Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22017D1463

Deċiżjoni Nru 1/2017 tal-Kumitat Speċjali UE-CARIFORUM dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Iffaċilitar tal-Kummerċ tas-7 ta' Lulju 2017 dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stabbiliti fil-Protokoll I tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tar-Repubblika Dominicana fir-rigward ta' ċerti prodotti tessili [2017/1463]

ĠU L 208, 11.8.2017, p. 53–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 06/07/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/1463/oj

11.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 208/53


DEĊIŻJONI Nru 1/2017 TAL-KUMITAT SPEĊJALI UE-CARIFORUM DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI U L-IFFAĊILITAR TAL-KUMMERĊ

tas-7 ta' Lulju 2017

dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stabbiliti fil-Protokoll I tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tar-Repubblika Dominicana fir-rigward ta' ċerti prodotti tessili [2017/1463]

IL-KUMITAT SPEĊJALI DWAR IL-KOOPERAZZJONI DOGANALI U L-IFFAĊILITAR TAL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, u b'mod partikulari l-Artikoli 39(2) u 42(b) tal-Protokoll I tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-CARIFORUM”) ilu japplika b'mod provviżorju bejn l-Unjoni Ewropea (l-UE) u Antigua u Barbuda, il-Bahamas, Barbados, il-Belize, Dominica, ir-Repubblika Dominicana, Grenada, il-Guyana, il-Ġamajka, Saint Kitts u Nevis, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, is-Suriname u Trinidad u Tobago sa mid-29 ta' Diċembru tal-2008 'l hawn.

(2)

Il-Protokoll I tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, li jittratta d-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, fih ir-regoli tal-oriġini għall-importazzjoni fl-UE ta' prodotti li joriġinaw fl-Istati tal-CARIFORUM.

(3)

Skont l-Artikolu 39(2) tal-Protokoll I tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, jistgħu jingħataw derogi minn dawk ir-regoli tal-oriġini meta l-iżvilupp ta' industriji eżistenti jew il-ħolqien ta' industriji ġodda fl-Istati tal-CARIFORUM ikun jiġġustifika l-adozzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 39(6)(b) ta' dak il-Protokoll jgħid li l-valutazzjoni tat-talbiet għal deroga għandha tqis b'mod partikulari dawk il-każijiet fejn l-applikazzjoni tar-regoli attwali tal-oriġini tkun taffettwa b'mod sinifikanti l-abilità ta' industrija attwali fl-Istat jew fl-Istati tal-CARIFORUM li tkompli bl-esportazzjoni tagħha lejn l-UE, b'referenza partikulari għall-każijiet meta dan jista' jwassal għall-waqfien tal-attivitajiet tagħha.

(4)

Fl-10 ta' Marzu tal-2015, il-Kumitat Speċjali UE-CARIFORUM dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ adotta d-Deċiżjoni Nru 1/2015 (2) li tagħti deroga mir-regoli ta' oriġini lil ċerti prodotti tessili importati fl-Unjoni mill-10 ta' Marzu 2015 sad-9 ta' Marzu 2017 skont l-Artikolu 39(2) u 39(6)(b) tal-Protokoll I tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika.

(5)

Fit-22 ta' Frar tal-2017, il-President tal-Kumitat Speċjali UE-CARIFORUM dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Iffaċilitar tal-Kummerċ irċieva talba ġdida għal deroga mingħand ir-Repubblika Dominicana.

(6)

Skont l-Artikolu 13 tal-Protokoll I tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika, il-kundizzjonijiet għall-kisba ta' status oriġinarju stabbiliti fit-Titolu II tal-Protokoll I għandhom jiġu ssodisfati mingħajr interruzzjoni fl-Istati tal-CARIFORUM jew fl-UE. Il-Haiti ffirma l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika imma la rratifikah u lanqas ma hu qiegħed japplikah b'mod provviżorju. Skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll I, il-ħasil, il-mogħdija jew l-ippressar tat-tessuti, it-twaħħil jew l-istampar ta' marki, tabelli u lowgows, it-tqegħid sempliċi f'boroż, bagalji jew kaxxi u t-taħlita ta' żewġ proċessi minn dawn jew aktar jitqiesu bħala ħidma jew ipproċessar insuffiċjenti sabiex jingħata l-istatus ta' prodotti oriġinarji. Għalhekk jenħtieġ li tingħata deroga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 u 13(1) tal-Protokoll I sabiex tingħata oriġini lill-prodotti finali esportati mir-Repubblika Dominicana lejn l-UE.

(7)

Ir-Repubblika Dominicana talbet deroga mir-regoli tal-oriġini stabbiliti fil-Protokoll I tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-CARIFORUM għal 180 647 qalziet, qalziet li jasal u jintrabat taħt l-irkoppa (breeches) u xorz tal-irġiel jew tas-subien magħmulin mid-denim li jidħlu fil-kodiċi 6203.42 tas-Sistema Armonizzata (SA), u li ġew importati fl-UE skont l-Artikolu 39(2) ta' dak il-Protokoll. It-talba tissejjes fuq il-fatt li l-industrija għadha f'sitwazzjoni diffiċli minħabba li x-xogħol u l-ipproċessar imwettqin fil-pajjiż ġar tal-Haiti qed jaffettwaw il-konformità mar-regoli tal-oriġini stipulati fil-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-CARIFORUM li l-Haiti għad irid jirratifika. Jekk ir-Repubblika Dominicana ma tkunx tista' tibqa' tagħmel dan ix-xogħol fil-Haiti, jiġu affettwati b'mod sinifikanti l-esportazzjonijiet kontinwi tal-industrija tat-tessuti tagħha lejn l-UE. Deroga ġdida tikkontribwixxi biex tkompli l-produzzjoni tal-industrija u biex din tkompli tiżviluppa, kif ukoll biex jiġu ppreservati l-impjiegi fir-Repubblika Dominicana u fil-Haiti. Ir-ratifika tal-Ftehim min-naħa tal-Haiti twassal biex il-partijiet ikkonċernati jkollhom l-istabbiltà tan-negozju u l-prevedibbiltà massima li għandhom bżonn.

(8)

It-talba tkopri perjodu ta' sentejn. Minħabba li l-Haiti għaddej bl-isforzi tiegħu biex jirratifika l-Ftehim matul l-2017, jenħtieġ li d-deroga tingħata għal sena sabiex ir-Repubblika Dominicana jkollha iktar żmien tħejji ruħha biex tikkonforma mar-regoli għall-kisba tal-oriġini u sabiex tkun żgurata l-prevedibbiltà għall-operaturi, sakemm il-Haiti jlesti l-proċess ta' ratifika tiegħu. Id-deroga tista' tiġġedded għal sena oħra jekk il-Haiti jkun għadu ma lestiex il-proċess ta' ratifika fl-aħħar tal-ewwel sena tad-deroga.

(9)

It-talba b'kollox tkopri 180 647 qalziet tad-denim li mistennija jiġu esportati lejn l-UE. Skont it-tagħrif li bagħtet ir-Repubblika Dominicana, bejn Marzu tal-2015 u Marzu tal-2016 ġew esportati skont id-deroga 161 634 prodott li kienu jidħlu fil-kodiċi tas-SA 6203.42. Jenħtieġ li l-kwantitajiet li għandhom jiġu allokati għall-2017 u għall-2018 ikunu konsistenti ma' dan l-użu. Sabiex tkun tista' tintuża bis-sħiħ u b'mod effettiv il-kwota annwali tal-esportazzjonijiet mistennija, huwa xieraq li jiġi previst ammont ta' 180 647 prodott fis-sena, li jħares il-kapaċità tal-industrija eżistenti li tkompli bl-esportazzjonijiet tagħha lejn l-UE.

(10)

Jenħtieġ li l-Kumitat Speċjali UE-CARIFORUM dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Iffaċilitar tal-Kummerċ jagħti deroga għal 180 647 qalziet, qalziet li jasal u jintrabat taħt l-irkoppa (breeches) u xorz tal-irġiel jew tas-subien magħmulin mid-denim li jidħlu fil-kodiċi tas-SA eks 6203.42 (il-kodiċi tan-NM 6203 42 31) li jiġu importati fl-Unjoni għal sena mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(11)

Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 (3) jistabbilixxi r-regoli għall-ġestjoni tal-kwoti tariffarji. Jenħtieġ li dawk ir-regoli jiġu applikati għall-ġestjoni tal-kwantità li għaliha qed tingħata d-deroga permezz ta' din id-Deċiżjoni.

(12)

Sabiex l-operat tad-deroga jkun jista' jiġi mmonitorjat b'mod effiċjenti, jenħtieġ li l-awtoritajiet tar-Repubblika Dominicana jibagħtu lill-Kummissjoni b'mod regolari d-dettalji taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 li jkunu nħarġu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

B'deroga mill-Protokoll I tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika u skont l-Artikolu 39(2) ta' dak il-Protokoll, il-qliezet, il-qliezet li jaslu u jintrabtu taħt l-irkoppa (breeches) u x-xorzijiet tal-irġiel jew tas-subien magħmulin mid-denim li jidħlu fil-kodiċi tas-SA eks 6203.42 (il-kodiċi tan-NM 6203 42 31) immanifatturati minn drapp mhux oriġinarju li jidħol fil-kodiċijiet tas-SA 5209.42 u 5513.19 (il-kodiċijiet tan-NM 5209 42 00 u 5513 19 00), li jkun inqata' fir-Repubblika Dominicana, ikun inħiet xi mkien 'il barra mit-territorju tal-Istati tal-CARIFORUM u wara jkun inħasel, ingħadda jew ġie ppressat u miegħu jkunu twaħħlu marki, tabelli u lowgows jew fuqu jkunu ġew stampati dawn l-affarijiet u jkun ġie ppakkjat fir-Repubblika Dominicana, għandhom jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fir-Repubblika Dominicana skont it-termini stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għal sena għall-prodotti u għall-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni li r-Repubblika Dominicana tiddikjara li huma għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-UE matul il-perjodu ta' bejn is-7 ta' Lulju 2017 u s-6 ta' Lulju 2018.

Artikolu 3

Il-kwantitajiet stabbiliti fl-Anness għandhom jiġu amministrati skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 4

L-awtoritajiet doganali tar-Repubblika Dominicana għandhom iwettqu verifiki kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1.

Qabel jintemm ix-xahar ta' wara kull perjodu ta' tliet xhur, l-awtoritajiet doganali tar-Repubblika Dominicana għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni Ewropea, permezz tas-Segretarjat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Iffaċilitar tal-Kummerċ, dikjarazzjoni tal-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu ċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 skont din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta' dawk iċ-ċertifikati.

Artikolu 5

Il-Kaxxa numru 7 taċ-ċertifikati tal-moviment EUR.1 li jinħarġu skont din id-Deċiżjoni għandha tinkludi waħda mill-indikazzjonijiet li ġejjin:

“Derogation — Decision No 1/2017 of the CARIFORUM-EU Special Committee on Customs Cooperation and Trade facilitation of 7 July 2017”;

“Dérogation — Décision no 1/2017 du Comité spécial de coopération douanière et de facilitation des échanges CARIFORUM-UE du 7 juillet 2017”;

“Excepción — Decisión no 1/2017 del Comité Especial CARIFORUM-UE de Cooperación Aduanera y Facilitación del Comercio del 7 de julio 2017”.

Artikolu 6

Jekk, abbażi ta' informazzjoni oġġettiva, l-UE tiskopri każijiet ta' irregolarità jew frodi jew ta' nuqqas ripetut ta' ħarsien tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni, tista' titlob li d-deroga msemmija fl-Artikolu 1 tiġi sospiża b'mod temporanju skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 20(4) u (5) tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-CARIFORUM.

Artikolu 7

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 tista' tiġġedded għal sena oħra permezz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat jekk il-Haiti jkun għadu ma lestiex il-proċess ta' ratifika sa tmiem l-ewwel sena tad-deroga, dejjem jekk, tliet xhur qabel ma jintemm dak il-perjodu, l-Istat tal-CARIFORUM ikkonċernat jibgħat provi li għadu ma jistax jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Protokoll I.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-7 ta' Lulju 2017.

Magħmul f'Georgetown u fi Brussell, is-7 ta' Lulju 2017

Percival MARIE

Rappreżentant tal-CARIFORUM

f'isem l-Istati tal-CARIFORUM

Jean-Michel GRAVE

Il-Kummissjoni Ewropea

f'isem l-Unjoni Ewropea


(1)  ĠU L 289, 30.10.2008, p. 3.

(2)  Deċiżjoni Nru 1/2015 tal-Kumitat Speċjali UE-Cariforum dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ tal-10 ta' Marzu 2015 dwar deroga mir-regoli ta' oriġini stabbiliti fil-Protokoll I tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Istati tal-CARIFORUM, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, biex titqies is-sitwazzjoni speċjali tar-Repubblika Dominicana fir-rigward ta' ċerti prodotti tessili [2015/600] (ĠU L 99, 16.4.2015, p. 34).

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558).


ANNESS

In-numru tal-ordni

Il-kodiċi tas-SA

Il-kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni tal-prodotti

Il-perjodu

Il-kwantità

(f'għadd ta' prodotti)

09.1950

Eks 6203.42

6203 42 31

Qliezet, qliezet li jaslu u jintrabtu taħt l-irkoppa (breeches) u xorzijiet tal-irġiel jew tas-subien tad-denim

Mis-7.7.2017 sas-6.7.2018

180 647


Top