Vyberte si experimentálne prvky, ktoré chcete vyskúšať

Tento dokument je výňatok z webového sídla EUR-Lex

Dokument 32017R2159

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2159 tal-20 ta' Novembru 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 fir-rigward ta' ċerti referenzi għad-dispożizzjonijiet tal-ICAO (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/7599

    ĠU L 304, 21.11.2017, s. 45 – 46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Právny stav dokumentu Účinné

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/2159/oj

    21.11.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 304/45


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2159

    tal-20 ta' Novembru 2017

    li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 fir-rigward ta' ċerti referenzi għad-dispożizzjonijiet tal-ICAO

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament tal-ispazju tal-ajru) (1), u partikolarment l-Artikolu 6(7) tiegħu;

    Billi:

    (1)

    L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 (2) jirreferi għal dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Anness 11 tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili (il-Konvenzjoni ta' Chicago), u speċifikament għat-13-il edizzjoni ta' Lulju 2001, li tinkorpora l-Emenda Nru 49. Fl-10 ta' Novembru 2016, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) emendat l-Anness 11 tal-Konvenzjoni ta' Chicago, biex jinkorpora l-Emenda Nru 50 A.

    (2)

    L-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 jirreferi wkoll għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Proċeduri tal-ICAO għas-Servizzi tan-Navigazzjoni bl-Ajru — il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (PANS-ATM, id-Dok. 4444), u b'mod aktar speċifiku għall-15-il edizzjoni tal-2007 li tinkludi l-Emenda 6. Fl-10 ta' Novembru 2016, l-ICAO emendat id-Dokument 4444, biex jinkorpora l-Emenda Nru 7 A.

    (3)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-referenzi fir-Regolament (UE) Nru 255/2010 għall-Anness 11 tal-Konvenzjoni ta' Chicago u għad-Dokument 4444 jiġu aġġornati sabiex iqisu dawk l-emendi, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi legali internazzjonali tagħhom u jiżguraw il-konsistenza mal-qafas regolatorju internazzjonali tal-ICAO.

    (4)

    Għalhekk, ir-Regolament (UE) Nru 255/2010 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 255/2010, il-punti 1 u 2 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

    “1.

    Il-paragrafu 3.7.5 tal-Kapitolu 3 (Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru) tal-Anness 11 tal-Konvenzjoni ta' Chicago — Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru (l-14-il edizzjoni — Lulju 2016, li tinkorpora l-emenda Nru 50 A).

    2.

    Il-Kapitolu 3 (Il-kapaċità tas-sistema ATS u l-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru) tad-Dokument 4444 tal-ICAO, Proċeduri għas-Servizzi tan-Navigazzjoni tal-Ajru —Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (PANS-ATM) (is-16-il edizzjoni – 2016 li tinkorpora l-Emenda Nru 7 A).”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Novembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 tal-25 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 10).


    Začiatok