Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22019A1120(01)

    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Mali dwar l-istatus tal-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

    ST/10852/2019/INIT

    ĠU L 299, 20.11.2019, p. 3–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2019/1924/oj

    Related Council decision

    20.11.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 299/3


    TRADUZZJONI

    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Mali dwar l-istatus tal-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali)

    L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-UE",

    minn naħa, u

    IR-REPUBBLIKA TAL-MALI, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Istat ospitanti",

    min-naħa l-oħra,

    minn hawn 'il quddiem imsejħin "il-partijiet",

    WARA LI KKUNSIDRAW:

    l-ittra mingħand il-President tar-Repubblika tal-Mali tal-20 ta' Frar 2014 li tistieden lill-Unjoni Ewropea tibgħat missjoni ċivili b'appoġġ għall-forzi tas-sigurtà tal-Mali,

    id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/219/PESK (1) tal-15 ta’ April 2014 dwar il-missjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali);

    il-fatt li dan il-Ftehim mhux ser jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet skont ftehimiet internazzjonali u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali, inkluż l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

    l-ittra tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta’ Ottubru 2014 u l-ittra tal-31 ta’ Ottubru 2014 mir-Repubblika tal-Mali li jikkostitwixxu skambju ta’ ittri dwar l-istatus ta’ EUCAP Sahel Mali fit-territorju tar-Repubblika tal-Mali,

    il-ħtieġa li l-missjoni EUCAP Sahel Mali jkollha qafas legali definit b’mod ċar,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

    1.   Dan il-Ftehim għandu japplika biss fit-territorju tal-Istat ospitanti.

    2.   Dan il-ftehim japplika għall-missjoni ċivili tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (minn hawn ’il quddiem imsejħa “EUCAP Sahel Mali”) u għall-persunal tagħha.

    3.   Għall-finijiet ta' dan il-ftehim:

    (a)

    "EUCAP Sahel Mali" tfisser il-kwartieri ġenerali ta' EUCAP Sahel Mali u l-kontinġenti nazzjonali tagħha, il-persunal tagħha, il-faċilitajiet tiegħu, ir-riżorsi tiegħu u l-mezzi ta' trasport tiegħu li jikkontribwixxu għall-Missjoni;

    (b)

    "Missjoni" tfisser it-tħejjija, l-istabbiliment, l-eżekuzzjoni u l-appoġġ ta' EUCAP Sahel Mali;

    (c)

    "Kap tal-Missjoni" tfisser il-Kap ta' EUCAP Sahel Mali fuq il-post;

    (d)

    "Unjoni Ewropea (UE)" tfisser il-korpi permanenti tal-UE kif ukoll il-persunal tagħhom;

    (e)

    "kontinġenti nazzjonali" tfisser l-unitajiet u l-elementi li jappartjenu lill-Istati Membri tal-UE u lill-Istati l-oħrajn li jipparteċipaw f'EUCAP Sahel Mali;

    (f)

    "persunal ta' EUCAP Sahel Mali" tfisser il-persunal ċivili u militari assenjat lil EUCAP Sahel Mali kif ukoll il-persunal skjerat għat-tħejjija tal-Missjoni u l-persunal fuq missjoni, għal Stat kontributur jew istituzzjoni jew korp tal-UE fil-qafas tal-Missjoni, li jinsabu, ħlief kif ipprovdut mod ieħor f'dan il-Ftehim, fit-territorju tal-Istat ospitanti, bl-eċċezzjoni tal-persunal impjegat lokalment fil-qafas tal-leġislazzjoni nazzjonali u tal-persunal impjegat minn kuntratturi kummerċjali;

    (g)

    "persunal impjegat lokalment" tfisser il-membri tal-persunal li jkunu ċittadini tal-Istat ospitanti jew ikunu residenti permanenti fih;

    (h)

    "faċilitajiet ta' EUCAP Sahel Mali" tfisser il-bini, l-akkomodazzjoni u ż-żoni tal-art kollha meħtieġa għall-Missjoni u għall-persunal ta' EUCAP Sahel Mali;

    (i)

    "Stat kontributur" tfisser Stat li jipprovdi kontinġent nazzjonali għad-dispożizzjoni ta' EUCAP Sahel Mali;

    (j)

    "korrispondenza uffiċjali" tfisser kull korrispondenza relatata ma' EUCAP Sahel Mali u mal-funzjonijiet tagħha;

    (k)

    "riżorsi ta' EUCAP Sahel Mali" tfisser it-tagħmir u l-prodotti għall-konsum meħtieġa għall-Missjoni;

    (l)

    "mezzi ta' trasport ta' EUCAP Sahel Mali" tfisser il-vetturi kollha u mezzi oħrajn ta' trasport fil-pussess ta', mikrija minn jew mogħtija b'lokazzjoni lil EUCAP Sahel Mali u meħtieġa għall-Missjoni.

    Artikolu 2

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    1.   EUCAP Sahel Mali u l-persunal tagħha għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat ospitanti u m'għandhom iwettqu l-ebda azzjoni jew attività inkompatibbli mal-objettivi tal-Missjoni.

    2.   EUCAP Sahel Mali għandha tinforma regolarment lill-Gvern tal-Istat ospitanti bl-għadd ta' membri tal-persunal tagħha stazzjonati fit-territorju tal-Istat ospitanti.

    Artikolu 3

    Identifikazzjoni

    1.   Il-membri tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali għandhom jiġu identifikati minn karti ta' identifikazzjoni speċifiċi ta’ EUCAP Sahel Mali, il-passaport jew il-karta tal-identità tagħhom li dejjem għandhom iġorru fuqhom. Dawn il-karti ta' identifikazzjoni speċifiċi ta' EUCAP għandhom jinħarġu mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fuq talba ta' EUCAP Sahel Mali.

    2.   Il-vetturi u mezzi oħra ta' trasport ta' EUCAP Sahel Mali għandhom iġorru pjanċi ta’ reġistrazzjoni diplomatiċi u pjanċi ta' reġistrazzjoni regolari b’marka ta' identifikazzjoni ta' EUCAP Sahel Mali jew pjanċi ta' reġistrazzjoni speċifiċi ta' EUCAP Sahel Mali, li għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.

    3.   EUCAP Sahel Mali għandha jkollha d-dritt li turi l-bandiera tal-Unjoni Ewropea u marki distintivi, titli, simboli u emblemi uffiċjali, fuq il-faċilitajiet u l-mezzi tat-trasport tagħha. L-uniformijiet tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali għandu jkollhom emblema distintiva ta' EUCAP Sahel Mali. Il-bnadar jew l-emblemi nazzjonali tal-kontinġenti nazzjonali li jipparteċipaw fil-Missjoni jistgħu jintwerew fuq il-faċilitajiet u l-mezzi tat-trasport u l-uniformijiet ta' EUCAP Sahel Mali, skont kif jiddeċiedi l-Kap tal-Missjoni.

    Artikolu 4

    Qsim tal-fruntieri u moviment fit-territorju tal-Istat ospitanti

    1.   L-Istat ospitanti għandu jiffaċilita d-dħul fit-territorju tiegħu u t-tluq minnu għal EUCAP Sahel Mali u l-membri tal-persunal tagħha. Bl-eċċezzjoni tal-kontroll tal-passaporti fid-dħul u l-ħruġ mit-territorju tal-Istat ospitanti, il-membri tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali bi prova li huma parti mill-Missjoni għandhom ikun eżentati mid-dispożizzjonijiet dwar l-immigrazzjoni u l-kontroll doganali fit-territorju tal-Istat ospitanti. Madankollu, għandhom jimlew formoli ta' dħul u ta' tluq. Il-viżi għandhom jinħarġu mingħajr ħlas lill-membri tal-Missjoni għal perijodu ta' sena. Għall-membri ġodda tal-Missjoni, il-viża tad-dħul għandha tinħareġ mingħajr ħlas fil-fruntiera fuq il-preżentazzjoni ta’ ordni ta’ missjoni maħruġa mill-Missjoni. Il-wasla ta' membru ġdid tal-Missjoni għandha tiġi kkomunikata lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Istat ospitanti mill-anqas ħamest ijiem ta' xogħol qabel id-data tal-wasla tiegħu.

    2.   Il-persunal ta' EUCAP Sahel Mali għandu jkun eżentat mid-dispożizzjonijiet tal-Istat ospitanti dwar ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda m'għandu jikseb l-ebda dritt ta' soġġorn jew domiċilju permanenti fit-territorju tal-Istat ospitanti.

    3.   Ir-riżorsi u l-mezzi tat-trasport ta' EUCAP Sahel Mali li jidħlu, jgħaddu jew jitilqu mit-territorju tal-Istat ospitanti b’appoġġ għall-Missjoni għandhom ikunu soġġetti għal dikjarazzjoni minn qabel u għal proċedura ta’ identifikazzjoni qabel id-dħul tagħhom fit-territorju tal-Mali.

    4.   Il-membri tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali jistgħu jsuqu vetturi bil-mutur, mgħammra kontra l-balal jew le, u jsuqu bastimenti jew inġenji tal-ajru fit-territorju tal-Istat ospitanti dment li jkollhom, skont il-każ, liċenzja tas-sewqan, ċertifikat ta' kaptan ta' bastiment jew liċenzja ta' bdot nazzjonali, internazzjonali jew militari validi f'wieħed mill-Istati kontributuri.

    5.   Għall-fini tal-Missjoni, l-Istat ospitanti għandu jagħti lil EUCAP Sahel Mali u lill-persunal tagħha l-libertà ta' moviment u ta' ċirkolazzjoni fit-territorju tiegħu, inkluż fl-ispazju tal-ajru tiegħu.

    6.   L-Istat ospitanti għandu jawtorizza d-dħul fit-territorju tiegħu tar-riżorsi, partikolarment tal-mezzi ta' trasport ta' EUCAP Sahel Mali u jeżentahom mid-dazji doganali, l-imposti, il-pedaġġi, it-taxxi jew ħlasijiet simili, ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi oħrajn mogħtija.

    7.   Għall-fini tal-Missjoni, EUCAP Sahel Mali tista' tuża t-toroq pubbliċi, il-pontijiet, it-tragetti u l-ajruporti mingħajr ma tħallas dazji, imposti, pedaġġi, taxxi jew ħlasijiet simili. EUCAP Sahel Mali m'għandhiex tkun eżentata minn ħlasijiet għas-servizzi li tingħata fuq talba tagħha, bil-kondizzjonijiet li japplikaw għal dawk mogħtija lill-forzi armati tal-Istat ospitanti.

    Artikolu 5

    Privileġġi u immunitajiet ta' EUCAP Sahel Mali mogħtija mill-Istat ospitanti

    1.   Il-faċilitajiet ta' EUCAP Sahel Mali għandhom ikunu invjolabbli. L-aġenti tal-Istat ospitanti m'għandhomx jidħlu fihom mingħajr il-kunsens tal-Kap tal-Missjoni.

    2.   EUCAP Sahel Mali, tkun fejn tkun u jkun min ikun id-detentur jew dak li juża r-riżorsi, il-mezzi ta' trasport u l-faċilitajiet tagħha, għandha immunità minn proċedimenti legali.

    3.   Il-persunal, ir-riżorsi, il-faċilitajiet u l-mezzi ta' trasport ta' EUCAP Sahel Mali għandu jkollhom immunità minn kull perkwiżizzjoni, rekwiżizzjoni, konfiska jew miżura ta' implimentazzjoni.

    4.   L-arkivji u d-dokumenti ta' EUCAP Sahel Mali għandhom ikunu invjolabbli f'kull ħin u irrispettivament mill-post li jinsabu fih.

    5.   Il-korrispondenza uffiċjali ta' EUCAP Sahel Mali għandha tkun invjolabbli.

    6.   EUCAP Sahel Mali, il-fornituri tagħha u l-kuntratturi tagħha għandhom ikunu eżentati minn kull imposta, taxxa u tariffa oħra nazzjonali, reġjonali jew komunali simili fir-rigward tar-riżorsi, partikolarment mezzi ta' trasport ta' EUCAP Sahel Mali mixtrija jew importati, tal-faċilitajiet ta' EUCAP Sahel Mali u tas-servizzi mogħtija għall-ħtiġijiet ta' EUCAP Sahel Mali. L-applikazzjoni ta' din l-eżenzjoni ma tista' tkun soġġetta għall-ebda awtorizzazzjoni jew notifika minn qabel magħmula minn EUCAP Sahel Mali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti. Madankollu, EUCAP Sahel Mali mhux eżentata minn imposti jew ħlasijiet oħra li jirrappreżentaw ħlas għal servizzi mogħtija.

    Artikolu 6

    Privileġġi u immunitajiet mogħtija lill-persunal ta' EUCAP Sahel Mali mill-Istat ospitanti

    1.   Il-persunal ta' EUCAP Sahel Mali ma jista' jkun soġġett għall-ebda forma ta' arrest jew detenzjoni.

    2.   Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali għandu jkollhom l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta' miżuri ta' eżekuzzjoni awtorizzati skont il-paragrafu 7.

    3.   L-Istat ospitanti għandu joħroġ, skont il-liġi u r-regolamenti fis-seħħ, karta tal-identità distintiva ta' EUCAP Sahel Mali għall-membri tal-persunal ta’ EUCAP Sahel Mali.

    4.   Il-persunal ta' EUCAP Sahel Mali għandu jgawdi minn immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-Istat ospitanti fiċ-ċirkostanzi kollha.

    L-Istat kontributur jew il-korp ikkonċernat tal-UE, skont il-każ, jista' jirrinunzja għall-immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali għall-persunal ta' EUCAP Sahel Mali. Din ir-rinunzja għandha dejjem issir bil-miktub.

    5.   Il-persunal ta' EUCAP Sahel Mali għandu jkollu immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Istat ospitanti fir-rigward tal-kliem li jgħid jew jikteb u l-atti kollha li jwettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.

    Jekk titressaq xi proċedura ċivili kontra l-persunal ta' EUCAP Sahel Mali quddiem kwalunkwe qorti tal-Istat ospitanti, il-Kap tal-Missjoni u l-awtorità kompetenti tal-Istat kontributur jew il-korpi kkonċernati tal-UE għandhom jiġu notifikati minnufih. Qabel il-bidu tal-proċedura quddiem il-qorti kompetenti, il-Kap tal-Missjoni jew l-awtorità kompetenti tal-Istat kontributur jew l-istituzzjoni kkonċernata tal-UE għandhom jiċċertifikaw li l-att inkwistjoni twettaqx mill-persunal ta' EUCAP Sahel Mali fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.

    Jekk l-att inkwistjoni jkun twettaq fil-qadi ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċedura m'għandhiex tinbeda u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16. Jekk l-att ma jkunx twettaq fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċedura tista' titkompla. Iċ-ċertifikazzjoni maħruġa mill-Kap tal-Missjoni u l-awtorità kompetenti tal-Istat kontributur jew il-korp ikkonċernat tal-UE torbot lill-ġurisdizzjoni tal-Istat ospitanti, li ma jistax jikkontestaha.

    Madanakollu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti jistgħu jikkontestaw il-validità ta' din iċ-ċertifikazzjoni fi żmien xahrejn mid-data tal-produzzjoni tagħha. F'dan il-każ, kull parti għandha tirregola din il-kwistjoni esklużivament permezz ta' mezzi diplomatiċi.

    Jekk il-persunal ta' EUCAP Sahel Mali jibda proċedura ċivili, huwa m'għandux ikun jista' jinvoka aktar l-immunità minn proċedimenti legali fir-rigward tal-ebda kontrotalba relatata direttament mat-talba prinċipali.

    6.   Il-persunal ta' EUCAP Sahel Mali mhux obbligat li jagħti xhieda.

    7.   Ma tista' tittieħed l-ebda miżura ta' eżekuzzjoni fir-rigward tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali, ħlief jekk tinfetaħ kontrih proċedura ċivili mhux marbuta mal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Il-proprjetà tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali, li tkun iċċertifikata mill-Kap tal-Missjoni bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tal-persunal imsemmi, għandha tkun ħielsa mis-sekwestru għall-eżekuzzjoni ta' sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fil-qafas tal-proċeduri ċivili, il-persunal ta' EUCAP Sahel Mali m'għandu jkun soġġett għal ebda restrizzjoni fuq il-libertà personali tiegħu jew għal xi miżuri oħra ta' restrizzjoni.

    8.   L-immunità tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali minn proċedimenti legali fl-Istat ospitanti ma teżentahx mill-ġurisdizzjoni tal-Istat kontributur.

    9.   Il-persunal ta' EUCAP Sahel Mali huwa eżentat mir-regolamenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fil-Mali.

    10.   Il-persunal ta' EUCAP Sahel Mali huwa eżentat minn kull forma ta' tassazzjoni fl-Istat ospitanti f'dak li hu s-salarju u l-emolumenti mħallsa lilu minn EUCAP Sahel Mali jew mill-Istat kontributur, kif ukoll rigward kwalunkwe dħul li jirċievi minn barra l-Istat ospitanti.

    11.   L-Istat ospitanti għandu, b'mod konformi mal-liġijiet u r-regolamenti li jista' jadotta, jawtorizza d-dħul ta' oġġetti għall-użu personali tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali u jagħti eżenzjoni fuq tali oġġetti minn kull dazju doganali, taxxa u ħlas relatat ħlief għall-ħlasijiet għal ħażna, trasport u servizzi simili. L-Istat ospitanti għandu jawtorizza wkoll l-esportazzjoni ta’ oġġetti bħal dawn. Ix-xiri fil-Mali ta’ merkanzija, mezzi ta’ trasport u servizzi mill-persunal ta' EUCAP Sahel Mali għandu jkun eżentat mit-taxxi u l-VAT skont il-liġi u r-regolamenti fis-seħħ fl-Istat ospitanti.

    Artikolu 7

    Persunal impjegat lokalment

    1.   Il-persunal impjegat lokalment għandu jkollu privileġġi u immunitajiet biss sa fejn ammess mill-Istat ospitanti. Madankollu, l-Istat ospitanti għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq dak il-persunal b'tali mod li ma jfixkilx eċċessivament l-operat tal-Missjoni.

    2.   Il-persunal impjegat lokalment jista’ jkun soġġett għall-proċeduri u l-prattiki tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika tal-Mali. EUCAP Sahel Mali għandha tgħarraf lill-Istat ospitanti bil-miktub dwar il-proċeduri u l-prattiki li EUCAP Sahel Mali tapplika.

    Artikolu 8

    Ġurisdizzjoni kriminali

    L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat kontributur għandhom id-dritt li fit-territorju tal-Istat ospitanti jeżerċitaw is-setgħat dixxiplinarji kollha mogħtija lilhom bil-liġi tal-Istat kontributur fir-rigward ta' kull membru tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali soġġett għal-liġi rilevanti tal-Istat kontributur.

    Artikolu 9

    Sigurtà ta' EUCAP Sahel Mali

    1.   L-Istat ospitanti għandu, skont il-mezzi tiegħu, jiżgura s-sigurtà ta’ EUCAP Sahel Mali u l-persunal tagħha.

    2.   Għal dan il-għan, l-Istat ospitanti għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni u s-sigurtà ta' EUCAP Sahel Mali u l-persunal tagħha. Għandu jintlaħaq qbil mal-Kap tal-Missjoni dwar kwalunkwe dispożizzjoni speċifika proposta mill-Istat ospitanti qabel ma din tiġi implimentata. L-Istat ospitanti għandu jagħti l-permess tiegħu għall-attivitajiet relatati mal-evakwazzjoni medika tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali u jipprovdi appoġġ għalihom mingħajr ħlas. Jekk meħtieġ, għandhom jiġu konklużi l-modalitajiet supplimentari f'konformità mal-Artikolu 19.

    3.   Il-persunal ta’ EUCAP Sahel Mali għandu jkun intitolat iġorr armi ħfief u munizzjon, soġġett għal awtorizzazzjoni mill-Kap tal-Missjoni.

    4.   F’dan il-kuntest, EUCAP Sahel Mali għandha tkun awtorizzata tieħu l-miżuri meħtieġa fit-territorju tal-Istat ospitanti, inkluż l-użu tal-forza meħtieġa u proporzjonata, biex tipproteġi l-persunal ta' EUCAP Sahel Mali, il-bini, il-vetturi u l-oġġetti tagħha minn atti li jistgħu jipperikolaw il-ħajja tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali jew li jistgħu jikkawżawlu ħsara tanġibbli u, fejn xieraq, biex tipproteġi fl-istess ħin persuni oħra li jiffaċċjaw l-istess theddida qrib il-Missjoni minn atti li jipperikolaw il-ħajja ta' dawn il-persuni jew li aktarx jikkawżawlhom ġrieħi gravi.

    5.   Il-lista tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali awtorizzat mill-Kap tal-Missjoni biex iġorr armi u munizzjon u biex jittrasportahom għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Mali. Din il-komunikazzjoni hija purament dikjaratorja. L-awtoritajiet kompetenti tal-Mali għandhom jipprovdu liċenzja tat-trasport u tal-ġarr ta' armi lil dawn il-membri tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali.

    Artikolu 10

    Uniformi

    L-ilbies tal-uniformi għandu jkun soġġett għar-regoli adottati mill-Kap tal-Missjoni.

    Artikolu 11

    Kooperazzjoni

    1.   L-Istat ospitanti għandu jipprovdi l-kooperazzjoni u l-appoġġ kollu tiegħu lil EUCAP Sahel Mali u lill-persunal tagħha. Jekk meħtieġ, għandhom jiġu konklużi l-modalitajiet supplimentari kif imsemmi fl-Artikolu 19.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni u r-rappreżentant maħtur mill-Gvern tal-Istat ospitanti għandhom jikkonsultaw lil xulxin regolarment u jieħdu l-miżuri xierqa biex jiġi żgurat kuntatt mill-qrib u reċiproku f'kull livell xieraq. L-Istat ospitanti jista’ jaħtar uffiċjal ta’ kollegament għal EUCAP Sahel Mali.

    Artikolu 12

    Appoġġ mill-Istat ospitanti u kuntratti

    1.   L-Istat ospitanti għandu jaqbel, jekk mitlub, li jgħin lil EUCAP Sahel Mali fis-sejba ta' faċilitajiet adatti.

    2.   L-Istat ospitanti għandu jipprovdi lil EUCAP Sahel Mali, mingħajr ħlas, faċilitajiet li tagħhom ikun is-sid, sa fejn dawn il-faċilitajiet ikunu meħtieġa għall-Missjoni.

    3.   Fil-limiti tal-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, l-Istat ospitanti għandu jgħin fit-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u l-appoġġ għal EUCAP Sahel Mali. L-assistenza u l-appoġġ għall-Missjoni mill-Istat ospitanti għandhom jingħataw mill-anqas bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk previsti għall-aġenti u l-ħarrieġa proprji tiegħu.

    4.   EUCAP Sahel Mali għandu jkollha l-kapaċità legali meħtieġa skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat ospitanti biex twettaq il-missjoni tagħha, u b'mod partikolari biex tiftaħ kontijiet bankarji u biex tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli u li tkun parti għal proċedimenti legali.

    5.   Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi minn EUCAP Sahel Mali fl-Istat ospitanti għandha tkun stabbilita fil-kuntratti msemmija.

    6.   Il-kuntratti jistgħu jistipulaw li l-proċedura tar-riżoluzzjoni tat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 16(3) u (4), għandha tkun applikabbli għat-tilwim li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' tali kuntratti.

    7.   L-Istat ospitanti għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kuntratti konklużi minn EUCAP Sahel Mali mal-entitajiet kummerċjali għall-finijiet tal-Missjoni.

    Artikolu 13

    Modifika tal-faċilitajiet

    1.   EUCAP Sahel Mali għandha tkun awtorizzata li tibni, tibdel jew b'mod ieħor timmodifika l-faċilitajiet kif meħtieġ għall-ħtiġijiet operattivi tagħha.

    2.   L-Istat ospitanti m'għandu jitlob lil EUCAP Sahel Mali l-ebda kumpens għal dan il-bini, tibdil jew modifiki.

    Artikolu 14

    Membri deċeduti tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali

    1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkollu d-dritt li jieħu r-responsabbiltà ta' u jagħmel l-arranġamenti xierqa għar-ripatrijazzjoni ta' kull membru deċedut tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali, kif ukoll kull proprjetà personali li kienet tad-deċedut.

    2.   M'għandha ssir awtopsja fuq ebda membru deċedut tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali mingħajr il-qbil tal-Istat li minnu ġej id-deċedut u jekk mhux fil-presenza ta' rappreżentant ta' EUCAP Sahel Mali u/jew dak l-Istat.

    3.   L-Istat ospitanti u EUCAP Sahel Mali għandhom jikkooperaw kemm jista' jkun bil-ħsieb li jiġi ripatrijat malajr persunal deċedut ta' EUCAP Sahel Mali.

    Artikolu 15

    Komunikazzjoni

    1.   EUCAP Sahel Mali tista' tinstalla u tħaddem stazzjonijiet li jibagħtu u jirċievu sinjali tar-radju, kif ukoll sistemi satellitari. Hija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti biex jiġi evitat kull konflitt fl-użu tal-frekwenzi adatti. L-Istat ospitanti għandu jagħti l-aċċess bla ħlas għall-ispettru tal-frekwenzi konformement mal-leġislazzjoni tiegħu fis-seħħ.

    2.   EUCAP Sahel Mali għandha tgawdi d-dritt għal komunikazzjoni bla restrizzjonijiet bir-radju (inkluż radju satellitari, mobbli jew tal-idejn), bit-telefon, bit-telegrafu, bil-faks u b'mezzi oħrajn, kif ukoll id-dritt li tinstalla t-tagħmir meħtieġ għaż-żamma ta' tali komunikazzjonijiet fi u bejn il-faċilitajiet ta' EUCAP Sahel Mali, inkluż it-tqegħid ta' cables u linji fissi għall-finijiet tal-Missjoni.

    3.   Fil-faċilitajiet tagħha EUCAP Sahel Mali tista' tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex titwassal il-posta indirizzata lil EUCAP Sahel Mali jew lill-persunal tagħha jew li tkun ġejja minn EUCAP Sahel Mali jew mill-persunal tagħha.

    Artikolu 16

    Talbiet ta' indennizz f'każ ta' mewt, korriment, dannu jew telf

    1.   EUCAP Sahel Mali u l-persunal tagħha, l-Unjoni Ewropea u l-Istati kontributuri m'għandhom ikunu responsabbli għall-ebda dannu jew telf ta' proprjetà ċivili jew tal-gvern relatati mal-ħtiġijiet operattivi jew ikkawżati mill-attivitajiet marbuta ma' diżordni ċivili jew mal-protezzjoni ta' EUCAP Sahel Mali.

    2.   Bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni bonarja, talbiet għall-indennizz jew telf ta' proprjetà ċivili mhux koperti mill-paragrafu 1, kif ukoll talbiet għal indennizz f'każ ta' mewt jew korriment ta' persuni u dannu jew telf ta' riżorsi, faċilitajiet jew mezzi ta' trasport ta' EUCAP Sahel Mali, għandhom jintbagħtu lil EUCAP Sahel Mali permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti, sa fejn huma kkonċernati t-talbiet imressqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat ospitanti, jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti, safejn huma konċernati t-talbiet imressqa minn EUCAP Sahel Mali.

    3.   Fejn ma tistax tinstab soluzzjoni bonarja, it-talba għandha tintbagħat lil kummissjoni ta' indennizz magħmula minn l-istess numru ta' rappreżentanti ta' EUCAP Sahel Mali u ta' rappreżentanti tal-Istat ospitanti. Is-soluzzjoni tat-talbiet għandha tintlaħaq bi qbil komuni.

    4.   Meta ma tkunx tista' tinstab soluzzjoni fil-kummissjoni ta' indennizz, it-tilwima għandha:

    (a)

    għal talbiet sal-ammont ta' 40 000 EUR, tiġi riżolta b'mezzi diplomatiċi bejn l-Istat ospitanti u r-rappreżentanti tal-UE;

    (b)

    għal talbiet akbar mill-ammont imsemmi fil-punt (a), titressaq quddiem tribunal tal-arbitraġġ, li d-deċiżjonijiet tiegħu għandhom ikunu vinkolanti.

    5.   It-tribunal tal-arbitraġġ għandu jkun magħmul minn tliet arbitri, li wieħed minnhom ikun maħtur mill-Istat ospitanti, ieħor ikun maħtur minn EUCAP Sahel Mali u t-tielet wieħed ikun maħtur b'mod konġunt mill-Istat ospitanti u EUCAP Sahel Mali. Fejn waħda mill-partijiet ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn jew fejn ma jistax jintlaħaq qbil bejn l-Istat ospitanti u EUCAP Sahel Mali dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, l-arbitru inkwistjoni għandu jinħatar mill-President ta' Qorti tal-Ġustizzja nominata permezz ta' qbil komuni bejn il-Partijiet.

    6.   Għandu jiġi konkluż arranġament amministrattiv bejn EUCAP Sahel Mali u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat ospitanti sabiex jiġu determinati t-termini tar-referenza tal-kummissjoni ta' indennizz u tat-tribunal tal-arbitraġġ, il-proċedura applikabbli fi ħdan dawn l-organi u l-kondizzjonijiet li bihom għandhom jiġu ppreżentati t-talbiet.

    Artikolu 17

    Kollegament u tilwim

    1.   Il-kwistjonijiet kollha marbutin mal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b'mod konġunt mir-rappreżentanti ta' EUCAP Sahel Mali u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.

    2.   Jekk ma jkunx hemm soluzzjoni minn qabel, it-tilwim rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi solvut esklużivament b'mezzi diplomatiċi bejn l-Istat ospitanti u r-rappreżentanti tal-UE.

    Artikolu 18

    Dispożizzjonijiet oħrajn

    1.   Kull meta dan il-Ftehim jirreferi għall-privileġġi, l-immunitajiet u d-drittijiet ta' EUCAP Sahel Mali u tal-persunal tagħha, il-Gvern tal-Istat ospitanti għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom u għall-konformità magħhom min-naħa tal-awtoritajiet lokali rilevanti tal-Istat ospitanti.

    2.   L-ebda dispożizzjoni ta' dan il-Ftehim ma hi maħsuba jew m'għandha tinftiehem li tidderoga minn kwalunkwe dritt li jista' jkollu Stat kontributur, bis-saħħa ta' ftehimiet oħrajn.

    Artikolu 19

    Arranġamenti ta’ implimentazzjoni

    Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta' arranġamenti separati li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kap tal-Missjoni u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat ospitanti.

    Artikolu 20

    Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

    1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data meta jiġi ffirmat u għandu jibqa' fis-seħħ sad-data tat-tluq tal-aħħar element u tal-aħħar membru tal-persunal ta' EUCAP Sahel Mali, kif ikun innotifikat minn EUCAP Sahel Mali.

    2.   Bidliet għal dan il-Ftehim għandhom isiru bil-kunsens reċiproku bil-miktub tal-partijiet. Dawn il-bidliet għandhom jitwettqu bħala protokolli separati, li jiffurmaw parti integrali ta' dan il-Ftehim u għandhom jidħlu fis-seħħ skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

    3.   It-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim m'għandux jaffettwa d-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta' dan il-Ftehim qabel tali terminazzjoni.

    4.   Mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, l-iskambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Mali, iffirmat f’Bamako fil-31 ta’ Ottubru 2014, jiskadi.

    Magħmul f’Bamako fis-seba’ jum ta’ Novembru tas-sena elfejn u dsatax, f'żewġ kopji oriġinali bil-lingwa Franċiża.

    GĦALL-UNJONI EWROPEA

    GĦALL-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-MALI


    (1)  ĠU L 113, 16.4.2014, p. 21.


    Top