Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 21999A0116(01)

    Anness ir-regoli li jirrigwardaw il-kondotta tal-konciljazzjoni ftilwin dwar transitu

    ĠU L 11, 16.1.1999, p. 39–44 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1999/37/oj

    Related Council decision

    21999A0116(01)



    Official Journal L 011 , 16/01/1999 P. 0039 - 0044


    ANNESS

    IR-REGOLI LI JIRRIGWARDAW IL-KONDOTTA TAL-KONĊILJAZZJONI F'TILWIM DWAR TRANSITU

    Dawn ir-Regoli, adottati mill-Konferenza dwar il-Karta dwar l-Enerġija skond l-Artikolu 7(7)(f) tat-Trattat dwar il-Karta dwar l-Enerġija, japplikaw għall-konċiljazzjoni ta' tilwim skond l-Artikolu 7(7)(a)-(c) ta' dan it-Trattat.

    It-termini wżati f'dawn ir-Regoli għandu jkollhom l-istess tifsira bħal fit-Trattat dwar il-Karta dwar l-Enerġija u l-Artikoli riferiti għalihom għandhom ikunu dawk tat-Trattat.

    Regola 1: In-notifika ta' tilwima

    1. Ir-riferiment ta' tilwima lis-Segretarju-Ġenerali minn Parti Kontraenti għandu jkun bil-miktub u għandu jidentifika lill-partijiet fit-tilwima ("il-Partijiet"); għandu jqassar f'sommarju l-fatti rilevanti u l-bażi tal-pretensjoni tal-Parti Kontraenti u għandu jikkonferma l-eżawriment tar-rimedji kollha rilevanti kontrattwali jew tas-soluzzjonijiet kollha dwar it-tilwima miftiehma minn qabel bejn il-Partijiet Kontraenti li jagħmlu parti mit-tilwima jew bejn l-entitajiet bla ħsara għall-kontroll jew il-ġurisdizzjoni tal-Partijiet Kontraenti partijiet fid-disputa.

    2. Malli jkun prattikabbli wara li jkun irċieva n-notifika ta' riferiment, is-Segretarju-Ġenerali għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti kollha għat-Trattat dwar il-Karta dwar l-Energija bl-eżistenza tar-riferiment u jistedinhom jindikaw jekk iqisux lilhom infushom bħala waħda jew l-oħra mill-partijiet Kontraenti interessati bil-għan li jinħatar konċiljatur skond l-Artikolu 7(7)(b). Il-għamla tan-notifika lill-Partijiet Kontraenti hija materja tas-Segretarju-Ġenerali, imma s-Segretarju Ġenerali għandu jiżgura illi jiġi provdut tagħrif biżżejjed sabiex jgħin lill-Partijiet Kontraenti li jagħmlu l-istima meħtieġa ta' l-interess tagħhom.

    3. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jibgħat kopja tan-notifika miktuba dwar ir-riferiment tat-tilwima lil kull Parti Kontraenti identifikata fiha bħala Parti. Is-Segretarju Ġenerali jista' jistieden kull Parti li tiġi identifikata fir-riferiment sabiex tissottometti dikjarazzjoni bħala tweġiba biex tiddaħħal fil-materjal li jkun irid jiġi provdut lill-konċiljatur mal-ħatra tiegħu jew tagħha. Din il-Parti m`hiex marbuta li tħares din it-talba.

    Regola 2: Il-ħatra ta' konċiljatur

    1. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jiddeċiedi dwar il-forma xierqa tal-konsultazzjonijiet rigward il-ħatra tal-konċiljatur. Huwa u jagħmel il-ħatra, is-Segretarju-Ġenerali għandu jqis b'mod partikolari l-importanza li jaħtar konċiljatur li:

    (i) igawdi, jew x'aktarx li jgawdi, l-fiduċja tal-Partijiet;

    (ii) irid ikun indipendenti u imparzjali;

    (iii) irid jevita l-konflitti ta' interess attwali jew fid-deher;

    (iv) irid jirrispetta l-ħtiġiet ta' kunfidenza ta' dawn ir-Regoli; u

    (v) irid imexxi l-proċeduri f'manjiera li tiżgura l-integrità u l-fama tajba tal-proċedura tal-konċiljazzjoni.

    2. Id-deċiżjoni tas-Segretarju-Ġenerali fil-ħatra ta' persuna partikolari hija finali, bla ħsara għar-Regola 4(1).

    3. Mal-waqt tal-ħatra, l-konċiljatur għandu jiffirma d-dikjarazzjoni miġjuba fl-Appendiċi 1 u għandu jizvela kull informazzjoni li tista' tkun raġjonevolment mistennija li hu jew hi ikunu jafu biha dak il-ħin u li x`aktarx jista' jaffettwa jew joħloq dubji ġustifikabbli dwar l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħu jew tagħha. L-iżvelar għandu jinkludi t-tip ta' tagħrif deskritt fil-Lista Illustrattiva fl-Appendiċi 2.

    4. It-termini tal-ħatra tal-konċiljatur għandhom jinkludu dikjarazzjoni mis-Segretarju-Ġenerali ta' l-opinjoni tiegħu dwar il-Partijiet u dwar il-Partijiet Kontraenti l-oħra interessati għall-għanijiet tad-dikjarazzjoni tal-konċiljatur u biex tgħarraf lill-konċiljatur b'kull tagħrif rilevanti għall-konċiljazzjoni.

    5. Jekk is-Segretarju-Ġenerali jagħżel b'mod konformi ma' l-Artikolu 7(7)(e) li ma jaħtarx konċiljatur, hu jew hi għandhom jgħarrfu lill-Partijiet u lill-Partijiet Kontraenti interessati bid-deċiżjoni bil-miktub tiegħu jew tagħha malajr kemm jista' jkun.

    Regola 3: Riżenja, mewt jew inkapaċità tal-konċiljatur

    1. Konċiljatur jista' jirriżenja billi jagħti jew tagħti r-riżenja tiegħu jew tagħha lis-Segretarju-Ġenerali.

    2. Jekk konċiljatur jirriżenja/tirriżenja, imut/tmut jew, fl-opinjoni tas-Segretarju-Ġenerli, isir/issir inkapaċitat/a jew ma jkunx/tkunx jista'/tista' jaqdi/taqdi d-dmirijiet tiegħu jew tagħha, s-Segretarju-Ġenerali għandu mill-ewwel jinnotifika bil-fatt lill-Partijiet jew lill-Partijiet Kontraenti l-oħra. Il-proċeduri għandhom jitqiesu sospiżi għall-għan tal-limitu taż-żmien fl-Artikolu 7(7)(c).

    3. Wara li jikkunsidra l-istadju partikolari milħuq fil-proċeduri, is-Segretarju-Ġenerali jista jinkoraġġixxi lill-Partijiet biex jiftiehmu dwar l-aktar metodu mgħaġġel ta' kif għandhom jipproċedu.

    4. Is-Segretarju-Ġenerali, f'konsultazzjoni mal-Partijiet jew mal-Partijiet Kontrattati l-oħra interessati, għandu jaħtar konċiljatur ġdid malajr kemm jista' jkun, imma f'kull każ mhux aktar tard minn 30 jum wara r-riżenja, il-mewt jew l-inkapaċità tal-konċijatur. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jipprovdi lill-konċiljatur il-ġdid bix-xhieda, inklużi d-dikjarazzjonijiet u l-materjali, miġbura matul il-kors tal-proċeduri tal-konċiljazzjoni.

    5. Is-Segretarju-Ġenerali jista', bħala parti mit-termini tal-ħatra ta' konċiljatur ġdid, jistabbilixxi, jekk ikun meħtieġ, limitu taż-żmien għall-kondotta tal-konċiljazzjoni. Il-limitu taż-żmien jista' jirrifletti l-qbil bejn il-Partijiet jew, fin-nuqqas ta' qbil bejniethom, il-ġudizzju tas-Segretarju-Ġenerali rigward l-iktar limitu xieraq taż-żmien filwaqt li jqis l-istadju partikolari tal-proċeduri, ċ-ċirkustanzi tat-tilwima u l-għan immedjat ta' soluzzjoni mgħaġġla tat-tilwima.

    Regola 4: L-iskwalifika tal-konċiljatur

    1. Kull Parti jew Parti Kontraenti oħra interessata li tkun ġiet, jew tiġi fil-pussess ta' xhieda dwar il-kondotta tal-konċiljatur li tkun inkonsistenti mal-kondotta indipendenti u imparzjali tal-konċiljazzjoni, inkluz li tiġi evitata l-apparenza ta' konflitt ta' interess, għandhom mill-ewwel jinfurmaw bil-kitba lis-Segretarju-Ġenerali.

    2. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jiddeċiedi bil-ħeffa kemm jista' jkun, wara li jikkunsidra l-ħtieġa li jippermetti lill-konċiljatur li jwieġeb, jekk il-konċiljatur għandux jiġi skwalifikat. Is-Segretarju-Ġenerali jista' jiddeċiedi li jissospendi l-proċeduri temporanjament. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jagħti parir lill-Partijiet u lill-Partijiet Kontraenti interessati dwar id-deċiżjoni tiegħu jew tagħha rigward l-iskwalifika tal-konċiljatur.

    3. Wara li jikkunsidra l-istadju partikolari milħuq fil-proċeduri, is-Segretarju-Ġenerali jista' jinkoraġġixxi lill-Partijiet biex jiftiehmu dwar il-metodu l-iktar bil-ħeffa tal-proċeduri.

    4. F'konsultazzjoni mal-Partijiet u mal-Partijiet Kontraenti l-oħra interessati, is-Segretarju-Ġenerali għandu jaħtar konċiljatur ġdid malajr kemm jista' jkun, imma f'kull każ mhux iktar tard minn 30 jum mid-data ta' l-iskwalifika tiegħu bħala konċiljatur. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jipprovdi lill-konċiljatur il-ġdid bix-xhieda, inklużi d-dikjarazzjonijiet u l-materjali, miġbura matul il-kors tal-proċeduri tal-konċiljazzjoni. F`konsultazzjoni mal-Partijiet, il-konċiljatur il-ġdid għandu jistabbilixxi kif din ix-xhieda tista' tiġi wżata.

    5. Bħala parti mit-termini tal-ħatra ta' konċiljatur ġdid, is-Segretarju-Ġenerali jista' jistabbilixi, jekk ikun meħtieġ, limitu taż-żmien għall-kondotta tal-konċiljazzjoni. Il-limitu taż-żmien jista' jirrifletti l-qbil bejn il-Partijiet jew, fin-nuqqas ta' qbil bejniethom, il-ġudizzju tas-Segretarju-Ġenerali rigward l-iktar limitu xieraq taż-żmien filwaqt li jqis l-istadju partikolari tal-proċeduri, iċ-ċirkustanzi tal-kontroversja u l-għan immedjat għal soluzzjoni bil-ħeffa tal-kontroversja.

    Regola 5: It-tmexxija tal-proċeduri tal-konċiljazzjoni

    1. Il-konċiljatur għandu jmexxi l-proċeduri tal-konċiljazzjoni f'tali manjiera illi huwa jew hija jikkunsidraw xierqa, bla ħsara għar-Regoli u għall-prinċipji ta' l-imparzjalità, l-ekwità u l-ġustizzja.

    2. Ma' l-ewwel opportunità, il-konċiljatur għandu jikkonsulta lill-Partijiet identifikati fir-riferiment sabiex jaċċerta ruħu mill-fehmiet tagħhom rigward il-materja u sabiex jiżgura illi l-Partijiet ikunu identifikati kif jixraq mill-bidu tal-proċeduri. Dan jista' jsir bil-mezzi li l-konċiljatur jikkunsidra l-iktar xierqa, inklużi permezz ta' kwestjonarji, konferenzi, smigħ jew is-sottomissjoni ta' materjal bil-kitba jew b'mod ieħor.

    3. Il-konċiljatur għandu jiżgura illi kull tagħrif provdut lilu jew lilha minn Parti jkun disponibbli lill-Parti jew lill-Partijiet l-oħra. Il-konċiljatur jista' jagħmel eċċezjoni għar-regola dwar it-tagħrif bis-sħiħ fejn hu jew hi jistabbilixxu illi t-tagħrif involut fil-kwistjoni huwa kummerċjalment kunfidenzjali u li l-Parti interessata provdiet raġunijiet għaliex l-iżvelar ikun ta' ħsara għall-interessi tagħha (il-Parti).

    4. Wara li jikkonsulta lill-Partijiet, il-konċiljatur għandu jistabbilixxi l-post tal-laqgħa jew tat-teħid ta' dikjarazzjonijiet bil-fomm, filwaqt li jqis iċ-ċirkustanzi mal-proċeduri tal-konċiljazzjoni u l-ħtieġa li jitrażżnu l-ispejjeż tal-proċeduri. Il-konċiljatur għandu jikkunsidra kemm ikun mixtieq li jintużaw il-faċilitajiet tas-Segretarjat tal-Karta dwar l-Enerġija u, bi qbil mal-Partijiet, jista' jagħmel l-arranġamenti mas-Segretarju-Ġenerali dwar dan l-użu.

    Regola 6: Ir-rappreżentanza u l-għajnuna

    Il-Partijiet jistgħu jiġu rappreżentati jew megħjuna minn persuni tal-għażla tagħhom. L-ismijiet u l-indirizzi ta' dawn il-persuni għandhom jiġu komunikati bil-miktub lill-Parti jew lill-Partijiet l-oħra, lill-konċiljatur u lis-Segretarju-Ġenerali.

    Regola 7: Ix-xhieda u l-esperti

    1. Il-konċiljatur jista' jitlob ix-xhieda jew il-parir espert mingħand persuni li jkollhom tagħrif jew kompetenza fis-sengħa rilevanti għat-tilwima. Din ix-xhieda jew dan il-parir għandhom ikunu disponibbli lill-Partijiet.

    2. Kull Parti, f'kull stadju tal-proċeduri, tista' titlob lill-konċiljatur biex jisma' lix-xhieda u lill-esperti li x-xhieda tagħhom titqies rilevanti mill-Parti. Il-konċiljatur għandu jistabbilixxi żmien li fih għandu jsir dan is-smiegħ.

    3. Ix-xhieda u l-esperti għandhom jiġu eżaminati mill-konċiljatur. Jistgħu jsiru ukoll mistoqsijiet mill-Partijiet taħt il-kontroll tal-konċiljatur.

    4. Uffiċjal ta' Parti jista', jekk ikun hekk awtorizzat, jidher bħala xhud jew bħala espert u jipproduċi dak it-tagħrif li jista' jkun meħtieġ għall-proċeduri. It-talba għal dehra għandha tindika speċifikament dwar liema materji u f'liema kapaċità jiġi mistoqsi l-uffiċjal.

    5. Jekk xhud jew espert ma jkunux jistgħu jidhru fil-post tas-smiegħ, il-konċiljatur jista', bi qbil mal-Partijiet l-oħra, jagħmel arranġamenti xierqa sabiex ix-xhieda tingħata f'depożizzjoni bil-miktub jew tittieħed b'eżaminazzjoni minn xi mkien ieħor. Il-Partijiet għandhom jirċievu kopja ta' kull depożizzjoni bil-miktub minn dawn jew għandu jkollhom id-dritt li jieħdu sehem f'kull eżaminazzjoni minn din.

    Regola 8: L-għajnuna amministrattiva

    Sabiex tiġi faċilitata l-kondotta tal-proċeduri tal-konċiljazzjoni, il-konċiljatur jista', bi qbil mal-Partijiet, jirranġa għal għajnuna amministattiva jew teknika mis-Segretarjat tal-Karta dwar l-Enerġija jew mingħand kull istituzzjoni jew persuna oħra xierqa.

    Regola 9: Il-koperazzjoni tal-partijiet mal-konċiljatur

    1. Il-Partijiet għandhom jikkooperaw b'rieda tajba mal-konċiljatur u, partikolarment, fuq it-talba tiegħu jew tagħha, għandhom jippreżentaw id-dokumenti, t-tagħrif u l-ispjegazzjonijiet kollha rilevanti kif ukoll jużaw il-mezzi għad-disposizjoni tagħhom sabiex jgħinu lill-konċiljatur li jisma' lix-xiehda u lill-esperti li hu jew hija jixtiequ li jsejħu. Il-Partijiet għandhom ukoll jiffaċilitaw il-viżti u l-investigazzjonijiet f'kull post konness mat-tilwima illi l-konċiljatur ikun jixtieq li jidħol għalihom.

    2. Il-Partijiet għandhom jikkonformaw ma' kull limitu taż-żmien miftiehem mal-konċiljatur jew stabilit minnu.

    Regola 10: Il-proposti għas-soluzzjoni tat-tilwima

    1. Fuq l-inizjattiva tagħha jew fuq stedina mill-konċiljatur, Parti tista' tissottometti proposti lill-konċiljatur għas-soluzzjoni tat-tilwima.

    2. Il-konċiljatur jista' jagħmel proposti dwar is-soluzzjoni tat-tilwima f'kull stadju tal-proċeduri.

    Regola 11: Il-ftehim bejn il-Partijiet

    1. Ftehim bejn il-Partijiet dwar is-soluzzjoni tat-tilwima jew dwar proċedura sabiex tinkiseb din is-soluzzjoni għandu jsir bil-kitba u bil-firma tal-Partijiet.

    2. Il-konċiljatur ġħandu jgħarraf lis-Segretarju-Ġenerali bil-kitba dwar il-fatt illi ntlaħaq ftehim bejn il-Partijiet. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jinnotifika lill-Partijiet Kontratanti kollha għat-Trattat dwar il-kwarta dwar l-enerġija illi ntlaħaq dan il-ftehim.

    Regola 12: Ir-rakkomandazzjoni/deċiżjoni tal-konċiljatur

    1. Fejn il-partijiet ma jilħqux ftehim fil-limitu taż-żmien provdut fl-Artikolu 7(7)(ċ) jew fir-Regoli 3(5) jew 4(5), il-konċiljatur għandu:

    (a) jirreġistra/tirreġistra bil-kitba r-rakkomandazzjoni tiegħu jew tagħha jew għal soluzzjoni tal-kontroversja jew għal proċedura sabiex tinkiseb din is-soluzzjoni u d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha dwar tariffi interim jew termini u kondizzjonijiet li jridu jiġu osservati għat-Transitu inkluża d-data dwar meta jridu jidħlu f'effett.

    (b) jinkludi/tinkludi dikjarazzjoni dwar ir-raġunjiet tar-rakkomandazzjoni u d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha; u

    (ċ) jipprovdi/tipprovdi kopji iffirmati dwar ir-rakkomandazzjoni u d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha lill-Partijiet u lis-Segretarju-Ġenerali.

    2. Is-Segretarju-Ġenerali għandu:

    (a) jiddepożita kopja tar-rakkomandazzjoni u tad-deċiżjoni fl-arkivji tas-Segretrajat;

    (b) jinnotifika lill-Partijiet Kontraenti bil-fatt illi tkun saret rakkommandazzjoni u ttieħdet deċiżjoni dwar it-tariffi interim.

    Regola 13: It-tmiem tal-proċeduri tal-konċiljazzjoni

    Il-proċeduri tal-konċiljazzjoni jintemmu bi:

    (a) il firma ta' ftehim mill-Partijiet skond ir-Regola 11; jew

    (b) l-għemil tar-rakkomandazzjoni u tad-deċiżjoni dwar it-tariffi interim mill-konċiljatur skond ir-Regola 12.

    Regola 14: Lingwi

    1. Wara li jikkonsulta lill-Partijiet, il-konċiljatur għandu jiddeċiedi f'liema lingwa jew lingwi għandu jmexxi l-proċeduri.

    2. Jekk il-konċiljatur jiddeċiedi li juża aktar minn lingwa waħda, kull dokument jista' jiġi provdut f'lingwa waħda jew fl-oħra. Tista' tintuża lingwa waħda jew oħra fis-smiegħ, bla ħsara, jekk il-konċiljatur hekk jiddeċiedi, għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni. Il-konċiljatur għandu jiżgura illi r-rakkomandazzoni u d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha jkunu disponibbli fil-lingwa jew lingwi li huwa jew hija jkunu iddeċidew għall-proċeduri.

    Regola 15: Spejjeż

    1. Il-konċiljatur jista' jitlob lill-Partijiet sabiex jiddepożitaw ammont bħala kapparra konnessa ma l-ispejjeż deskritti fis-sotto-paragrafi 2(a) sa (d). L-ammonti kollha depożitati mill-Partijiet skond dan il-paragrafu għandhom jitħallsu lis-Segretarju-Ġenerali li għandu jagħmel l-izburżar għal dawk l-ispejjeż imniżżla fil-lista fil-paragrafu (2)

    2. Mat-tmiem tal-proċeduri tal-konċiljazzjoni, l-konċiljatur għandu jistabbilixxi l-ispejjeż tal-konċiljazzjoni u jinnotifika bil-kitba lill-Partijiet u lis-Segretarju-Ġenerali b'dawn l-ispejjeż. It-terminu "spejjeż" jinkludi biss:

    (a) id-dritt tal-konċiljatur, li għandu jiġi stabbilit mal-waqt tal-ħatra mis-Segretarju-Ġenerali, b'mod konformi mar-Regolament 14 tar-Regolamenti Amministrattivi u Finanzjarji taċ-Ċentru Internazzjonali tal-Qtugħ tal-Kontroversji dwar l-Investimenti;

    (b) l-ispejjiż tal-vjaġġi u spejjeż oħra tal-konċiljatur;

    (ċ) l-ispejjeż tal-vjaġġi u spejjeż oħra tax-xiehda jew l-esperti mitluba mill-konċiljatur skond ir-Regola 7(1);

    (d) l-ispejjeż assoċjati ma' l-użu tal-faċilitajiet għat-tmexxija tas-smiegħ, għajr dawk dwar l-użu tal-fond tas-Segretarjat tal-Karta dwar l-Enerġija;

    (e) in-nefqa fuq kull għajnuna amministrattiva provduta skond ir-Regola 8 minn persuna jew istituzzjoni għajr is-Segretarjat tal-Karta dwar l-Enerġija; u

    (f) in-nefqiet magħmula matul il-proċeduri għat-traduzzjoni u/jew l-interpretazzjoni skond ir-Regola 14.

    3. Jekk kemm-il darba l-ftehim konkluż mill-Partijiet skond ir-Regola 11 ma jipprovdix għall-qsim ta' l-ispejjeż, il-konċiljatur għandu jaqsam l-ispejjeż bejn il-Partijiet, filwaqt li jżomm f'moħħu ċ-ċirkustanzi partikolari tal-proċeduri, u għandu jinnotifika lill-Partijiet u lis-Segretarju-Ġenerali bid-deċiżjoni tiegħu jew tagħha bil-miktub. L-ispejjeż l-oħra minfuqa minn Parti għandhom jinġarru minn din il-Parti.

    4. Is-Segretarju-Ġenerali għandu jagħti rendikont lill-Partijiet dwar id-depożiti rċevuti u jagħti lura kull bilanċ mhux mistenni lill-Partijiet jew jitlob ħlas finali filwaqt li jqis id-deċiżjoni tal-konċijatur dwar il-qsim ta' l-ispejjeż.

    Regola 16: Kunfidenzjalita

    1. Xejn f'dawn ir-regoli ma jidderoga mir-regoli legali tal-Partijiet rigward it-trattament ta' tagħrif kunfidenzjali, inkluż dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali.

    2. Kull Parti li tirrifjuta li tipprovdi tagħrif kunfidenzjali bi tweġiba għal talba skond ir-Regoli 5 jew 7 għandha tipprovdi r-raġunijiet u sommarju mhux kunfidenzjali tat-tagħrif li jista' jintuża fil-proċeduri. Fejn issir eċċezzjoni għar-regola dwar it-tikxif sħiħ skond ir-Regola 5(3), il-Parti interessata għandha wkoll tipprovdi sommarju mhux kunfidenzjali tat-tagħrif lill-Parti jew Partijiet l-oħra fil-għamla li tista' tintuża fil-proċeduri

    3. Il-konċiljatur, il-Partijiet u l-persuni kollha involuti fil-proċeduri tal-konċiljazzjoni tkun xi tkun il-parti tagħhom għandhom iżommu kunfidenzjali l-materji kollha li jkollhom x'jaqsmu mal-proċeduri tal-konċiljazzjoni. It-tagħrif miġbur fil-kors ta' dawn il-proċeduri għandu jiġi wżat biss għall-għanijiet ta' dawn il-proċeduri. Il-kunfidenzjalita tinfirex għal fuq it-termini tal-ftehim bejn il-Parijiet skond ir-Regola 11 u r-rakkomandazzjoni u d-deċiżjoni tal-konċiljatur skond ir-Regola 12, għajr jekk il-Partijiet jiftiehmu xorta oħra jew jekk it-tikxif ikun meħtieġ għall-għanijiet ta' l-implimentazzjoni u l-infurzar.

    Regola 17: Ir-Rwol ta' Konciljatur fi proceduri ohrajn

    Il-konċiljatur ma għandux jaġixxi ta' arbitratur jew bħala rappreżentant jew bħala avukat f'arbitraġġ jew fi proċeduri ġudizzjarji rigward disputa li tkun is-suġġett tal-proċeduri ta' konċiljazzjoni. Il-Partijiet u l-Partijiet Kontraenti l-oħra interessati ma għandhomx iressqu lill-konċiljatur bħala xhud fi proċeduri minn dawn.

    Regola 18: Ammissibbilità ta' xhieda fi proċeduri oħra

    Il-Partijiet ma għandhomx iserrħu fuq jew idaħħlu bħala xhieda kull proċediment arbitrali, ġudizzjarju jew amministrattiv, sewwa jekk dawn il-proċeduri jkollom x'jaqsmu mad-disputa li tkun is-suġġett ta' proċeduri ta' konċiljazzjoni u sewwa jekk le:

    (a) il-fehmiet espressi jew suġġerimenti magħmula minn kull Parti rigward is-soluzzjoni possibbli tal-kontroversja;

    (b) l-ammissjonijiet magħmula minn kull Parti fil-kors tal-proċeduri tal-konċiljazzjoni;

    (ċ) il-proposti magħmula mill-konċiljatur; jew

    (d) il-fatt illi Parti tkun indikat ir-rieda tiegħu jew tagħha li taċċetta proposta għas-soluzzjoni magħmula mill-konċiljatur.

    --------------------------------------------------

    Appendiċi 1

    Nru tal-Konċiljazzjoni.: …

    DIKJARAZZJONI

    Jiena qrajt u ħadt nota tar-Regoli li jappartjenu għall-Kondotta tal-Konċiljazzjoni ta' tilwim ta' Transitu u għandi niżgura illi l-proċeduri tal-konċiljazzjoni jiġu kondotti b'mod konformi ma' dawn ir-Regoli. Għandi nikkunsidra biss il-kwistjonijiet imqajma u dawk meħtieġa għat-twettiq tar-responsabbilitajiet tiegħi skond dawn ir-Regoli.

    Jiena għandi nżomm kunfidenzjali kull tagħrif li jasal ghall-għarfien tiegħi bħala riżultat tas-sehem tiegħi f'din il-proċedura, kif ukoll il-kontenut ta' kull ftehim bejn il-Partijiet f'din id-disputa skond i-Regola 11 jew kull rakkomandazzjoni u deċiżjoni li jiena nista' nagħmel skond ir-Regola 12.

    Ma għandi naċċetta l-ebda struzzjoni jew kumpens rigward il-proċedura minn kull sors għajr kif provdut fir-Regolamenti u fit-termini tal-ħatra tiegħi mis-Segretarju Ġenerali.

    M'għandix naġixxi bħala arbitratur jew rappreżentant jew avukat fi proċeduri arbitrali jew ġudizzjarji rigward disputa li tkun is-suġġett ta' dawn il-proċeduri ta' konċiljazzjoni.

    Nistqarr hawnhekk [1] kull tagħrif li x'aktarx jaffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità tiegħi jew li jista' jqajjem dubji ġustifikabbli dwar l-integrità u l-imparzjalità ta' dawn il-proċeduri ta' konċiljazzjoni u għandi mill-ewwel ngħarraf lis-Segretaru-Ġenerali dwar kull bidla fiċ-ċirkustanzi tiegħi li tista' tkun rilevanti għall-qadi tal-funzjoni tiegħi bħala konċiljatur.

    Fil-każ tar-riżenja tiegħi jew jekk ma nkunx kapaċi nwassal il-proċeduri tal-konċiljazzjoni fit-tmiem, għandi nagħti lura d-dokumenti u l-materjali kollha li jkunu ġew fil-pussess tiegħi bħala kosegwenza tal-ħatra tiegħi is-Segretarju-Ġenerali.

    Iffirmat: | Data: |

    [1] Jekk xieraq, l-anness mill-konciljatur

    --------------------------------------------------

    Appendiċi 2

    LISTA ILLUSTRATTIVA TAT-TAGĦRIF LI JRID JIĠI MGĦARRAF

    Din il-lista fiha eżempji ta' tagħrif tat-tip li l-konċiljatur maħtur rigward kontroversja ta' transitu għandu jikxef skond ir-regoli.

    Kull konċiljatur għandu d-dmir ma jaqta' xejn li jiżvela t-tagħrif deskritt fir-Regola 2(3) li jista' jinkludi dan li ġej:

    (a) interessi finanzjari (p.e. investimenti, self, ishma, imgħaxijiet, djun oħra); interessi tan-negozju (p.e. interessi ta' direttur jew interessi oħra kontrattwali); u interessi proprjetarji rilevanti tat-tilwima fil-kwistjoni;

    (b) interessi professjonali (pe. konnessjoni passata jew preżenti ma' klijenti privati, jew kull interess li l-persuna jista' jkollha fi proċeduri domestiċi jew internazzjonali, u l-implikazzjonijiet tagħhom, fejn dawn jinvolvu kwistjonijiet bħal dawk indirizzati fit-tilwima fil-kwistjoni);

    (ċ) interessi oħra attivi (p.e. parteċipazzjoni attiva fi gruppi ta' interessi pubbliċi jew organizzazzjonijiet oħra li jista' jkollhom aġenda dikjarata rilevanti għall-kontroversja fil-kwistjoni);

    (d) dikjarazzjonijiet meqjusa ta' opinjoni personali dwar kwistjonijiet rilevanti għad-disputa fil-kwistjoni (p.e. pubblikazzjonijiet, dikjarazzjonijiet pubblici);

    (e) xogħol jew interessi tal-familja (p.e. il-possibbilità ta' kull vantaġġ indirett jew ta' kull possibbilità ta' pressjoni li tista' titqajjem minn min iħaddem lill-konċiljatur, minn imsieħba fin-negozju jew minn membri mill-qrib tal-familja.)

    --------------------------------------------------

    Top