Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018R1108

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/1108 tas-7 ta' Mejju 2018 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bi standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji għall-ħatra ta' punti ta' kuntatt ċentrali għall-emittenti tal-flus elettroniċi u l-fornituri tas-servizzi ta' pagament u b'regoli dwar il-funzjonijiet tagħhom (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2018/2716

ĠU L 203, 10.8.2018, pp. 2–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2018/1108/oj

10.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 203/2


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/1108

tas-7 ta' Mejju 2018

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bi standards tekniċi regolatorji dwar il-kriterji għall-ħatra ta' punti ta' kuntatt ċentrali għall-emittenti tal-flus elettroniċi u l-fornituri tas-servizzi ta' pagament u b'regoli dwar il-funzjonijiet tagħhom

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 45(11) tagħha,

Billi:

(1)

L-emittenti tal-flus elettroniċi u l-fornituri tas-servizzi ta' pagament jistgħu jaħtru punti ta' kuntatt ċentrali biex jiżguraw, f'isem istituzzjonijiet tal-ħatra, il-konformità mar-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u biex jiffaċilitaw is-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti. L-Istati Membri jistgħu jobbligaw il-ħatra ta' punt ta' kuntatt ċentrali meta l-fornituri tas-servizz ta' pagament u l-emittenti tal-flus elettroniċi jipprovdu servizzi fit-territorju tagħhom permezz ta' stabbilimenti f'forom oħra li mhumiex fergħa, iżda mhux meta jipprovdu servizzi mingħajr stabbiliment fit-territorju tagħhom.

(2)

Il-ħatra ta' punt ta' kuntatt ċentrali biex jiżgura konformità mar-regoli dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tidher ġustifikata meta d-daqs u l-iskala tal-attivitajiet imwettqa minn fornituri ta' servizzi ta' pagament u emittenti tal-flus elettroniċi permezz ta' stabbilimenti f'forom oħra li mhumiex fergħa tkun tissodisfa jew taqbeż ċerti limiti. Jenħtieġ li dawn il-limiti jiġu stabbiliti f'livell li jkun proporzjonat mal-għan tad-Direttiva (UE) 2015/849 biex tiġi ffaċilitata s-superviżjoni minn awtoritajiet kompetenti tal-konformità ta' stabbiliment bħal dawn, f'isem l-istituzzjoni tal-ħatra, mal-obbligi lokali kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (AML/CFT), filwaqt li fl-istess ħin ma jinħoloqx piż regolatorju bla bżonn fuq il-fornituri tas-servizzi ta' pagamenti u l-emittenti tal-flus elettroniċi.

(3)

Jidher li r-rekwiżit li jinħatar punt ta' kuntatt ċentrali ikun iġġustifikat ukoll meta Stat Membru jqis li r-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-operat ta' stabbilimenti bħal dawn jiżdied, kif muri, pereżempju, fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat ma' ċerti kategoriji ta' fornituri ta' servizzi ta' pagament jew emittenti tal-flus elettroniċi. Ma jenħtieġx li l-Istati Membri jiġu obbligati jwettqu valutazzjoni tar-riskju ta' istituzzjonijiet individwali għal dak il-għan.

(4)

Madankollu, f'każijiet eċċezzjonali, meta l-Istati Membri jkollhom raġunijiet raġonevoli biex jemmnu li r-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat ma' fornitur ta' servizzi ta' pagament jew emittent tal-flus elettroniċi li jopera stabbilimenti fit-territorji tagħhom huwa għoli, jenħtieġ li huma jkunu jistgħu jobbligaw lill-emittent jew il-fornitur tas-servizzi inkwistjoni sabiex jaħtar punt ta' kuntatt ċentrali, anki jekk dan ma jkunx jissodisfa l-limiti stabbiliti f'dan ir-Regolament jew ma jappartjenix għall-kategorija ta' istituzzjonijiet li huma obbligati jaħtru punt ta' kuntatt ċentrali fuq il-bażi tal-valutazzjoni tar-riskju tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu tal-Istat Membru.

(5)

Meta jinħatar punt ta' kuntatt ċentrali, jenħtieġ li huwa jiżgura, f'isem l-emittent tal-flus elettroniċi jew il-fornitur tas-servizzi ta' pagament li jaħtar, il-konformità tal-istabbilimenti tiegħu mar-regoli AML/CFT applikabbli. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-punt ta' kuntatt ċentrali jkollu fehim sod tar-rekwiżiti AML/CFT applikabbli u li jiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-proċeduri AML/CFT.

(6)

Jenħtieġ li l-punt ta' kuntatt ċentrali, fost l-oħrajn, ikollu rwol ċentrali ta' koordinazzjoni bejn l-emittent tal-flus elettroniċi jew il-fornitur tas-servizzi ta' pagament u l-istabbilimenti tal-ħatra tiegħu, u bejn l-emittent tal-flus elettroniċi jew il-fornitur tas-servizzi ta' pagament u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn joperaw l-istabbilimenti, biex tiġi ffaċilitata s-superviżjoni tagħhom.

(7)

L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu intitolati jiddeterminaw, fuq il-bażi tal-valutazzjoni kumplessiva tagħhom tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjati mal-attività tal-fornituri tas-servizzi ta' pagament u l-emittenti tal-flus elettroniċi li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom f'forom oħra li mhumiex fergħa, li l-punti ta' kuntatt ċentrali huma obbligati jwettqu ċerti funzjonijiet addizzjonali bħala parti mill-obbligu tagħhom li jiżguraw konformità mal-obbligi AML/CFT lokali. B'mod partikolari, jista' jkun xieraq li l-Istati Membri jesiġu lill-punti ta' kuntatt ċentrali li jippreżentaw, f'isem l-emittent tal-flus elettroniċi jew il-fornitur tas-servizzi ta' pagament li jaħtar, rapport dwar tranżazzjonijiet suspettużi tal-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) tal-Istat Membru ospitanti li l-entità obbliga hija stabbilita fit-territorju tiegħu.

(8)

Huwa f'idejn kull Stat Membru li jiddetermina jekk jenħtieġx li l-punti ta' kuntatt ċentrali jieħdu forma partikolari. Meta l-forma tkun preskritta, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-rekwiżiti jkunu proporzjonati u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan tal-konformità mar-regoli AML/CFT u tiġi ffaċilitata s-superviżjoni.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) lill-Kummissjoni.

(10)

L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej wettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzaw il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbu l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Konċernati Bankarji stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) rispettivament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)

il-kriterji għad-determinazzjoni taċ-ċirkustanzi meta l-ħatra ta' punt ta' kuntatt ċentrali skont l-Artikolu 45(9) tad-direttiva (UE) 2015/849 tkun xierqa;

(b)

regoli li jikkonċernaw il-funzjonijiet tal-punti ta' kuntatt ċentrali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“awtorità kompetenti” tfisser l-awtorità ta' Stat Membru kompetenti biex tiżgura l-konformità tal-emittenti tal-flus elettroniċi u l-fornituri tas-servizzi ta' pagamenti li huma stabbiliti fit-territorju tagħhom f'forom oħra li mhumiex fergħa u li l-uffiċċju prinċipali tagħhom jinsab fi Stat Membru ieħor, mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2015/849 kif trasposta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali;

(2)

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-emittenti tal-flus elettroniċi u l-fornituri tas-servizzi ta' pagament li l-uffiċċju ewlieni tagħhom jinstab fi Stat Membru ieħor huma stabbiliti f'forom oħra li mhumiex fergħa;

(3)

“emittenti tal-flus elettroniċi u fornituri tas-servizzi ta' pagament” tfisser l-emittenti tal-flus elettroniċi kif definiti fil-punt (3) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u l-fornituri tas-servizzi ta' pagament kif definiti fil-punt (9) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Artikolu 3

Kriterji għall-ħatra ta' punt ta' kuntatt ċentrali

1.   L-Istati Membri ospitanti jistgħu jobbligaw lill-emittenti tal-flus elettroniċi u l-fornituri tas-servizzi ta' pagament li għandhom stabbilimenti fit-territorju tagħhom f'forom oħra li mhijiex fergħa, u li l-uffiċċju ewlieni tagħhom jinsab fi Stat Membru ieħor, sabiex jaħtru punt ta' kuntatt ċentrali meta jiġi ssodisfat wieħed mill-kriterji li ġejjin:

(a)

l-għadd ta' stabbilimenti bħal dawn ikun ta' 10 jew aktar;

(b)

l-ammont kumulattiv ta' flus elettroniċi distribwiti u mifdija, jew il-valur kumulattiv tat-tranżazzjonijiet ta' pagament eżegwiti mill-istabbilimenti huwa mistenni jaqbeż EUR 3 miljun kull sena finanzjarja jew qabeż EUR 3 miljun fis-sena finanzjarja preċedenti;

(c)

L-informazzjoni meħtieġa biex tivvaluta jekk il-kriterju fil-punt (a) jew (b) huwiex sodisfatt ma titqiegħedx għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru meta ssir it-talba u fil-ħin.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri ospitanti jistgħu jobbligaw lill-kategoriji ta' emittenti tal-flus elettroniċi u ta' fornituri tas-servizzi ta' pagament li għandhom stabbilimenti fit-territorju tagħhom f'forom oħra li mhumiex fergħa, u li l-uffiċċju ewlieni tagħhom jinsab fi Stat Membru ieħor, sabiex jaħtru punt ta' kuntatt ċentrali fejn dan ir-rekwiżit huwa proporzjonat mal-livell ta' riskju tal-ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-operat ta' dawn l-istabbilimenti.

3.   L-Istati Membri ospitanti għandhom jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom tal-livell ta' riskju ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-operat ta' dawk l-istabbilimenti fuq is-sejbiet ta' valutazzjonijiet ta' riskju imwettqa f'konformità mal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 u fuq sorsi oħra kredibbli u affidabbli disponibbli għalihom. Bħala parti minn din il-valutazzjoni, l-Istati Membri ospitanti għandhom iqisu tal-anqas il-kriterji li ġejjin:

(a)

ir-riskju ta' ħasil tal-flus u finanzjament ta' terroriżmu assoċjat mat-tipi ta' prodotti u servizzi offruti u l-kanali tad-distribuzzjoni użati;

(b)

ir-riskju ta' ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mat-tipi ta' konsumaturi;

(c)

ir-riskju ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-prevalenza ta' tranżazzjonijiet okkażjonali fuq relazzjonijiet ta' negozju;

(d)

ir-riskju ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-pajjiżi u ż-żoni ġeografiċi fejn jingħata s-servizz.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, Stat Membru ospitanti jista', f'każijiet eċċezzjonali, jagħti s-setgħa lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jobbliga lill-emittent tal-flus elettroniċi jew lill-fornitur ta' servizzi ta' pagament li għandu stabbilimenti fit-territorju tiegħu f'forom oħra li mhumiex fergħa, u li l-uffiċċju ewlieni tiegħu jinsab fi Stat Membru ieħor, sabiex jaħtar punt ta' kuntatt ċentrali, dment li dak l-Istat Membru ospitanti jkollu raġunijiet raġonevoli biex jemmen li l-operat tal-istabbilimenti ta' dak l-emittent tal-flus elettroniċi jew il-fornitur tas-servizzi ta' pagament jippreżenta riskju għoli ta' ħasil ta' flus u finanzjament tat-terroriżmu.

Artikolu 4

L-iżgurar tal-konformità mar-regoli AML/CFT

Il-punt ta' kuntatt ċentrali għandu jiżgura li l-istabbilimenti speċifikati fl-Artikolu 45(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849 huma konformi mar-regoli AML/CFT tal-Istat Membru ospitanti. Għal dan il-għan, il-punt ta' kuntatt ċentrali għandu:

(a)

jiffaċilita l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' politiki u proċeduri AML/CFT skont l-Artikolu 8(3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2015/849 billi jinforma lill-emittent tal-flus elettroniċi jew lill-fornitur tas-servizzi tal pagament li jaħtar dwar ir-rekwiżiti AML/CFT applikabbli fl-Istat Membru ospitanti;

(b)

jissorvelja, f'isem l-emittent tal-flus elettroniċi jew il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-ħatra, il-konformità effettiva tal-istabbilimenti mar-rekwiżiti AML/CFT applikabbli fl-Istat Membru ospitanti u l-politiki, il-kontrolli u l-proċeduri tal-emittent tal-flus elettroniċi jew tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament li jaħtar, adottati skont l-Artikolu 8(3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(c)

informa lill-uffiċċju prinċipali tal-emittent tal-flus elettroniċi jew tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament li jaħtar dwar kwalunkwe ksur jew kwistjoni ta' konformità misjuba f'dawk l-istabbilimenti, inkluża kull informazzjoni li tista' taffettwa l-abbiltà tal-istabbiliment li jikkonforma b'mod effettiv mal-politiki u l-proċeduri AML/CFT tal-emittent tal-flus elettroniċi jew tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament li jaħtar, jew li tista' taffettwa b'mod ieħor il-valutazzjoni tar-riskju tal-emittent tal-flus elettroniċi jew tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament;

(d)

Jiżgura, f'isem l-emittent tal-flus elettroniċi jew il-fornitur tas-servizzi ta' pagament li jaħtru, li tittieħed azzjoni korrettiva f'każijiet meta dawk l-istabbilimenti ma jikkonformawx, jew jinsabu f'riskju li ma jikkonformawx, mar-regoli AML/CFT applikabbli.

(e)

jiżgura, f'isem l-emittent tal-flus elettroniċi jew il-fornitur tas-servizzi ta' pagament, li dawk l-istabbilimenti u l-persunal tagħhom jipparteċipaw fi programmi ta' taħriġ imsemmija fl-Artikolu 46(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849;

(f)

jirrappreżenta lill-emittent tal-flus elettroniċi jew lill-fornitur tas-servizzi ta' pagament li jaħtru, fil-komunikazzjonijiet tiegħu mal-awtoritajiet kompetenti u l-UIF tal-Istat Membru ospitanti.

Artikolu 5

Faċilitazzjoni ta' superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti

Il-punt ta' kuntatt ċentrali għandu jiffaċilita s-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ta' stabbilimenti speċifikati fl-Artikolu 45(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849. Għal dan il-għan, il-punt ta' kuntatt ċentrali għandu, f'isem l-emittent tal-flus elettroniċi jew il-fornitur tas-servizzi tal-pagament:

(a)

jirrappreżenta lill-emittent tal-flus elettroniċi jew lill-fornitur ta' servizzi ta' pagament li jaħtar fil-komunikazzjonijiet tiegħu mal-awtoritajiet kompetenti;

(b)

jaċċessa informazzjoni miżmuma minn dawk l-istabbilimenti;

(c)

iwieġeb għal kull talba magħmula mill-awtoritajiet kompetenti relatata mal-attività ta' dawk l-istabbilimenti, jipprovdi informazzjoni rilevanti miżmuma mill-emittent tal-flus elettroniċi jew fornitur ta' servizzi ta' pagament u minn dawk l-istabbilimenti li jaħtru lill-awtoritajiet kompetenti u jirrapporta fuq bażi regolari meta jkun xieraq;

(d)

jiffaċilita spezzjonijiet fuq il-post ta' dawk l-istabbilimenti meta jkun meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 6

Funzjonijiet addizzjonali ta' punt ta' kuntatt ċentrali

1.   Minbarra l-funzjonijiet speċifikati fl-Artikoli 4 u 5, l-Istati Membri ospitanti jistgħu jobbligaw lill-punti ta' kuntatt ċentrali li jwettqu, f'isem l-emittent tal-flus elettroniċi jew il-fornitur tas-servizzi ta' pagament li jaħtru, wieħed jew bosta mill-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-preżentazzjoni ta' rapporti skont l-Artikolu 33(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849 kif trasposta fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti;

(b)

iwieġbu għal kull talba tal-UIF relatata mal-attività tal-istabbilimenti speċifikati fl-Artikolu 45(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849, u jipprovdu informazzjoni rilevanti relatata ma' stabbilimenti bħal dawn tal-UIF;

(c)

jiskrutinizzaw it-tranżazzjonijiet biex jidentifikaw tranżazzjonijiet suspettużi meta jkun xieraq, fid-dawl tad-daqs u l-kumplessità tal-operazzjonijiet tal-emittent tal-flus elettroniċi jew tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament fl-Istat Membru ospitanti.

2.   L-Istati Membri ospitanti jistgħu jobbligaw lill-punti ta' kuntatt ċentrali sabiex iwettqu wieħed jew bosta funzjonijiet addizzjonali speċifikati fil-paragrafu 1 meta dawk il-funzjonijiet addizzjonali jkunu proporzjonati mal-livell kumplessiv ta' riskju ta' ħasil ta' flus u finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-operat ta' dawk il-fornituri tas-servizzi ta' pagament u l-emittenti tal-flus elettroniċi li għandhom stabbilimenti fit-territorji tagħhom f'forom oħra li mhumiex fergħa.

3.   L-Istati Membri ospitanti għandhom jibbażaw il-valutazzjoni tagħhom tal-livell ta' riskju ta' ħasil ta' flus jew finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mal-operat ta' stabbilimenti bħal dawn fuq is-sejbiet ta' valutazzjonijiet ta' riskju mwettqa f'konformita mal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849, l-Artikolu 3(2) ta' dan ir-Regolament meta jkun applikabbli, u fuq sorsi kredibbli u affidabbli oħrajn disponibbli għalihom.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Mejju 2018.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(5)  Id-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

(6)  Id-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2007 dwar is-servizzi ta' ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, (ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1).


Top