EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31968L0221

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-30 ta' April 1968 fuq metodu komuni għall-kalkulazzjoni tar-rati medji li hemm provdut għalihom fl-Artikolu 97 tat-Trattat

ĠU L 115, 18.5.1968, p. 14–16 (DE, FR, IT, NL)
Edizzjoni Speċjali bl-Ingliż: Serje I Volum 1968(I) P. 114 - 116

Edizzjoni(jiet) speċjali oħra (DA, EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/1981

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1968/221/oj

31968L0221



Official Journal L 115 , 18/05/1968 P. 0014 - 0016
Finnish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0005
Danish special edition: Series I Chapter 1968(I) P. 0108
Swedish special edition: Chapter 9 Volume 1 P. 0005
English special edition: Series I Chapter 1968(I) P. 0114
Greek special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0014
Spanish special edition: Chapter 09 Volume 1 P. 0016
Portuguese special edition Chapter 09 Volume 1 P. 0016


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-30 ta' April 1968

fuq metodu komuni għall-kalkulazzjoni tar-rati medji li hemm provdut għalihom fl-Artikolu 97 tat-Trattat

(68/221/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 99 u 100 tiegħu;

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-21 ta' Ġunju 1960 tar-Rapreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill;

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni;

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2];

Billi, minn meta t-Trattat daħal fis-seħħ, l-iffissar tar-rati medja li hemm provdut għalihom fl-Artikolu 97 tat-Trattat biex jagħmlu tajjeb għall-piż tat-taxxi fuq il-bejgħ imħallsin skond is-sistema tat-taxxa akkumulattiva b'ħafna stadji konsistentament wassal għal diffikultajiet li jtellfu t-tħaddim tajjeb tas-suq komuni; billi dawn l-effetti ħżiena jiżdiedu bit-tneħħija tad-dazji fil-Komunità;

Billi l-uniku skop għal kwalunkwe allinjament tal-ħlasijiet kompensatorji u l-ħlasijiet lura għandu jkun dak li jiżgura li s-sistemi eżistenti ta' taxxi akkumulattivi b'ħafna stadji fuq il-bejgħ huma iktar newtrali fl-impatt tagħhom fuq il-kummerċ internazzjonali u jgħinu biex il-bidla għal sistema komuni ta' taxxa ta' valur miżjud issir fl-aħjar kondizzjonjijet possibli; billi t-tali allinjament hu għalhekk konformi mal-kriterja rikonoxxuti fid-Deċiżjoni tal-21 ta' Ġunju 1960 tar-Rapreżentanti tal-Gvernijet ta' l-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill;

Billi d-diffikultajiet msemmija hawn fuq iseħħu l-aktar minħabba d-differenzi bejn il-metodi wżati mill-Istati Membri għall-kalkulazzjoni ta' dawn ir-rati;

Billi hu għalhekk fl-interess tas-suq komuni li, sa kemm tiddaħħal it-taxxa fuq il-valur miżjud fl-Istati Membri kollha, dawn il-metodi differenti ta' kalkoli jkunu armonizzati bl-addozzjoni ta' regoli komuni u raġonevoli li jiżguraw l-osservanza tal-limiti stabbiliti bl-Artikolu 97 tat-Trattat u jagħmluha possibli li r-rati medji miksuba b'dan il-mod jiġu reveduti bir-reqqa;

Billi, biex sa fejn hu possibli jiġu kkunsidrati l-kondizzjonijet attwali li fihom inħadem prodott jew grupp ta' prodotti, regoli bħal dawn iridu jipprovdu għall-korrezzjoni tal-piżijiet tat-taxxa;

Billi t-tali regoli għandhom iħalluha possibbli għall-Istati Membri li jirrikorru għal ċertu estimi ta' rata bażi;

Billi l-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata biex, skond id-direttivi addottati wara li tikkonsulta ma' l-Istati Membri, tfassal il-proċedura għall-applikzzjoni tal-metodu komuni ta' kalkolu;

Billi, biex tagħmilha faċli għall-Kummissjoni li tiżgura l-osservanza tal-limiti stabiliti għar-rati medji, għandu jkun hemm provediment biex l-Istati Membri jkollhom jissottomettu lill-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħhom, kalkoli msejsa fuq il-metodu komuni qabel l-introduzzjoni jew tibdil bi kwalunkwe mod ta' rata medja;

ADOTTA DIN ID-DIRETTVA:

Artikolu 1

1. Meta, skond l-Artikolu 97 tat-Trattat, Stat Membru jdaħħal jew ibiddel rata medja biex jagħmel tajjeb, fir-rigward ta' l-importazzjoni u ta' l-esportazzjoni, għat-taxxa fuq il-bejgħ li hi imposta direttament jew indirettament fuq il-manifattura ta' prodott jew grupp ta' prodotti, dik ir-rata għandha tkun kalkulata bi qbil mad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva, fid-dawl tal-kondizzjonijet attwali tal-produzzjoni.

2. Din id-Direttiva m'għandiex tapplika għal:

- rati medji eżistenti meta din id-direttiva tidħol fis-seħħ, anke jekk użati għall-kalkolu ta' piżijiet ta' taxxa preċedenti b'konformità mad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 6;

- addatazzjonijet tar-rati medji li jirriżultaw biss minn bidla ġenerali tar-rata tat-taxxa fuq il-bejgħ.

Artikolu 2

1. Il-piż medju tat-taxxa fuq prodott għandu jkun daqs il-medja koreġuta tal-piżijet tat-taxxa fuq dak il-prodott fi stadji differenti rapreżentattivi stabiliti għal kull stadju skond l-Artikoli 3 sa 6. Il-piż medju koreġut għandu jkun imsejjes fuq l-importanza relattiva ta' kull stadju fil-produzzjoni totali tal-prodott.

2. Il-piż medju tat-taxxa fuq grupp ta' prodotti għandu jkun daqs il-piż medju koreġut ta' piżijiet medji tat-taxxa fuq prodotti rapeżentattivi għal dak il-grupp. Id-daqs tal-grupp ta' prodotti għandu jiddetermina n-numru ta' prodotti rapreżentattivi li għandhom jiġu kunsidrati. Għal kull prodott rapreżentattiv, il-piż medju tat-taxxa għandu jkun kalkulat skond id-disposizzjonijet tal-paragrafu 1. Il-piż medju koreġut għandu jkun imsejjes fuq l-importanza relattiva tal-prodotti rapreżentativi fil-produzzjoni totali tal-grupp ta' prodotti.

Artikolu 3

Għal skopiijet ta' kalkolu tal-piżijiet tat-taxxa fuq prodott fl-istadju finali tal-produzzjoni, jistgħu jiġu kunsidrati l-piżijiet tat-taxxa fuq il-fatturi kollha fil-prezz ta' kemm jiswa f'dak l-istadju.

Artikolu 4

1. Għall-iskopijiet ta' kalkolu tal-piż tat-taxxa fuq prodott fl-istadji ta' qabel ta' l-aħħar, tista' tinagħta konsiderazzjoni lill-piżijiet imposti f'dak l-istadju fuq il-materja prima, prodotti nofshom lesti u prodotti lesti li huma wżati fil-materji prima, prodotti nofshom lesti jew prodotti lesti meħuda in konsiderazzjoni fl-istadju finali, jew fi kwalunkwe fattur ieħor jew komponent meħud in konsiderazzjoni fl-istadju finali, jekk f'dak l-istadju jkun jirrapreżenta mhux inqas minn 3 % tal-prezz tal-bejgħ tal-prodott finali qabel it-taxxa.

2. Għall-iskopijiet ta' kalkolu tal-piż tat-taxxa fuq prodott fl-tstadji l-oħra, tista' tinagħta konsiderazzjoni tal-piżijiet imposti f'kull wieħed minn dawn l-istadji fuq dawk il-materji primi, fuq il-prodotti nofshom lesti li huma maħsuba għall-manifattura ta' xi materja prima, prodott nofsu lest jew prodott lest meħud in konsiderazzjoni fl-istadju finali.

Artikolu 5

1. Jekk, għal fattur jew għal komponent kunsidrat fi kwalunkwe stadju, il-piż tat-taxxa fi stadji ta' qabel ma ġiex kalkulat skond l-Artikolu 4, il-piż fuq dak il-fattur jew komponent jista' jiżdied b'rata standard ta' 50 %. Jekk, madanakollu, l-ammont ta' piż tat-taxxa fuq dak il-fattur jew komponent ikun dovut għall-applikazzjoni ta' rata speċjali, dak l-ammont ikun irid jiġi kalkulat mill-ġdid qabel l-applikazzjoni tar-rata standard, fuq il-bażi ta' rata standard tat-taxxa fuq il-bejgħ. Meta dik ir-rata speċjali tkopri wieħed jew iżjed mill-istadji ta' qabel, il-piż li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' dik ir-rata m'għandux jiżdied b'rata standard.

2. Il-piż kalkulat b'dan il-mod għall-istadji ta' qabel ma jistax jaqbeż dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-Artikoli 4 u 6 għal dak il-fattur jew komponent.

Artikolu 6

Jekk, għal fattur jew komponent meħud f'konsiderazzjoni fi kwalunkwe stadju, teżisti rata medja, din tista' tintuża għall-kalkolu tal-piż tat-taxxa ta' qabel fuq dak il-fattur jew komponent, dejjem, b'konformità ma' l-Artikolu 97. Din ir-rata għandha tkun applikata jekk tkun appoġġjata b'kalkoli sottomessi lill-Kummissjoni b'konformità ma' l-Artikolu 10.

Artikolu 7

1. Meta fil-każ ta' prodott jew grupp ta' prodotti, Stat Membru ma jikkalkulax il-piż medju tat-taxxa b'mod konformi ma' l-Artikoli 2 sa 6, dak il-piż jista' jkun stimat b'rata standard li tikkorrespondi għal 100 %, 75 %, 50 % jew 30 % tar-rata standard tat-taxxa fuq il-bejgħ, skond jekk il-fatturi u l-komponenti tal-prodott jew grupp ta' prodotti (li jistgħu jittieħdu in konsiderazzjoni fl-istadju finali u huma suġġetti għal rata standard jew għar-rata miżjuda ta' taxxa fuq il-bejgħ) jirrapreżentawx 65 %, 50 %, 35 % jew inqas minn 35 %, rispettivament, tal-prezz tal-bejgħ tal-prodott jew grupp ta' prodotti qabel it-taxxa.

2. Il-piż stimat b'dan il-mod ma jistax jaqbeż il-piż medju tat-taxxa li kien jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-Artikoli 2, 3, 4 u 6.

Artikolu 8

Ir-rati medji għandhom ikunu approssimati għall-eqreb nofs punt iktar jew inqas skond jekk il-frazzjoni deċimali tar-rata miksuba tilħaqx iż-0,775 jew 0, 725.

Artikolu 9

Wara konsultazzjoni ma' l-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha, jekk ikun meħtieġ, tfassal permezz ta' direttivi l-proċedura għall-applikazzjoni ta' l-Artikoli 1 sa 8.

Artikolu 10

1. Meta Stati Membru ikun fi ħsiebu idaħħal jew ibiddel rata medja, dan għandu jissottometti lill-Kummissjoni l-kalkoli li bihom ġie stabbilit il-piż medju tat-taxxa skond l-Artikoli 1 sa 8.

2. Meta l-Kummissjoni tikkonsidra li l-piż tat-taxxa stabbilit b'rata standard skond l-Artikoli 5 jew 7 jaqbeż il-limiti stabiliti fil-paragrafu 2 ta' dawk l-Artikoli, l-Istat Membru għandu jissottmetti lill-Kummissjoni, fuq talba, il-kalkoli li bihom kien stabbilit dak il-piż skond l-Artikoli 2, 3, 4 u 6.

Artikolu 11

L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma sussegwentament jaddottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-30 ta' April 1968.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Couve de Murville

[1] ĠU C 10, ta' l-14.2.1968, p. 4.

[2] ĠU C 317, tat-28.12.1967, p. 9.

--------------------------------------------------

Top