni biex dan isir għandha tkun sottomessa fi żmien tajjeb u għandu jkun fiha ċerta nformazzjoni bażika; billi, għall-istess skop, il-manifatturi tal-priservi tal-ħut u l-ħxejjex għandhom ikunu mitluba jżommu kont ta’ ħażna li jindikaw il-kwantita u l-oriġini taż-żejt taż-żebbuġa użat;

    Billi il-kontroll għandu jestendi fuq perjodu li jippermetti lill-proċessuri biex jippjanaw il-produzzjoni tagħhom fid-dawl tal-prezzijiet ta’ l-ispejjeż u biex jiksbu provisti ta’ żejt taż-żebbuġa; billi għall-istess raġunijiet, ir-rifużjoni li għandha tingħata għandha tkun dik valida fil-jum li fih l-applikazzjoni biex isir il-kontroll tkun sottomessa;

    Billi, biex jippermettu lill-partijiet konċernati jixtru ż-żejt taż-żebbuġa li jinħtieġu, l-Istati Membri għandhom ikunu ħielsa li jħallsu l-ammont tar-rifużjoni bil-quddiem, bla ħsara għad-disposizzjoni ta’ skrutinju;

    Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 615/71 [5] għandu jkun imħassar;

    Billi l-miżuri li hemm provdut għalihom f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaż-Żjut u Xaħmijiet,

    ADDOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Għall-iskopijiet tar-rifużjoni tal-produzzjoni, manifatturi ta’ l-ikel ippriservat tal-ħut u l-ħxejjex msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 591/79 għandhom iżommu ta’ kuljum, rigward l-imsemmi ikel ippriservat, kontijiet tal-ħażna li jagħtu ta’ l-anqas l-informazzjoni li ġejja:

    (a) il-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa, ikklassifikata bl-oriġini u d-data tad-dħul fil-fabbrika;

    (b) il-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa, ikklassifikata bl-oriġini, użata fil-manifattura ta’ l-ikel ippriservat;

    (ċ) rigward kull grupp ta’ żejt taż-żebbuġa li jidħol, in-numru tal-fattura, irċevuta jew kwalunkwe dokument ieħor ekwivalenti;

    (d) il-piż nett ta’ ikel ippriservat prodott, b’indikazzjoni tal-piż medju taż-żejt taż-żebbuġa impjegat għal kull tip ta’ manifattura.

    Artikolu 2

    1. Sabiex jikkwalifika għal rifużjoni ta’ produzzjoni, il-manifattur irid jissottometti talba għall-verifika lill-awtorità kompetenti mhux iktar tard minn ħamest ijiem tax-xogħol qabel id-data intenzjonata għall-bidu tal-operazzjonijiet tal-manifattura. Tali applikazzjoni tista’ ma tkunx sottomessa lill-awtorità kompetenti sakemm iż-żejt jinsab fil-bini tal-manifattura.

    2. L-applikazzjoni trid ta’ l-inqas ikun fiha l-informazzjoni li ġejja:

    (a) l-isem u l-indirizz tal-manifattur;

    (b) id-dati li fihom se tibda u se tintemm il-manifattura;

    (ċ) il-kwantità u t-tip t’ikel ippriservat li se jkun immanifatturat;

    (d) il-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa li mistennija tkun użata fil-manifattura, u l-oriġini taż-żejt.

    3. It-talba għall-verifika għandha tkun valida biss għall-proċess ta’ manifattura li se jitwettaq f’perjodu li jispiċċa mhux iktar tard minn l-aħħar jum tat-tielet xahar wara dak li fih kienet sottomessa l-applikazzjoni.

    Jekk permezz ta’ force majeure l-manifattura ma tkunx tista’ titwettaq tul dak il-perjodu l-aġenzija kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat għandha, fuq talba tal-manifattur, testendi il-perjodu għal tul ta’ żmien ikkunsidrat meħtieġ waqt li tagħti każ taċ-ċirkustanzi mitluba.

    Artikolu 3

    l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw:

    (a) li r-rekord tal-ħażna tal-manifattur huwa miżmum skond l-Artikolu 1;

    (b) li ż-żejt indikat fit-talba għall-verifika kien fil-bini fiż-żmien li fih kienet sottomessa l-applikazzjoni.

    Artikolu 4

    1. Ir-rifużjoni tal-produzzjoni tingħata fuq applikazzjoni mill-manifattur fl-Istat Membru fejn l-ikel ippriservat kien manifatturat.

    2. L-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 trid tinkludi dettalji tal-kwantità ta’ żejt imħaddma fil-manifattura ta’ l-ikel ippriservat u l-oriġini tagħha. L-applikazzjoni trid tkun sottomessa mill-parti kkonċernata fi żmien sitt xhur mid-data li fiha kien użat iż-żejt.

    Artikolu 5

    Ir-rifużjoni għandha titħallas meta l-Istat Membru kkonċernat ikun ivverifika li l-kwantità ta’ żejt murija fuq l-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 u l-kwantità u l-oriġini ta’ żejt imħaddma fil-manifattura ta’ l-ikel ippriservat jikkorrispondu.

    Madankollu, fuq talba tal-parti kkonċernata, ir-rifużjoni tista’ titħallas bil-quddiem hekk kif l-ispezzjonar msemmi fl-Artikolu 3 jitwettaq, bil-kundizzjoni li tkun ipprovduta assigurazzjoni li tiggarantixxi li ż-żejt jintuża għall-iskopijiet speċifikati.

    Artikolu 6

    Għall-iskopijiet tal-verifika msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 5, l-Istati Membri għandhom jispezzjonaw inter alia l-kontijiet tal-ħażna li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 1.

    Artikolu 7

    Jekk il-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa msemmija fl-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 u l-kwantita ta’ żejt użata kif muri mill-verifika li hemm riferenza għaliha fl-Artikolu 5 ma jikkorrispondux, l-Istat Membru kkonċernat għandu jistima l-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa li għaliha ir-rifużjoni hija pagabli.

    Artikolu 8

    Ir-rifużjoni mogħtija għandha tkundik valida fil-jum li fih it-talba għall-verifika msemmija fl-Artikolu 2 kienet sottomessa.

    Artikolu 9

    L-ammont imsemmi fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KEE) Nru 591/79 għandu jkun 0 750 EKU. Madankollu, fejn il-medja aritmetika msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1) tar-Regolament fuq imsemmi huwa żero, ir-rifużjoni tkun iffissata f’żero.

    Artikolu 10

    Regolament (KEE) Nru 615/71 huwa għalhekk imħassar.

    Artikolu 11

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-10 ta’ Settembru 1979.

    Dan għandu japplika għal żejt taż-żebbuġa li t-talbiet għalih semmija fl-Artikolu 2 jkunu sottomessi fi jew wara dik id-data. Inkwantu għaż-żejt li t-talbiet għalih msemmija fl-Artikolu 2 huma sottomessi qabel dik id-data, ir-Regolament (KEE) Nru 615/71 jkompli japplika.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-6 ta’ Settembru 1979.

    Għall-Kummissjoni

    Finn Gundelach

    Viċi-President

    [1] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p. 3025/66.

    [2] ĠU L 78, tat-30.3.1979, p. 1.

    [3] ĠU L 331, tat-28.11.1978, p. 1.

    [4] ĠU L 78, tat-30.3.1979, p. 2.

    [5] ĠU L 71, tal-25.3.1971, p. 12.

    --------------------------------------------------

    Top