This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32017R1433
Commission Implementing Regulation (EU) 2017/1433 of 7 August 2017 entering a name in the register of protected designations of origin and protected geographical indications (Štajerski hmelj (PGI))
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1433 tas-7 ta' Awwissu 2017 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Štajerski hmelj (IĠP))
Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1433 tas-7 ta' Awwissu 2017 li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Štajerski hmelj (IĠP))
C/2017/5475
ĠU L 205, 8.8.2017, pp. 63–64
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
8.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 205/63 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1433
tas-7 ta' Awwissu 2017
li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (Štajerski hmelj (IĠP))
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 52(3)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tas-Slovenja biex id-denominazzjoni “Štajerski hmelj” tiddaħħal fir-reġistru bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
Id-denominazzjoni “Štajerski hmelj” tirreferi għal pjanta tal-ħops. Dan l-isem ifisser “ħops mir-reġjun ta' Steiermark”. Ir-reġjun ta' Steiermark huwa reġjun storiku marbut mat-territorji tal-Awstrija u tal-Slovenja. |
|
(3) |
Fis-26 ta' Awwissu 2016 il-Kummissjoni rċeviet avviż ta' oppożizzjoni u dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni mingħand l-Awstrija. Fit-12 ta' Settembru 2016 il-Kummissjoni għaddiet l-avviż ta' oppożizzjoni u d-dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni li rċeviet mingħand l-Awstrija lis-Slovenja. Fl-20 ta' Ottubru 2016 il-Kummissjoni rċeviet dokumenti oħrajn li jikkompletaw id-dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni. |
|
(4) |
L-Awstrija kienet kontra li d-denominazzjoni “Štajerski hmelj” tiddaħħal fir-reġistru minħabba li dan kien se jhedded l-eżistenza tal-ħops Awstrijak mir-reġjun ta' Steiermark. Id-denominazzjoni “Steirischer Hopfen” (“ħops mir-reġjun ta' Steiermark”) tintuża b'rabta mal-proċess tal-produzzjoni tal-birra, u d-denominazzjoni “Steirisches Bier aus steirischem Hopfen” (“birra mir-reġjun ta' Steiermark magħmula mill-ħops mir-reġjun ta' Steiermark”) hija marka li l-kumpanija msejħa “Brau Union Österreich AG” ilha tiżviluppa għal għexieren ta' snin kemm fis-suq nazzjonali kif ukoll f'dak internazzjonali. Għalhekk, jekk id-denominazzjoni “Štajerski hmelj” tiddaħħal fir-reġistru, dan se jagħmel ħsara kemm lill-interessi ekonomiċi tal-membri tal-Assoċjazzjoni tal-Produtturi tal-Ħops kif ukoll lill-interessi ekonomiċi tal-birreriji Awstrijaċi. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li din l-oppożizzjoni kienet ammissibbli u allura, permezz ta' ittra tat-13 ta' Diċembru 2016, li magħha hemżet ukoll id-dokumenti addizzjonali li l-Awstrija kienet bagħtet biex tikkompleta d-dikjarazzjoni raġunata ta' oppożizzjoni, hija stiednet lis-Slovenja u lill-Awstrija jikkonsultaw lil xulxin, fuq perjodu ta' tliet xhur, biex ifittxu li jilħqu ftehim bejniethom skont il-proċeduri interni tagħhom. |
|
(6) |
Il-Partijiet laħqu ftehim bejniethom dwar din il-kwistjoni u fis-6 ta' Marzu 2017 is-Slovenja bagħtet ir-riżultati ta' dan il-ftehim lill-Kummissjoni. |
|
(7) |
Is-Slovenja u l-Awstrija kkonkludew li jenħtieġ li jkomplu jitħallew jintużaw fis-suq it-termini “Hopfen aus der Steiermark” (“ħops mir-reġjun ta' Steiermark”) u “Hopfen aus der Südsteiermark” (“ħops min-naħa t'isfel tar-reġjun ta' Steiermark”), li jirreferu għal prodotti mkabbrin f'dawn iż-żewġ reġjuni tal-Awstrija, anke wara li d-denominazzjoni “Štajerski hmelj” tiddaħħal fir-reġistru bħala IĠP. Huma għarfu li t-termini “Hopfen aus der Steiermark” u “Hopfen aus der Südsteiermark” huma marbutin biċ-ċar mal-Awstrija u ma jirrappreżentaw l-ebda nuqqas ta' użu, imitazzjoni jew evokazzjoni tad-denominazzjoni “Štajerski hmelj” u aktarx mhux se jqarrqu bil-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott. |
|
(8) |
Fi kwalunkwe każ, sabiex il-konsumaturi ma jitħawdux, is-Slovenja u l-Awstrija qablu li meta t-termini “Hopfen aus der Steiermark” u “Hopfen aus der Südsteiermark” jintużaw fis-suq, jenħtieġ li t-tikketta jew il-preżentazzjoni tal-prodott jirreferu b'mod ċar ukoll għall-oriġini Awstrijaka tal-prodott permezz ta' kliem speċifiku, simboli speċifiċi jew preżentazzjoni speċifika fl-istess kamp viżiv tal-isem. Jenħtieġ li l-produtturi Awstrijaċi ma jużawx elementi li jirreferu għas-Slovenja fuq il-pakketti tal-prodotti tagħhom. Meta l-prodotti msejħin “Hopfen aus der Steiermark” jew “Hopfen aus der Südsteiermark” jiġu esportati, isimhom jista' jiġi tradott biss bħala “ħops Awstrijak”. Meta l-isem “Štajerski hmelj” ikollu jinqaleb għall-Ġermaniż, jenħtieġ li l-kelma “Štajerski” tinżamm kif inhi fit-traduzzjoni u li f'din it-traduzzjoni ma ssir l-ebda referenza għar-reġjun ta' Steiermark jew ta' Südsteiermark. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni tinnota li l-ftehim jirrikonoxxi l-fatt li d-denominazzjoni “Štajerski hmelj” tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tiddaħħal fir-reġistru bħala IĠP u li dan il-ftehim jistabbilixxi ċerti kundizzjonijiet leġittimi li għandhom l-għan li jiżguraw li d-drittijiet relatati jintużaw b'mod ġust. |
|
(10) |
Fid-dawl ta' dan kollu, jenħtieġ li d-denominazzjoni “Štajerski hmelj” tiddaħħal fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-denominazzjoni “Štajerski hmelj” (IĠP) hija rreġistrata.
Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tirreferi għal prodott tal-Klassi 1.8. Prodotti oħrajn elenkati fl-Anness I għat-Trattat (ħwawar eċċ.), imsemmija fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).
Artikolu 2
It-termini “Hopfen aus der Steiermark” u “Hopfen aus der Südsteiermark”, li jirreferu għall-ħops imkabbar fir-reġjuni Awstrijaċi ta' Steiermark u ta' Südsteiermark, jistgħu jkomplu jintużaw fis-suq, dejjem jekk it-tikketta jew il-preżentazzjoni tal-prodott jirreferu b'mod ċar ukoll għall-oriġini Awstrijaka tal-prodott permezz ta' kliem speċifiku, simboli speċifiċi jew preżentazzjoni speċifika fl-istess kamp viżiv tal-isem. Il-produtturi Awstrijaċi ma għandhomx jużaw elementi li jirreferu għas-Slovenja fuq il-pakketti tal-prodotti tagħhom.
Artikolu 3
It-termini “Hopfen aus der Steiermark” u “Hopfen aus der Südsteiermark”, li jintużaw biex jiġi kkummerċjalizzat il-ħops imkabbar fir-reġjuni Awstrijaċi ta' Steiermark u ta' Südsteiermark, jistgħu jiġu tradotti biss bħala “ħops Awstrijak”. Meta l-isem “Štajerski hmelj” jinqaleb għall-Ġermaniż, il-kelma “Štajerski” għandha tinżamm kif inhi fit-traduzzjoni u f'din it-traduzzjoni ma għandha ssir l-ebda referenza għat-termini “Steiermark” u “Südsteiermark”.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta' Awwissu 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(3) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).