EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22015D2263

Deċiżjoni Nru 3/2014 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Ġeorġja tas-17 ta' Novembru 2014 dwar id-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ [2015/2263]

ĠU L 321, 5.12.2015, p. 72–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2263/oj

5.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/72


DEĊIŻJONI Nru 3/2014 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ĠEORĠJA

tas-17 ta' Novembru 2014

dwar id-delega ta' ċerti setgħat mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ [2015/2263]

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-ĠEORĠJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”) u b'mod partikolari l-Artikolu 406(3) u l-Artikolu 408(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 431 tal-Ftehim, partijiet tal-Ftehim ġew applikati provviżorjament mill-1 ta' Settembru 2014,.

(2)

Skont l-Artikolu 404(1) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni huwa responsabbli sabiex jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Ftehim.

(3)

Skont l-Artikolu 408(2) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jista' jiddelega lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni kull waħda mis-setgħat li għandu, inkluża s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet vinkolanti.

(4)

Skont l-Artikolu 408(4) tal-Ftehim, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għandu jiltaqa' f'konfigurazzjoni speċifika sabiex jindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati mat-Titolu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni bla xkiel u f'waqtha tal-parti tal-Ftehim relatata maż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Profonda u Komprensiva, huwa xieraq li l-Kunsill ta' Assoċjazzjoni jiddelega s-setgħa tal-aġġornament jew l-emendament tal-Annessi tal-Ftehim li jikkonċernaw il-Kapitoli 1, 3, 5, 6 u 8 tat-Titlu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stipulat fl-Artikolu 408(4) tal-Ftehim, sa fejn ma hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi f'dawk il-Kapitoli tal-Ftehim relatati mal-aġġornament jew l-emendament ta' dawk l-Annessi tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni b'dan jiddelega s-setgħa tal-aġġornament jew l-emendament tal-Annessi tal-Ftehim li jikkonċernaw il-Kapitoli 1, 3, 5, 6 (Anness XV-C tal-Ftehim) u 8 tat-Titlu IV (Kummerċ u Kwistjonijiet relatati mal-Kummerċ) tal-Ftehim lill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni tal-Kummerċ, kif stipulat fl-Artikolu 408(4) tal-Ftehim, sa fejn ma hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi f'dawk il-Kapitoli relatati mal-aġġornament jew l-emendament ta' dawk l-Annessi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2014.

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni

Il-Presidenza

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.


Top